MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
26.3.2009
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Annemie Neyts-Uyttebroeck and István Szent-Iványi
f'isem il-Grupp ALDE
dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0165/2009
B6‑0171/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inklużi dawk tal-12 ta’ Mejju 2005 dwar il-futur tal-Ewropa sittin sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija[1], tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni ta' Holodomor[2], u tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar is-Srebrenica[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-memorji tal-passat traġiku tal-Ewropa għandu jinżamm ħaj sabiex jiġu onorati l-vittmi, jikkundanaw dawk li kkommettew ir-reati u jħejju l-bini tal-pedamenti tar-rikonċiljazzjoni bbażati fuq il-verità u t-tifkira,
B. billi l-integrazzjoni Ewropea mill-bidu tagħha kienet tweġiba għat-tbatija kkawżata miż-żewġ gwerer dinjija u t-tirannija tan-Nażi li waslet għall-Olokawst, u għat-tifrix tar-reġimi totalitarji u kommunisti mhux demokratiċi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kif ukoll il-mod li bih jingħelbu qasmiet profondi u ta’ ostilità fl-Ewropa permezz tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni u t-tmiem ta’ gwerra u għas-sikurezza tad-demokrazija fl-Ewropa,
C. billi l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea kellu suċċess u issa wassal għall-Unjoni Ewropea li tinkludi l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li għexu taħt reġimi kommunisti mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija sal-bidu tas-snin 90, u billi l-adeżjonijiet iktar bikrin tal-Greċja, Spanja u l-Portugal kienu ta' għajnuna sabiex tiġi żgurata d-demokrazija fin-nofsinhar tal-Ewropa,
1. Jesprimi rispett lejn il-vittmi kollha tar-reġimi totalitarji u mhux demokratiċi fl-Ewropa u juri stima lejn dawk li ġġieldu kontra t-tirannija u l-oppressjoni;
2. Iġedded l-impenn tiegħu lejn Ewropa paċifika u prospera msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jenfasizza l-importanza li jinżammu ħajjin il-memorji tal-passat, minħabba li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr tifkira, jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni magħquda tiegħu kontra t-tmexxija totalitarja minn kull sfond ideoloġiku; jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni komuni tal-Unjoni Ewropea kontra l-awtoritajiet totalitarji kollha ġejjin minn kwalunkwe sfond ideoloġiku;
4. Ifakkar li l-aħħar att tal-ġenoċidju fl-Ewropa seħħ f'Srebrenica fi żmien daqshekk reċenti daqs Lulju tal-1995, u li hemm bżonn ta' viġilanza kostanti biex jiġu miġġildin ideat u tendenzi mhux demokratiċi, ksenofobiċi, awtoritarji jew totalitarji;
5. Jenfasizza li sabiex tissaħħaħ il-kuxjenza Ewropea dwar ir-reati kummessi mir-reġimi totalitarji u mhux demokratiċi, id-dokumentazzjoni u r-rakkonti ta' xhieda dwar il-passat mimli inkwiet tal-Ewropa għandhom jiġu appoġġjati, minħabba li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr it-tifkira;
6. Jiddispjaċih li wara 20 sena mill-waqa' tar-reġimi kommunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, l-aċċess għad-dokumenti li huma ta' rilevanza personali jew li huma meħtieġa għar-riċerka xjentifika għadu ristrett bla bżonn f'xi Stati Membri; jitlob għal sforz ġenwin fl-Istati Membri kollha biex jinfetħu l-arkivji, inklużi dawk tas-servizzi ta' sigurtà interna, il-puliżija sigrieta u l-aġenziji ta' intelliġenza ta' dari;
7. Jiddikjara li l-integrazzjoni Ewropea bħala mudell għall-paċi u għar-rikonċilajzzjoni jirrapreżenta għażla ħielsa mill-popli tal-Ewropa biex jimpenjaw ruħhom lejn futur kondiviż u li l-Unjoni Ewropea għandha responsabilità partikulari biex tippromwovi u tissalvagwardja d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha;
8. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu iktar sforzi sabiex jintlaħaq ftehim komuni tal-istorja Ewropea u biex jenfasizzaw is-suċċess storiku tal-integrazzjoni Ewropea u l-kuntrast qawwi bejn il-passat traġiku u l-ordni soċjali paċifiku u demokratiku tal-lum fl-Unjoni Ewropea;
9. Itenni l-appoġġ konsistenti tiegħu għal ġustizzja internazzjonali msaħħa, permezz tal-istabbiliment tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u qrati oħra speċjalizzati;
10. Jitlob għall-proklamazzjoni tat-23 ta' Awissu bħala Jum ta' Tifkir madwar l-Ewropa għall-vittmi ta' kull reġim totalitarju u awtoritarju, biex dan jiġi mfakkar b'dinjità u imparzjalità;
11. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kandidati, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi assoċjati mal-Unjoni Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Membri tal-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] Testi adottati: P6_TA(2005)0180.
- [2] Testi adottati: P6_TA(2008)0523.
- [3] Testi adottati: P6_TA(2009)0028.