Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0190/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0190/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

16.4.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Francis Wurtz u Sahra Wagenknecht
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-konklużjonijiet tas-Samit tal-G20

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0190/2009
Testi mressqa :
B6-0190/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0190/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tas-Samit tal-G20

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit tal-G20 li sar f’Londra mit-2 sat-3 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

A.  billi l-konvinzjoni li għandhom, b'mod komuni, il-mexxejja politiċi u kummerċjali u l-ekonomisti li jsegwu l-mod ta' ħsieb predominanti li 'is-swieq ħielsa jagħmlu għażliet aħjar' u li l-interazzjoni ħielsa tal-forzi tas-suq tiggarantixxi allokazzjoni effiċjenti u effettiva tar-riżorsi ġiet miċħuda b'evidenza b'saħħitha mill-kriżi finanzjarja u ekonomika,

B.  billi l-inugwaljanza li qed tiżdied fid-distribuzzjoni tad-dħul u l-ġid (qligħ u ġid li qed jiżdiedu, tnaqqis drastiku tas-sehem tal-ħaddiema fid-dħul nazzjonali) f'dawn l-aħħar 30 sena kienet il-fattur ewlieni li qanqal it-tkabbir enormi tal-investiment fis-swieq finanzjarji u l-ħolqien tal-bużżieqa tal-prezzijiet tal-assi,    

C.  billi l-globalizzazzjoni, il-liberalizzazzjoni u d-deregolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji wittew it-triq għall-innovazzjoni finanzjarja (derivatives, hedge funds, private equity, securitisation, structured investment vehicles, eċċ.), li min-naħa tagħha wasslet għal leverage eċċessiv u eċċessivament proċikliku, imġiba li tħares fil-qasir, waqt li ġew imposti objettivi insostenibbli għal rati għoljin ta' redditu fuq l-intrapriżi fil-kuntest tal-produzzjoni u s-servizzi ("orjentazzjoni lejn aktar valur għall-azzjonisti"), kif ukoll riskji li ttieħdu malajr u b'mod mifrux; billi, għalhekk, ġie ppruvat li kemm il-politiki neoliberali tal-liberalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji kif ukoll l-orjentazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir biex jiżdied akkost ta' kollox il-valur għall-azzjonisti huma kompletament falluti,

D.  billi mhumiex biss il-maniġers rgħab tal-industrija finanzjarja li għandhom it-tort għall-kriżi, imma, ugwalment, il-gvernijiet tal-Istati Uniti, ta' kważi l-Istati Membri kollha tal-UE u l-Istituzzjonijiet tal-UE li kollha ppromwovew il-liberalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji, fl-UE, speċifikament permezz tal-Pjan ta' Azzjoni għas-Swieq Finanzjarji tal-UE u l-pakkett Lamfalussy li kienu bbażati fuq "awtoregolamentazzjoni" mis-settur finanzjarju;

E.  billi l-kriżi attwali tenfasizza l-bżonn li tiġi kkombinata s-setgħa ekonomika u politika kollha tad-dinja sħiħa biex il-kriżi tiġi affrontata permezz ta' politiki fiskali kkoordinati u biex jitrażżnu s-swieq finanzjarji; billi d-"dinja tal-punent" tradizzjonali, speċjalment l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-UE, m'għadhiex kapaċi ssolvi waħedha l-problemi; billi s-Samit tal-G20 kien għalhekk mistenni li jniedi ordni ekonomika dinjija ġdia bi rwol importanti għall-pajjiżi emerġenti;

1.  Jindika li d-dinja għandha bżonn b'mod urġenti ta' politiki kkoordinata l-ekonomija biex tiġi stabbilizzata kontra r-riċessjoni, tiġi affrontata l-bidla fil-klima, jissaħħaħ l-iżvilupp ambjentalment u soċjalment sostenibbli, jissaħħu s-servizzi pubbliċi u jiġu promossi impjiegi għal kulħadd b'xogħlijiet ta' kwalità u drittijiet soċjali; jisogħbih bis-saħħa, għalhekk, li, apparti l-wegħdiet ta' aktar riżorsi għall-Fond Monetarju Internazzjonali, is-Samit tal-G20 ma rnexxilux javvanza l-aġenda lejn l-objettiv iddikjarat minnhom stess li jiġu stabbiliti r-regoli għal "ordni ekonomika ġdida";

2.  Jirrimarka li huma biss l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġappun li niedu pakketti ta' stimolu baġitarju ta' biżżejjed kobor li tiġi affrontata x-xejra 'l isfel fl-ekonomija; jisogħbih li l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom lura sew u li l-Programm Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku mhuwiex iffinanzjat biżżejjed u jikkonsisti sempliċiment minn pakkett ta' stimolu nazzjonali mhux koordinati ta' orjentazzjonijiet differenti ħafna; jitlob għal pakketti ta' stimolu baġitarju li jiggwadaw il-finanzjamenti lejn investiment soċjalment u ambjentalment utli sabiex jiġu żgurati u jinħolqu impjiegi ta' kwalità tajba;

3.  Jirrimarka li s-Samit tal-G20 ma rnexxilux jipprovdi dak li twiegħed dwar pakkett ta' stimolu fiskali globali koordinat, grazzi għall-oppożizzjoni tal-UE għal pass ta' dan it-tip; jenfasizza li l-"pakkett ta' spinta globali" tas-Samit, allegatament ta' $1,100 biljun (finanzjamenti mill-Fond Monetarju Internazzjonali, finanzi kummerċjali, għajnuna għall-ifqar pajjiżi, allokazzjoni ta' drittijiet ta' tislit speċjali (special drawing rights)) jikkonsisti prinċipalment minn flus diġà impenjati qabel u li madwar $100 biljun biss jikkorrispondu għal impenji verament ġodda; jikkritika l-fatt li l-ifqar ekonomiji, li ġew milquta l-agħar mir-riċessjoni globali, għalhekk mhumiex se jirċievu l-assistenza li għandhom bżonn biex jegħlbu l-kriżi;

4.  Jikkritika bis-saħħa l-fatt li l-allokazzjoni ta' $250 biljun ta' drittijiet ta' tislit speċjali ma kinitx marbuta ma' tqassim mill-ġdid tar-drittijiet ta' votazzjoni, u għalhekk 44% ta' din is-somma se jmorru għand il-G7, iġifieri l-ikbar ekonomiji, u madwar $80 biljun biss se jmorru lill-pajjiżi kollha ta' dħul medju u fqar flimkien; josgħbih bis-saħħa li s-Samit tal-G20 ma ddiskutiex il-proposta tal-President tal-Bank Ċentrali Ċiniż biex tiġi rriformata s-sistema ta' drittijiet ta' tislit speċjali fuq bażi ta' riżorsi globali; jirrimarka li għalhekk intilfet l-opportunità li jsir progress lejn "Sistema Bretton Woods ġdida";

5.  Jikkritika l-intenzjoni tas-Samit tal-G20 biex jissaħħaħ l-irwol tal-Fond Monetarju Internazzjonali sabiex il-kreditu, it-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija dinjija jerġgħu lura għal li kienu; jenfasizza l-bżonn li l-bidu jkun ir-riforma tal-istrumenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi tal-Fond Monterju Internazzjonali sabiex jiġi evitat li l-fondi jiffunzjonaw bħala għodda tad-"dinja tal-punent"; jilqa' t-tħabbir prudenti dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' riformi tal-kwoti u l-votazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali li kien hemm qbil dwaru f'April 2008 u t-talba lill-Fond Monetarju Internazzjonali biex itemm ir-reviżjoni tal-kwoti li jmiss sa Jannar 2011;

6.  Jitlob li ssir riforma bir-reqqa tal-politika ta' self tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li pereżempju fil-Latvja, l-Ungerija u pajjiżi oħra jagħti self bil-kundizzjoni li jsiru tnaqqis fil-pagi u l-pensjonijiet, tnaqqis fil-ħaddiem tas-settur pubbliku, trażżin tal-kura tas-saħħa eċċ.; jirrimarka li dawn it-tipi ta' kundizzjonalità mhumiex biss se jolqtu l-aktar lill-ifqar klassijiet tas-soċjetà, imma, minħabba f'hekk, anke r-riċessjoni ekonomika se tmur għall-agħar peress li jrażżnu d-domanda bil-kbir; jirrimarka li l-appoġġ għal din il-politika mill-Unjoni Ewropea ma jistax jitqies bħala "solidarjetà Ewropea" fil-kriżi;

7.  Jappoġġja l-proposta tal-grupp ta' konsulenti tan-NU mmexxi mill-ekonomist Joseph Stiglitz biex l-istituzzjoni tal-G20 tiġi sostitwita b'Kunsill Ekonomiku Globali; jenfasizza li entità ta' dan it-tip fi ħdan in-NU tkun forum ferm aħjar biex tiġi stabbilita l-aġenda għall-politika ekonomika u finanzjarja dinjija peress li tiġi żgurata rappreżentanza tal-pajjiżi anqas żviluppati u l-pajjiżi l-anqas żviluppati li, attwalment, huma esklużi mill-proċess tal-G20; jappoġġja l-proposta biex tinħoloq sistema ta' riżerva globali ġdida li tipprovdi appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fuq bażi regolari u li ma tkunx suġġett għall-veto tal-pajjiżi industrijalizzati li jiddominaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji eżistenti, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali;

8.  Jilqa' l-fatt li l-mexxejja tal-G20 qablu dwar il-fatt li l-fallimenti ewlenin fis-settur finanzjarju u fir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza finanzjarji kien kawżi fundamentali tal-kriżi; jikkritika, madankollu, il-fatt li s-Samit ma rnexxilux jindirizza l-istabilizzazzjoni tal-banek u s-sistema finanzjarja sabiex is-sistema tal-kreditu terġa' tibda taħdem; jindika l-bżonn urġenti li jinbena qafas superviżorju u regolatorju aktar b'saħħtu u aktar konsistenti globalment għas-settur finanzjarju tal-ġejjeni, li jkun jappoġġja żvilupp globali sostenibbli; jenfasizza l-fatt li s-Samit missu wkoll qabel li tiġi stabbilita koperazzjoni sistematika ħafna akbar bejn il-pajjiżi biex jiġu regolati l-finanzi; jenfasizza l-fatt li s-settur finanzjarju jrid jaċċetta anqas redditi u jaqbel ma' sistemi ta' ħlas bonus orjentati lejn l-evitar tar-riskju u lejn objettivi fuq perjodu ta' żmien twil minflok lejn qligħ fuq perjodu ta' żmien qasir;

9.  Jinnota li l-mexxejja tal-G20 jixtiequ jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni miftiehem waqt l-aħħar laqgħa tagħhom, biex jiġi stabbilit Bord ta' Stabilità Finanzjarja ġdid bħala suċċessur għall-Forum ta' Stabilità Finanzjarja, li jkun jinkludi lill-pajjiżi kollha tal-G20, lill-Membri tal-Forum ta' Stabilità Finanzjarja, lil Spanja u lill-Kummissjoni Ewropea; imaqdar il-fatt li, madankollu, il-Bord ta' Stabilità Finanzjarja m'għandu l-ebda setgħat formali, u suppost li jaħdem biss flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali; jirrimarka li l-kwistjoni dwar kif il-Bord ta' Stabbilità Finanzjarja jista' jiżgura monitoraġġ xieraq u jimplimenta konsistenza globali bejn ir-risponsi nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-kriżi għadha ma ssolvitx;

10.  Jikkritika bis-saħħa l-fatt li l-firxa ta' regolamentazzjoni u sorveljanza se tinkludi biss lil dawk l-istituzzjonijiet, l-istrumenti u s-swieq finanzjarji kollha li huma sistematikament importanti; jenfasizza li hemm bżonn ta' regolamentazzjoni iktar stretta sabiex jiġu evitati perikli kkawżati minn kwalunkwe prodotti finanzjarji ġodda u riskjużi, u li dawn iridu jew jiġu pprojbiti jew li l-kummerċ tagħhom jiġi strettament limitat u sorveljat; jikkritika bis-saħħa wkoll il-fatt li regolament irid iwaqqaf biss leverage eċċessiv; jemmen li hemm bżonn jiġu introdotti limiti stretti fuq il-leverage għall-istituzzjonijiet finanzjarji regolati kollha; jenfasizza li l-fondi ta' pensjoni, u speċjalment il-fondi ta' pensjoni okkupazzjonali, ma jridux jitħallew jinvestu fi prodotti finanzjarji li jinvolvu riskji sistemiċ bħall-hedge funds u l-private equity peress li l-falliment ta' dan it-tip ta' fondi jaffettwa negattivament il-jedd għall-pensjoni;

11.  Jilqa' l-intenzjoni tal-mexxejja tal-G20 biex jieħdu azzjoni kontra l-ġurisdizzjonijiet, inklużi r-rifuġji fiskali, u biex jimplimentaw sanzjonijiet biex jitħarsu l-finanzi pubbliċi u s-sistemi finanzjarji; jilqa' d-dikjarazzjoni tagħhom li "l-era tas-sigriet bankarja għaddiet"; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-pajjiżi tal-EU li għandhom il-funzjoni ta' rifuġju fiskali (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Renju Unit u l-Lussemburgu), kif ukoll l-Iżvizzera, iridu jneħħu s-sigriet bankarju u jtemmu l-prattiċi offensivi tagħhom;

12.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaffrontaw ukoll il-problemi li nħolqu minn ċentri finanzjarji offshore interni u esterni (eż. il-Gżejjer tal-Kanal Ingliż, il-Gżejjer Kajman, eċċ.) u biex jipprojbixxu l-kummerċ ma' dawn fil-każ li ma jikkonformawx; jenfasizza l-fatt li rispons globali għall-problema tal-evażjoni fiskali jfisser ukoll li jridu jiġu attakkati ċ-ċentri finanzjarji l-kbar, li ħafna mir-rifuġji fiskali ż-żgħar huma sempliċiment satelliti tagħhom;

13.  Jilqa' l-intenzjoni li s-sorveljanza regolatorja u r-reġistrazzjoni jiġu estiżi għall-aġenziji għall-valutazzjoni tal-kreditu; jirrimarka li hi meħtieġa Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni tal-Kreditu pubblika li ma toperax għall-qligħ, sabiex jintgħelbu l-kunflitti ta' interess li jxekklu l-proċess ta' valutazzjoni;

14.  Jisogħbih li l-proposti dwar it-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet ta' valuta ("it-taxxa Tobin") u fuq it-tranżazzjonijiet tal-boroż (inklużi tranżazzjonijiet direttament bejn żewġ partijiet (over the counter)) ma ssemmewx mill-mexxejja tal-G20;

15.  Jikkritika l-impenn tas-Samit tal-G20 biex tiġi żgurata konklużjoni ambizzjuża għar-Rawnd għall-Żvilupp ta' Doħa; jirrimarka li r-Rawnd jespandi sistema ta' regoli kummerċjali li jagħmlu ħsara lill-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinterferixxi mal-ispazju politiku domestiku tal-pajjiżi; jitlob li jiġu sospiżi n-negozjati dwar l-akkwist governattiv, id-drittijiet tal-propjetà intellettwali, u l-liberalizzazzjoni tal-investimenti u s-servizzi, peress li dawn huma fl-interess tal-pajjiżi żviluppati biss, idgħajfu l-provvista tas-servizzi pubbliċi u jheddu l-istabilità ekonomika u finanzjarja;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-mexxejja tal-G20, lill-Kunsill, lill-Eurogroup, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.