Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0196/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0196/2009

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL

21.4.2009

skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Hanna Foltyn-Kubicka
f'isem il-Grupp UEN
dwar it-twaqqif tal-25 ta’ Mejju bħala l-Jum Internazzjonali f’Ġieħ l-Eroj tal-Ġlieda Kontra t-Totalitarjaniżmu

B6‑0196/2009

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar it-twaqqif tal-25 ta’ Mejju bħala l-Jum Internazzjonali f’Ġieħ l-Eroj tal-Ġlieda Kontra t-Totalitarjaniżmu

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Inapplikabilità ta’ Limitazzjonijiet Statutorji għar-Reati tal-Gwerra u r-Reati Kontra l-Umanità,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-artikoli li ġejjin tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali: l-Artikolu 1 (L-obbligu li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem), l-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja), l-Artikolu 3 (Il-projbizzjoni tat-tortura) u l-Artikolu 4 (Il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol forzat),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1481/2006 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-ħtieġa ta’ kundanna internazzjonali tar-reati tar-reġimi totalitarji Komunisti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

A.  billi l-qtil li sar u t-tjassir li kien ikkawżat mill-atti ta' aggressjoni mwettqa mill-Faxxiżmu u mill-Istaliniżmu jitqiesu bħala reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità,

B.  wara li kkunsidra s-sofferenza ta’ bosta nazzjonijiet waqt iż-żewġ gwerer dinjija (il-kampijiet ta’ konċentrament, il-pjanijiet ta’ qerda tal-massa, il-miljuni ta’ vittmi tar-reġimi Faxxisti u Stalinisti),

C.  wara li kkunsidra x-xhieda ħajja u l-attitudni soda ta' ħafna nies, fosthom il-Kaptan tal-Kavallerija Wiltold Pilecki – l-unika persuna li marret minn jedda f'kamp ta' konċentrament biex torganizza moviment ta' reżistenza hemmhekk u tiġbor tagħrif dwar il-qtil tal-massa,

D.  filwaqt li jenfasizza l-importanza li tinżamm ħajja l-memorja tal-ġrajjiet tal-passat u ta' personalitajiet bħal Wiltold Pilecki, li isimhom għandu jibqa' stampat fl-imħuħ tal-Ewropej bħala eroj tal-era tat-totalitarjaniżmu, minħabba d-dedikazzjoni, il-fedeltà għall-idejali, l-unur u l-kuraġġ tagħhom,

E.  billi hija biss Ewropa b'saħħitha u li taf l-istorja li jista' jkollha l-ħila toħloq opportunitajiet li jegħlbu l-mostrożitajiet tal-imgħoddi,

F.  filwaqt li jrodd ħajr lil dawk kollha li ssagrifikaw ħajjithom fil-ġlieda kontra s-sistemi totalitarji,

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjoni li ġejja lill-Kunsill:

  • biex jum il-25 ta’ Mejju (dakinhar li twettqet l-eżekuzzjoni tas-sentenza għall-mewt tal-eroj ta’ Auschwitz, il-Kaptan tal-Kavallerija Witold Pilecki) jiġi ddikjarat il-Jum Internazzjonali f’Ġieħ l-Eroj tal-Ġlieda Kontra t-Totalitarjaniżmu, bħala espressjoni ta’ rispett u ta’ radd il-ħajr lil dawk kollha, li fil-ġlieda tagħhom kontra t-tirannija, taw prova tal-erojiżmu tagħhom u tal-imħabba vera tagħhom għall-umanità, u biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom indikazzjoni ċara tal-attitudni korretta li wieħed għandu jadotta meta fil-konfront tat-theddida tat-tjassir totalitarju;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kandidati, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati assoċjati mal-Unjoni Ewropea, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.