MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
16.4.2009
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Magor Imre Csibi u Péter Olajos
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar li nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità
B6‑0191/2009
dwar li nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar li nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità (COM(2008)0645),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet meħuda fil-Ħames Konferenza Ministerjali dwar il-Ħarsien tal-Foresti fl-Ewropa (MCPFE, Varsavja 2007, il-Polonja) dwar l-evalwazzjoni tal-effetti tal-bidla fil-klima fuq l-istat tal-foresti u dwar politika għal ekonomija sostenibbli tal-foresti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE trid li tillimita t-tisħin globali għal 2 °C u tnaqqas it-telf ta’ bijodiversità bin-nofs, billi l-analiżi ta' Eliasch jikkalkulaw li bejn 17 u 33 biljun dollaru Amerikan se jkunu meħtieġa kull sena sabiex id-deforestazzjoni tonqos bin-nofs sal-2020,
B. billi ekonomija bbilanċjata tal-foresti hija ta’ importanza kruċjali għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u hija aspett essenzjali tal-iżvilupp ekonomiku,
C. billi d-deforestazzjoni hija responsabbli għal madwar 20% tal-emissjonijiet globali ta’ gass b’effett ta’ serra, hija l-kawża ewlenija li ġġib it-telf tal-bijodiversità u tikkonstitwixxi theddida serja għall-iżvilupp u, b'mod partikolari, għall-għajxien tal-foqra,
D. billi d-deforestazzjoni ssir b'rata allarmanti ta’ 13-il miljun ettaru kull sena, primarjament fil-foresti tropikali, iżda sa ċertu punt fl-Ewropa, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant,
E. billi d-deforestazzjoni tirriżulta fi ħsara ambjentali li jkun diffiċli tiġi rranġata, bħal tħarbit fil-kundizzjonijiet tal-ilma fuq perjodu ta’ żmien twil, formazzjoni ta’ steppa u deżertifikazzjoni, kif ukoll telf tal-bijodiversità, li l-ispiża ekonomika tagħhom fuq żmien twil tiżboq sewwa n-nefqa fuq miżuri ta’ ħarsien u ta’ riabilitazzjoni,
F. billi d-degradazzjoni tal-foresti tieħu forom differenti u diffiċli tiġi definita, iżda għandha impatti qawwija fuq il-klima, il-bijodiversità u l-oġġetti u s-servizzi,
G. billi għandu jinkiseb tnaqqis sinifikattiv miż-żieda "normali" fl-emissjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż tnaqqis fl-emissjonijiet relatati mad-deforestazzjoni, flimkien ma’ tnaqqis ta’ 25-40% fil-pajjiżi industrijalizzati sal-2020 meta mqabbel mal-1990 sabiex it-tisħin dinji jiġi limitat għal 2°C, skont ir-Raba’ Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Bord Intergovernattiv dwar il-bidla fil-Klima;
H. billi t-tnaqqis tad-deforestazzjoni se jkollu rwol importanti mhux biss fir-rigward tal-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima iżda wkoll tal-adattament għall-bidla fil-klima,
1. Jenfasizza l-bżonn għal aktar koerenza bejn il-konservazzjoni tal-foresti u l-politiki ta’ mmaniġġjar sostenibbli u politiki oħra interni u esterni tal-UE; jitlob għal evalwazzjoni kwantifikata tal-impatt fuq il-forest tal-politiki tal-UE bħall-enerġija (speċjalment il-bijofjuwils), il-biedja, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, l-akkwist, il-kummerċ u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill proposti għal rekwiżiti Komunitarji riġidi ta’ sostenibilità għall-injam kollu u l-prodotti tal-injam li joriġinaw mill-foresti;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika sa tmiem l-2009 studju komprensiv li jevalwa l-impatt tal-produzzjoni, il-konsum u l-kummerċ tal-UE kemm ta’ oġġetti tal-ikel u mhux tal-ikel fuq id-deforestazzjoni u d-degrazzjoni tal-foresti; jitlob li l-istudju jevalwa u jispeċifika kull kontribut negattiv minn setturi differenti tal-industrija u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal aktar miżuri u innovazzjoni, sabiex jitnaqqsu impatti bħal dawn;
4. Jinnota l-ħtieġa li kwistjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet tal-ilma għandhom jiġu trattati bil-għaqal fil-kuntest tal-ekonomija tal-foresti, u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn essenzjali għal żvilupp konġunt tar-riżorsi tal-foresti u tal-ilma u l-armonizzazzjoni tal-politiki relevanti tal-UE, sabiex il-kapaċità tal-ekosistemi li jżommu l-ilma terġa’ tinbena u tissaħħaħ;
5. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-politiki dwar l-Akkwisti Pubbliċi Ekoloġiċi (Green Public Procurement – GPP) u l-promozzjoni ta’ strumenti bħall-ekotikkettar u l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni tal-foresti; jitlob għall–adozzjoni u l-implimentazzjoni malajr tal-politiki GPP għall-prodotti tal-injam madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri jibbażaw il-politika tagħhom ta’ akkwist pubbliku fuq standards għolja ta’ sostenibilità u fejn ikun xieraq jiffissaw miri realistiċi fir-rigward ta’ standards bħal dawn;
6. Jikkunsidra li għandu jingħata appoġġ sinifikattiv lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iwaqqfu telf gross ta’ deforestazzjoni tropikali sal-2020 l-aktar tard, u li turija ta’ impenn għal dan tkun deċiżiva fin-negozjati internazzjonali għal ftehim komprensiv globali post-2012 dwar il-klima;
7. Jirrikonoxxi li l-mobilizzazzjoni ta' ffinanzjar suffiċjenti skont il-ftehim globali dwar il-klima se jkun assolutament kruċjali sabiex id-deforestazzjoni globali tonqos bin-nofs u eventwalment titwaqqaf; f'dan il-kuntest, jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex toħloq Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti (Global Forest Carbon Mechanism – GFCM) fi ħdan il-qafas tal-UNFCCC, ibbażat fuq skema permanenti ta’ ffinanzjar; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-impenn tagħhom li jwaqqfu d-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti milli tkompli għaddejja billi jallokaw parti sinifikattiva mid-dħul tal-irkantar li jsir mill-iskema tal-UE għall-iskambju tal-emissjonijiet (ETS) biex jitnaqqsu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u billi jiffokaw in-negozjati fuq sorsi ta’ finanzjament kif ġie spegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen”; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni biex tħaddan il-proposta ta' finanzjament li saret minn Norveġja u biex jallokaw parti mid-dħul ġejjieni mill-irkant tal-Unitajiet ta' Ammont Assenjati lill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Meditteran (GFCM);
8. Huwa favur il-fatt li l-għajnuna pprovduta permezz tal-GFCM għandha tkun ibbażata fuq il-prestazzjoni u tiġi pprovduta fuq il-bażi ta’ riżultati verifikati f’termini gross ta’ tnaqqis ta’ deforestazzjoni u degradazzjoni ta’ foresti; jenfasizza li din l-għajnuna għandha tipprovdi wkoll benefiċċji addizzjonali f'termini ta’ protezzjoni tal-bijodiversità, reżistenza akbar, u għajxien aħjar fir-reġjuni forestali;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tal-popli lokali tal-foresti inklużi d-drittijiet tal-popli indiġeni għall-kunsens minn qabel, liberu u infumat għall-użu tal-foresti li normalment jintużaw minnhom; iqis essenzjali li komunitajiet lokali u popli indiġeni jiġu involuti b’mod sinifikattiv u komprensiv fl-istadji kollha meta jiġu evalwati, ippjanati u implimentati miżuri għal tnaqqis ta’ emissjonijiet mid-degradazzjoni tal-foresti u d-deforestazzjoni;
10. Jenfasizza li kwalunkwe mekkaniżmu taħt il-Programm ta’ Kollaborazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis ta’ Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti fil-Pajjiżi li qed jiżviluppaw (United Nations Collaborative Programme on Reducing Emissions from Deforestation and Forest Degradation in Developing Countries) li huwa konkluż bħala parti mill-ftehim internazzjonali post-2012 dwar il-klima l-ewwel u qabel kollox għandu jiżgura li l-foresti primordjali jiġu protetti;
11. Jinnota li l-proċess ta’ deforestazzjoni fl-Ewropa tal-Lvant qed jikkontribwixxi għad-degradazzjoni tal-ambjent naturali u qed jeffettwa wkoll il-ħajja tal-bniedem;
12. Jinnota li l-krediti ta’ foresti fis-suq tal-karbonju jistgħu, kemm f’perjodu ta’ żmien medju u anke wara żmien twil, ikunu parti minn taħlita ta’ politiki li jindirizzaw id-deforestazzjoni, jekk jistgħu jiġu żgurati metodoloġiji preċiżi għall-kalkolu tal-karbonju fil-foresti u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ affidabbli; jenfasizza li deċiżjoni finali rigward l-inklużjoni tal-krediti ta’ foresti fl-EST għandha tittieħed wara li tkun saret analiżi rigoruża tal-fattibilità tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament potenzjali kollha u evalwazzjoni ta' dak li jkun ħareġ mill-Konferenza tal-Partijiet f’Kopenħagen u tal-konklużjonijiet li jkunu nsiltu mill-proġetti pilota;
13. Ifakkar li kull kreditu minn proġetti tal-foresti li jintuża biex ipatti għal emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fil-pajjiżi indistrijalizzati ma jistax jingħadd doppju għall-miri ta’ tnaqqis min-“normalità” li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw mistennija jimpenjaw ruħhom għalihom fil-ftehim internazzjonali post-2012 dwar il-klima;
14. Jenfasizza li kull sistema ta' kumpens għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti skont sistema futura dwar il-klima għandu jikkunsidra mhux biss bjar tal-karbonju iżda wkoll is-servizzi tal-ekosistema u l-benefiċċji soċjali pprovduti mill-foresti;
15. Jistieden lill-UE tippromwovi standards soċjali u ambjentali b’saħħithom għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni (REDD); Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tiffavorixxi mekkaniżmi tar-REDD li jmorru lilhinn mill-proġett attwali tal-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif (CDM) u tindirizza l-kawżi li verament jikkawżaw id-deforestazzjoni, bħalma huma l-governanza fqira, il-faqar, il-korruzzjoni u n-nuqqas ta' infurzar tal-liġi, billi tappoġġja riforma politika u istituzzjonali kemm fil-livell lokali u nazzjonali;
16. Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni, kuntrarju għat-titlu tagħha, ma tittrattax id-degradazzjoni tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjanijiet ta’ azzjoni u proġetti pilota biex turi impenn fil-politika tagħha stess ta’ forestrija biex twaqqaf mhux biss id-deforestazzjoni iżda wkoll id-degradazzjoni tal-foresti (inkluż fl-Unjoni Ewropea) billi tiżviluppa u tistabbilixxi wkoll sistemi ta’ monitoraġġ effettiv sabiex tinkiseb data xierqa dwar il-ħamrija u l-bijomassa fil-foresti;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.