Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0170/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0170/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

26.3.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Konrad Szymański, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka, Mirosław Mariusz Piotrowski, Zdzisław Zbigniew Podkański, Wojciech Roszkowski, Inese Vaidere, Ģirts Valdis Kristovskis, Roberts Zīle u Ewa Tomaszewska
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0165/2009

Proċedura : 2009/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0170/2009
Testi mressqa :
B6-0170/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0170/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 260 (III) A tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Diċembru 1948 dwar il-Ġenoċidju,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fi żminijiet ta' gwerra 'f'idejn' għadu u taħt okkupazzjoni militari minn forza barranija,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta' Marzu 2001 fil-kawżi Streletz, Kessler u Krenz v. il-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2005, dwar is-sittin anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa[1],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali[2],

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2006 dwar il-ħtieġa ta' kundanna internazzjonali tar-reati tar-reġimijiet Komunisti totalitarji,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ li saret fi Brussell fit-8 ta' April 2008 dwar reati li twettqu minn reġimijiet totalitarji,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet dwar ir-reati ta' reġimijiet Komunisti totalitarji adottati minn għadd ta' parlamenti nazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjioni ta' Praga dwar il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu tat-3 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Settembru 2008 dwar il-proklamazzjoni tat-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Naziżmu,

–  wara li kkunsidra l-ħtieġa li tkun organizzata t-tismija tal-kampijiet ta' konċentrament u ta' qerda,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni Nru 31COM 8B.8, tal-Kumitat għall-Wirt Dinji tal-UNESCO,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq l-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem,

B.  billi l-ġustizzja hija parti minn dawn il-valuri fundamentali tal-Ewropa u billi għarfien storiku tajjeb huwa neċessarju sabiex tkun eżerċitata u mħeġġa l-ġustizzja,

C.  billi l-qtil li sar u t-tjassir li kien ikkawżat mill-atti ta' aggressjoni mwettqa mill-Faxxiżmu u mill-Istaliniżmu jitqiesu bħala reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità,

D.  billi l-forom estremi ta' ħakma totalitarja pprattikati mid-dittatorjati Nazisti, Faxxisti u Komunisti Sovjetiċi kienu responsabbli ta' reati premeditati u enormi fuq skala li qatt ma kien hemm bħalha fl-istorja li twettqu kontra miljuni ta' bnedmin u d-drittijiet bażiċi u inaljenabbli tagħhom,

E.  wara li kkunsidra x-xhieda ħajja u l-attitudni soda ta' ħafna nies li opponew din l-oppressjoni, bħar-Rotamaster Witold Pilecki – l-unika persuna li marret minn jedda f'kamp tal-mewt tan-Nazisti (Auschwitz) sabiex jorganizza moviment ta' reżistenza hemmhekk u jiġbor tagħrif dwar il-qtil tal-massa,

F.  billi huwa importanti wkoll li jitfakkru dawk il-persuni, li – bħar-Rotamaster Witold Pilecki – opponew b'mod attiv il-ħakma totalitarja u li għandhom jibqgħu jiġu mfakkra mill-Ewropej bħala l-eroj tal-era totalitarja minħabba d-dedikazzjoni, il-fedeltà lejn l-ideali, l-unur u l-kuraġġ tagħhom,

G.  billi r-reati ta' ġenoċidju twettqu wkoll minn gruppi militanti mmexxija mill-ideoloġija totalitarja tar-reġimijiet totalitarji,

H.  billi l-injoranza u l-clichés foloz fil-memorja storika tal-Ewropej jistgħu jagħtu lok għal abbużi nazzjonalisti jew abbużi oħra tat-tifkira storika,

I.  billi tinħtieġ oppożizzjoni effettiva għall-falsifikazzjoni tal-istorja u għat-tentattivi ta' inkriminazzjoni tal-vittmi tar-reat tal-ġenoċidju,

J.  billi hija biss Ewropa b'saħħitha u li taf l-istorja li jista' jkollha l-ħila toħloq opportunitajiet li jegħlbu l-mostrożitajiet tal-imgħoddi,

K.  wara li kkunsidra t-taqbida ideoloġika li qed isseħħ illum dwar l-interpretazzjoni tal-imgħoddi totalitarju riċenti tal-Ewropa, kemm jekk bil-għan li jkunu ġġustifikati r-reati Sovjetiċi kif ukoll biex ir-reati Nazisti jitqiesu bħala ħaġa ta' xejn,

L.  billi l-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern laħaq ftehim politiku rigward Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija fid-19 ta' April 2007 u ddeċieda li d-dispożizzjonijiet fir-rigward tar-responsabilità kriminali għall-iskużar, it-tiċħid jew it-trivjalizzazzjoni fil-pubbliku m'għandhomx ikunu estiżi għal każijiet li ma jkunux immotivati mir-razziżmu jew il-ksenofobija, u li għalhekk ir-reati li twettqu għal raġunijiet oħra, eż. mir-reġimijiet Komunisti totalitarji ma jkunux koperti mill-ambitu tad-dokument,

M.  billi fit-8 ta' April 2008 l-Kummissjoni mexxiet seduta ta' smigħ dwar ir-reati tal-gwerra mwettqa mir-reġimijiet totalitarji, bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill u ta' grupp ta' Membri tal-Parlament Ewropew,

1.  Jiddispjaċih li d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' April 2007 dwar id-Deċiżjoni Qafas dwar reati mwettqa għal raġunijiet ta' razza, kulur, reliġjon, nisel jew oriġini nazzjonali jew etnika ma tkoprix r-reati mwettqa għal raġunijiet oħra, eż. minn reġimijiet Komunisti totalitarji;

2.  Jinnota li l-ġenoċidji bħall-Olokawst, ir-reati enormi kontra l-umanità u l-vjolazzjonijiet fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem bħad-deportazzjonijiet tal-massa mill-Istati Baltiċi, mill-Polonja u minn pajjiżi oħra, l-eżekuzzjonijiet tal-massa bħall-massakru fil-Foresta Katyn ta' uffiċjali Pollakki kif ukoll ta' uffiċjali tal-armata Latvjana f'Litene, il-ħolqien u t-tħaddim ta' kampijiet ta' konċentrament u l-Gulag, il-karestija maħluqa mill-bniedem fl-Ukraina, iċ-ċaħda tad-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, tal-kelma, tal-moviment u ħafna reati oħra mwettqa taħt il-Komuniżmu totalitarju, la kienu investigati sew u lanqas ġew evalwati internazzjonalment;

3.  Jenfasizza li minkejja li n-nazzjonijiet tal-Ewropa, li ġarrbu kemm ir-reġimijiet totalitarji Komunisti kif ukoll dawk Nazisti, għamlu sforz kbir biex jegħlbu l-konsegwenzi tagħhom, huwa l-kompitu tal-Unjoni Ewropea li tinvestiga u tevalwa r-reati tar-reġimijiet totalitarji Komunisti, Nazisti u ta' reġimijiet totalitarji oħra mwettqa fit-territorju Ewropew, sabiex issir enfasi fuq dak li ġarrbu kwart taċ-ċittadini tal-Ewropa u sabiex jingħata ġudizzju dwar dawn ir-reġimijiet;

4.  Ifakkar li ċ-ċittadini li għadhom vittmi ta' reġimijiet Komunisti totalitarji huma sfurzati, fil-pajjiżi tal-ex-blokk Sovjetiku, li jaċċettaw kontra qalbhom li jgħixu mal-persuni li jirrikonoxxu bħala dawk li wettqu r-reati u li qatlu 'l qrabathom;

5.  Jenfasizza li persuni mill-pajjiżi meħlusa mill-okkupazzjoni Sovjetika għadhom qed ibatu l-konsegwenzi tar-reġim totalitarju bħar-russifikazzjoni, bidliet sfurzati fis-sitwazzjoni demografika tal-Istat u problemi psikoloġiċi kbar ikkawżati mir-reġim; jitlob li dawn il-fatti jitqiesu sabiex jintlaħqu konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni politika, soċjali u interetnika f'dawk il-pajjiżi;

6.  Huwa preokkupat minħabba l-fatt li persuni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa f'xi Stati Membri tal-UE huma diviżi b'mod ċar minn fehmiet u opinjonijiet kuntrarji u differenti għalkollox tal-istorja Ewropea li jkunu ħadu mill-familji tagħhom; jibża' li dan jista' jwassal għal periklu ta' taqbid bejn dawn il-gruppi tas-soċjetà fil-ġejjieni; huwa preokkupat li hemm nuqqas kbir ta' għarfien dwar ir-reġim totalitarju Komunist f'għadd ta' partijiet tas-soċjetà tal-Punent, speċjalment fost iż-żgħażagħ; jitlob li jkun hemm għarfien pubbliku akbar dwar l-istorja Ewropea u li t-tagħrif dwar dan il-qasam tal-istorja jkun inkluż fil-kurrikuli tal-iskejjel;

7.  Jemmen li, sabiex il-memorja storika tinżamm kif xieraq, rievalwazzjoni komprensiva tal-istorja Ewoprea u rikonoxximent fl-Ewropa kollha tal-aspetti storiċi kollha tal-Ewropa moderna mal-Ewropa jsaħħu l-integrazzoni Ewropea, ladarba futur aħjar jista’ jinbena biss permezz ta’ ftehim aħjar tal-imgħoddi komuni, li jservi wkoll biex titneħħa l-possibilità ta' riġenerazzjoni tar-reġimijiet totalitarji;

8.  Jipproponi li l-25 ta' Mejju (l-anniversarju tal-eżekuzzjoni tal-Eroj ta' Auschwitz Rotamaster Witold Pilecki fil-25 ta' Mejju 1948) ikun stabbilit bħala l-Jum Internazzjonali tal-Eroj tal-Ġlieda Kontra t-Totalitarjaniżmu, bħala turija ta' rispett u omaġġ lil dawk kollha li, permezz tal-ġlieda kontra t-tirannija, kienu xhieda tal-eroiżmu u l-imħabba vera tagħhom għall-umanità, u jagħti lill-ġenerazzjonijiet futuri indikazzjoni ċara tal-attitudni korretta meta jkunu ffaċċjati bit-theddida tat-tjassir totalitarju;

9.  Iqis li l-perċezzjonijiet attwali ta' abbużi u atroċitajiet fl-imgħoddi huma parti importanti mid-dibattiti kontemporanji dwar id-demokrazija;

10.  Jiġbed l-attenzjoni li r-reati mwettqa mir-reġim Komunist totalitarju ma jistgħux ikunu skużati jew meħlusa mill-ħtija minħabba l-kontribut u l-merti tal-Unjoni Sovjetika sabiex jingħeleb ir-reġim Nazista; fl-istess ħin jenfasizza li mhuwiex aċċettabbli li l-Federazzjoni Russa tadotta leġiżlazzjoni li tippenalizza lil kull min jipprova janalizza l-avvenimenti tat-Tieni Gwerra Dinjija minn perspettiva differenti minn dik tad-deċennji preċedenti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu azzjoni konkreta sabiex ikun żgurat li r-riżultati tas-seduta ta' smigħ tat-8 ta' April 2008, li huma riflessi fid-Dokument ta' Kontribut tas-Seduta ta' smigħ, ikunu tqiesu fil-ħidma ulterjuri lejn approċċ komuni fl-UE kollha rigward ir-reati mwettqa mir-reġimijiet totalitarji;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri biex jappoġġjaw l-infurzar tal-istrumenti eżistenti tal-liġi internazzjonali sabiex il-vjolazzjonijiet kbar tad-drittijiet tal-bniedem bħall-ġenoċidju u r-reati kontra l-umanità jkunu illegali, punibbli, kif ukoll sabiex il-persuni jistgħu jitħarrku għal dawn il-vjolazzjonijiet;

13.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isibu l-istrumenti legali li bihom jistgħu jistabbilixxu l-aħjar qafas u proċeduri għall-investigazzjoni u l-evalwazzjoni tar-reati tar-reġimijiet Komunisti, Nazisti u ta' reġimijiet totalitarji oħra f'livell tal-UE; jinnota li dawn il-mezzi legali għandhom ikunu msejsa fuq il-liġi internazzjonali u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tat-Tribunal ta' Nuremberg;

14.  Jenfasizza li l-komunità internazzjonali hija responsabbli biex timmoniterja l-prosekuzzjoni obbligatorja ta' min iwettaq ġenoċidju, u jfakkar li t-twaqqif ta' istituzzjonijiet speċjali tal-prosekuzzjoni f'diversi stati huwa parti minn sforz internazzjonali biex tintemm l-impunità għall-qattiela tal-massa organizzati;

15.  Jitlob li jitwaqqaf istitut Ewropew għar-riċerka biex jittratta l-iżviluppi l-aktar importanti tal-istorja Ewropea tas-seklu għoxrin, inklużi reati mhux rikonoxxuti jew minsija jew abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem u tal-obbligi internazzjonali, permezz ta' riċerka u ġbir tal-fatti bir-reqqa, l-evalwazzjoni tar-responsabilità, l-evalwazzjoni tal-aspetti legali u morali u t-teħid, meta jkun meħtieġ, ta' passi legali;

16.  Jipproponi li t-23 ta' Awwissu jkun stabbilit bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Vittmi tar-Reġimijiet Totalitarji;

17.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-passi meħtieġa għat-tismija xierqa tal-kampijiet ta' konċentrament u ta' qerda Ġermaniżi u Sovjetiċi sabiex ikun evitat li l-ħtija tal-ġenoċidju tkun attribwita lill-vittmi minflok lil min ikun wettqu;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.