Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0175/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0175/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

26.3.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Diana Wallis, Bilyana Ilieva Raeva, Kyösti Virrankoski, Anne E. Jensen, Johannes Lebech, Olle Schmidt, Anneli Jäätteenmäki u Anne Laperrouze
f'isem il-Grupp ALDE
dwar it-trattat internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0163/2009

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0175/2009
Testi mressqa :
B6-0175/2009
Testi adottati :

B6‑0175/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trattat internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali Polari (IPY), inizjattiva konġunta tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika dinjija u l-Kunsill Internazzjonali għax-Xjenza bil-għan li tipprovdi osservazzjoni u komprensjoni aħjar tar-reġjuni polari tad-Dinja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni dwar l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku (COM(2008)0763),

–  wara li kkunsidra l-Konferenza "Arctic Transform" li saret fi Brussell fil-5 ta' Marzu 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-governanza tal-Artiku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġjun tal-Artiku bħalissa mhuwiex imħares b'normi u regolamenti multilaterali, b'mod partikolari minħabba li qatt ma kien mistenni li jsir kanal navigabbli, inqas u inqas zona miftuħa għall-isfruttament kummerċjali,

B.  billi li t-traffiku marittimu fl-ibħra tal-Artiku żdied bid-dieher f'dawn l-aħħar snin minħabba li żdied l-interess fit-tħaffir f'baħar miftuħ u minħabba li qed jgħaddu l-vapuri tal-passiġġieri b'mod dejjem aktar frekwenti, kif ukoll il-prospetti li joffri l-Passaġġ tal-Majjistral,

C.  billi r-reġjun Artiku jista' jkun fih madwar 20% tar-riservi dinjija ta' żejt u gass li għadhom ma ġewx skoperti, b'dak kollu li jimplika dan għall-ambjent uniku tal-Artiku jekk dawn ir-riżervi jiġu sfruttati b'mod kummerċjali,

D.  billi l-bidliet fil-kundizzjonijiet klimatiċi tal-Artiku huma tali li l-poplu Inuit, pereżempju, ma jistax jibqa' jmur għall-kaċċa bil-mod tradizzjonali, billi s-silġ huwa rqiq wisq biex jiflaħ is-slitti tagħhom, filwaqt li annimali selvaġġi bħall-orsijiet bojod, walrusijiet u volpijiet jinsabu fil-periklu li jaraw il-ħabitats tagħhom jgħosfru,

E.  billi l-eżistenza ta' ġurisdizzjonijiet differenti fir-reġjun Artiku ġġib magħha l-periklu li jfaqqgħu kunflitti kbar bejn pajjiżi li jkunu jridu jħarsu (fosthom b'mezzi militari) dawk li jqisu li jkunu l-interessi nazzjonali tagħhom,

F.  billi n-newtralizzazzjoni ġeopolitika tar-reġjun tippermetti żieda fil-koperazzjoni bejn in-nazzjonijiet ċirkumpolari,

G.  billi l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati fl-EEA jġibu flimkien aktar minn nofs is-sħubija tal-Kunsill tal-Artiku,

1.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jibdew negozjati internazzjonali għall-adozzjoni ta' trattat internazzjonali għall-ħarsien tal-Artiku, fuq il-mudell tat-Trattat tal-Antartiku eżistenti, sabiex ir-reġjun tal-Artiku jsir żona ta' paċi u koperazzjoni riservata biss għall-attivitajiet ta' paċi u ħielsa minn tilwim dwar is-sovranità;

2.  Jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex tiġi evitata żieda fil-preżenza militari fl-Artiku u sabiex tiġi żviluppata l-koperazzjoni dwar is-sigurtà fiz-zona sabiex l-Artiku jinżamm bħala reġjun ta' tensjoni baxxa u sabiex il-ħarsien tiegħu bħala reġjun li fil-ġejjieni se jkun fornitur tal-enerġija jiġi żviluppat bis-sħiħ f'qafas ambjentali sostenibbli;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikseb mill-aktar fis possibbli tal-inqas status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Artiku u biex tiżgura żvilupp politiku ikbar għal dan il-korp; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra serjament li twaqqaf uffiċċju ddedikat għall-Artiku;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li jiġu ssikkati r-regoli internazzjonali dwar is-sikurezza tat-traffiku marittimu fil-partijiet partikolarment sensittivi tar-reġjun, bl-introduzzjoni ta' emendi xierqa għar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u billi taħdem biex ikun stabbilit "Kodiċi Polari għan-Navigazzjoni fl-Artiku", u jitlob għat-twaqqif, taħt awtorità internazzjonali, ta' faċilitajiet ta' rmunkar, salvataġġ, u reazzjoni għal inċidenti u diżastri fl-Oċean Artiku;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mal-awtoritajiet Russi għall-garanzija tal-libertà tan-navigazzjoni u d-dritt ta' passaġġ u biex tiggarantixxi li ma jkunx hemm prattiki diskriminatorji, b'mod partikolari rigward ħlas, servizzi obbligatorji u regoli u regolamenti, sabiex jiġu ggarantiti l-vijabilità u s-sostenibilità ambjentali ta' rotot ġodda ta' tbaħħir;

6.   Jitlob lill-Kunsill biex jinkludi l-Artiku fl-aġenda tal-laqgħa għolja li se ssir dalwaqt bejn l-UE u r-Russja;

7.  Huwa mħasseb sew dwar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-sostenibilità tal-ħajjiet tal-popli indiġeni fir-reġjun, kemm rigward l-ambjent ġenerali (it-tidwib tal-għata polari tas-silġ u l-permafrost, il-livelli tal-baħar li qegħdin jogħlew u l-għargħar) u kemm rigward il-ħabitat naturali (l-għata polari li dejjem qiegħda tirtira toħloq problemi għad-drawwiet alimentari tal-orsijiet bojod), u jenfasizza li kull deċiżjoni internazzjonali marbuta ma' dawn il-kwistjonijiet għandha tinvolvi u tqis bis-sħiħ lill-popli u n-nazzjonijiet kollha tal-Artiku;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bidliet fil-firxiet tas-silġ tal-Artiku se jkollhom impatt fuq il-livelli globali tal-baħar, li se jolqot il-bliet ta' mal-kosta u zoni baxxi, filwaqt li d-degradazzjoni termali tal-permafrost se tillibera riżervi vasti ta' karbonju ffriżat, li parti minnhom, bħala metanu, se tkabbar l-effett globali tal-gassijiet b'effett ta' serra; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiggarantixxu li r-reġjun Artiku, minħabba l-impatt tiegħu fuq il-klima dinjija u l-ambjent naturali uniku tiegħu, jingħata kunsiderazzjoni speċjali meta l-UE tifformula l-pożizzjoni tagħha għall-Konferenza tan-NU COP 15 dwar il-Bidla fil-Klima, li għandha ssir f'Kopenħagen f'Diċembru 2009;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tar-Russja, tal-Kanada, u tal-Istati Uniti, kif ukoll lill-parteċipanti tal-koperazzjoni reġjonali.