MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
26.3.2009
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Gisela Kallenbach, László Tőkés u Milan Horáček
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0165/2009
B6‑0169/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inklużi dawk tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar il-futur tal-Ewropa sittin sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija[1], tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni ta' Holodomor[2], u tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar is-Srebrenica[3],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali[4],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjioni ta' Praga dwar il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu tat-3 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-memoriji tal-passat traġiku tal-Ewropa għandhom jinżammu ħajja sabiex jiġu onorati l-vittmi, jiġu kkundannati dawk li kkommettew ir-reati u jitħejja l-bini tal-pedamenti tar-rikonċiljazzjoni bbażati fuq il-verità u t-tifkira,
B. billi l-integrazzjoni Ewropea stabbilita kienet ta' tweġiba għat-tbatija imwikkija biż-żewġ gwerer dinjija u t-tirannija tan-Nażi li waslet għall-Olokawstu, u għat-tifrix tas-sistemi totalitarji u komunisti mhux demokratiċi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kif ukoll il-mod li bih jingħelbu qasmiet profondi u ta’ ostilità fl-Ewropa permezz tal-koperazzjoni u tal-integrazzjoni u tintemm il-gwerra u tiġi żgurata d-demokrazija fl-Ewropa,
C. billi l-proċess tal-integrazzjoni Ewropew kellu suċċess u issa wassal biex Unjoni Ewropea tinkludi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li għexu taħt sistemi komunisti mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija sal-bidu tas-snin 90, u billi l-adeżjonijiet li saru qabel tal-Greċja, Spanja u l-Portugal kienu ta' għajnuna sabiex tiġi żgurata d-demokrazija fin-nofsinhar tal-Ewropa,
D. billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-kostruzzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa li jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-futur, u billi l-mekkaniżmi adatti għall-infurzar ta' dan il-għan ġew ipprovduti bl-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
E. billi mill-perspettiva tal-vittmi, ma tagħmilx differenza b'liema sistema ġiet imċaħħda l-libertà tagħhom, ġew ittorturati jew maqtula,
1. Jesprimi rispett lejn il-vittmi kollha tas-sistemi totalitarji u mhux demokratiċi fl-Ewropa u juri stima lejn dawk li ġġieldu kontra t-tirannija u l-oppressjoni;
2. Jinnota li dawn is-sistemi kollha qiesu l-vjolenza statali bħala mezz aċċettabbli, preferut u effettiv biex jinżamm kontroll assolut fuq iċ-ċittadini tagħhom; ifakkar li dawn is-sistemi ta’ spiss użaw forom ta’ terrur, ħonqu l-libertajiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, taw bidu għall-gwerer aggressivi u, bħala parti integrali mill-idejoloġiji tagħhom qerdu, kissru u kkawżaw ħsarat kbar f’nazzjonijiet sħaħ u gruppi tal-popolazzjoni fuq bażijiet soċjali, politiċi u ta’ razza, u li, bħala tali, għandhom jidrhu bħala d-diżastru ewlieni morali, politiku u soċjali li rrovinaw is-Seklu XX;
3. Iġedded l-impenn tiegħu lejn Ewropa paċifika u prospera msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,
4. Jenfasizza l-importanza li t-tifkiriet jibqgħu ħajja, għaliex ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr tifkira; jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni komuni tal-Unjoni Ewropea kontra l-awtoritajiet totalitarji kollha li ġejjin minn kwalunkwe sfond ideoloġiku;
5. Ifakkar li l-aktar atti riċenti ta’ ġenoċidju u reati kontra l-umanità fl-Ewropa seħħew reċentement f’Lulju tal-1995, u li hemm bżonn ta' viġilanza regolari biex jiġu miġġildin ideat u tendenzi mhux demokratiċi, ksenofobiċi, awtoritarji u totalitarji;
6. Jenfasizza li sabiex tissaħħaħ il-kuxjenza Ewropea dwar ir-reati li twettqu mis-sistemi totalitarji u mhux demokratiċi, id-dokumentazzjoni u r-rakkonti ta' xhieda dwar il-passat mimli inkwiet tal-Ewropa għandhom jiġu appoġġjati, minħabba li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr it-tifkira tal-passat,
7. Jistieden f'dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tappoġġja u tiddefendi l-attivitajiet tal-Għaqdiet Non-Governattivi bħalma huwa l-mafkar tal-Federazzjoni Russa li huma mpenjati b’mod attiv fir-riċerka u l-ġbir ta’ dokumenti relatati mar-reati li twettqu matul il-perjodu ta’ Stalin;
8. Jiddispjaċih li wara 20 sena mill-waqgħa tas-sistemi komunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, l-aċċess għad-dokumenti li huma ta' rilevanza personali jew li huma meħtieġa għar-riċerka xjentifika għadu ristrett bla bżonn f'xi Stati Membri; jitlob għal sforz ġenwin fl-Istati Membri kollha biex jingħata aċċess għall-arkivji, inklużi dawk tas-servizzi ta' sigurtà interna, il-puliżija sigrieta u l-aġenziji ta' intelliġenza tal-passat;
9. Jikkundanna bil-kbir u mingħajr ekwivoku r-reati kontra l-umanità u l-vjolazzjonijiet fuq skala kbira kontra d-drittijiet tal-bniedem li twettqu mir-reġimi totalitarji Komunisti; jesprimi kondoljanzi, fehma u rikonoxximent għas-sofferenzi tagħhom lill-vittmi ta' dawn ir-reati u lill-membri tal-familji tagħhom;
10. Jiddikjara li l-integrazzjoni Ewropea bħala mudell għall-paċi u għar-rikonċilajzzjoni jirrapreżenta għażla ħielsa mill-popli tal-Ewropa biex jimpenjaw ruħhom lejn futur kondiviż u li l-Unjoni Ewropea għandha responsabilità partikulari biex tippromwovi u tissalvagwardja d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha,
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar sforzi akbar sabiex jintlaħaq ftehim komuni tal-istorja Ewropea u biex jenfasizzaw is-suċċess storiku tal-integrazzjoni Ewropea u l-kuntrast qawwi bejn il-passat traġiku u l-ordni soċjali paċifiku u demokratiku tal-lum fl-Unjoni Ewropea;
12. Jemmen li, sabiex il-memorja storika tiġi ppreservata kif xieraq, evalwazzjoni komprensiva tal-istorja Ewoprea u rikonoxximent tal-aspetti storiċi kollha tal-Ewropa moderna mal-Ewropa kollha huma neċessarji u inevitabbli, u dawn isaħħu l-integrazzoni Ewropea, ladarba futur aħjar jista’ jinbena biss permezz ta’ fehim aħjar ta' passat kondiviż, li jservi wkoll biex jelimina l-possibilità li sistemi totalitarji jerġgħu jinħolqu;
13. Jitlob għall-proklamazzjoni ta’ Ġurnata ta’ Tifkira mal-Ewropa kollha għall-vittmi tas-sistemi totalitarji u mhux demokratiċi, biex jiġu kkommemorati b’dinjità u b’imparzjalità, u jistieden lill-gvernijiet kollha tal-UE biex jistabbilixxu t-23 ta' Awwissu, il-ġurnata meta l-Patt bejn Ribbentrop u Molotov ġie ffirmat fl-1939, bħala l-Ġurnata Ewropea ta’ Tifkira għall-Vittmi tas-sistemi tan-Nazi u ta' Stalin;
14. Itenni l-appoġġ konsistenti tiegħu għall-ġustizzja internazzjonali msaħħa, b'mod partikulari fir-rigward ta' xogħol ta' valur tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali u tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
15. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kandidati, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi assoċjati mal-Unjoni Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Membri tal-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 114.
- [2] Testi adottati: P6_TA(2008)0523.
- [3] Testi adottati: P6_TA(2009)0028.
- [4] ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.