MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
25.3.2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Zdzisław Zbigniew Podkański, Ewa Tomaszewska, Wiesław Stefan Kuc, Zbigniew Krzysztof Kuźmiuk, Bogdan Pęk, Andrzej Tomasz Zapałowski, Sylwester Chruszcz, Leopold Józef Rutowicz, Czesław Adam Siekierski u Adam Bielan
f'isem il-Grupp UEN
dwar l-irwol tal-kultura fl-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0166/2009
B6‑0167/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irwol tal-kultura fl-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta’ Mejju 2007 dwar il-kontribut tas-settur kulturali u dak kreattiv għall-ilħuq tal-objettivi ta’ Liżbona,
– wara li kkunsidra l-azzjoni fil-qasam tal-kultura, fil-kuntest tal-programm Kultura 2007 (2007-2013),
– wara li kkunsdra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar l-aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qiegħda ssir [1]globalizzata,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-ruħ kulturali tal-Ewropa qed issir dejjem iżjed importanti bħala mezz li jġib lill-Ewropej flimkien filwaqt li jirrispetta l-identitajiet kulturali u lingwistiċi tagħhom,
B. billi l-kulturi tal-Ewropa huma fatturi strateġiċi fl-iżvilupp tal-Ewropa fuq livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll fil-livell tal-istituzzjonijiet ċentrali Ewropej,
C. billi l-bliet u reġjuni qegħdin isiru atturi Ewropej hekk kif jagħmlu tagħhom l-idea tal-Ewropa u jagħtu kontribut favur l-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea,
D. billi proġetti kulturali msejsa fuq inizjattivi tas-soċjetà ċivili jidhru li huma effettivi fit-tisħiħ u l-iżvilupp tar-reġjuni,
E. billi l-kultura Ewropea hija importanti ħafna għar-reġjuni Ewropej bħala strument ta' djalogu interkulturali ma' pajjiżi terzi,
F. billi l-konferenzi reġjonali huma mod eċċellenti li permezz tiegħu gruppi ta' inizjattiva ċivika jistgħu jressqu proġetti u proposti, jaqsmu l-aħjar prattiki u jmexxu djalogu bejn il-partijiet responsabbli,
1. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-Green Paper b'għażla ta' azzjonijiet possibbli li jkunu maħsubin għat-tisħiħ tal-iżvilupp kulturali fir-reġjuni Ewropej;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta għażla ta' azzjonijiet possibbli li jkunu maħsuba għall-għemil ta' riċerka, għaż-żamma ta' reġistri u għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-kultura tradizzjonali lokali u reġjonali, b’mod speċjali l-lingwi, id-drawwiet, il-letteratura, il-mużika, iż-żfin, il-kostum reġjonali, l-arti folkloristika, l-artiġġjanat u l-bini;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-konferenzi reġjonali, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali u s-soċjetà ċivili lokali;
4. Jitlob azzjoni u kampanji ta' informazzjoni dwar l-irwol tal-proġetti kulturali għall-iżvilupp reġjonali;
5. Jitlob lill-partijiet ikkonċernati sabiex jaħdmu għall-implimentazzjoni bil-ħeffa u effiċjenti ta' proġetti bħal dawn;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2008)0124
- [2] Testi adottati, P6_TA(2008)0123.