Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0249/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0249/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

21.4.2009

imressqa b'talba biex tiddaħħal fl-aġenda tad-dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt
skont l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura
minn Angelika Beer u Cem Özdemir
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-sitwazzjoni umanitarja tar-residenti f'Kamp Ashraf

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0249/2009
Testi mressqa :
B6-0249/2009
Testi adottati :

B6‑0249/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja tar-residenti f'Kamp Ashraf

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima dwar l-Istatus tal-Forzi (SOFA) iffirmata mill-Istati Uniti u l-Iraq f'Novembru tal-2008, li tistipula li t-truppi tal-Istati Uniti se jirtiraw mill-bliet Iraqini sat-30 ta' Ġunju 2009 u mill-pajjiż kollu sa tmiem l-2011,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll Miżjud tal-1967,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Prim Istanza li ngħatat fl-4 ta' Diċembru 2008 li ordnat li l-Organizzazzjoni tal-Mojahedin tal-Poplu tal-Iran (PMOI) titneħħa mil-lista tal-Unjoni Ewropea ta' organizzazzjonijiet terroristiċi,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' Human Rights Watch 'No Exit: Abbużi tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kampijiet tal-MKO' tal-5 ta' Mejju 2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern tal-Iraq riċentement iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jagħlaq Kamp Ashraf fit-Tramuntana tal-Iraq, territorju imdawwar minn territorji ta' stati oħra fejn madwar 3400 membru tal-grupp ta' oppożizzjoni Iranjan PMOI jew Mojahedin-e Khalq (magħrufa wkoll bl-akronimi MEK u MKO) ilhom jgħixu taħt tip ta' status extraterritorjali mogħti minn Saddam Hussein fis-snin tmenin,

B.  billi l-MEK m'għandu l-ebda rwol bħala forza ta' oppożizzjoni fl-Iran tal-lum, għaliex tilef il-kredibilità tiegħu minħabba l-kollaborazzjoni tiegħu mar-reġim ta' Saddam Hussein, filwaqt li appoġġja lill-forzi Iraqini fil-gwerra bejn l-Iraq u l-Iran u fit-trażżin tar-rewwixti tal-Kurdi u tax-Shiiti,

C.  billi wara l-invażjoni tal-Iraq tal-2003, l-armata tal-Istati Uniti ddiżarmat il-grupp u tat lill-membri tal-MEK l-istatus ta' 'persuna protetta' skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra Rigward il-Protezzjoni tal-Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

D.   billi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehima dwar l-Istatus tal-Forzi tal-2008 bejn l-Iraq u l-Istati Uniti (SOFA) sabiex tintemm il-fażi ta' okkupazzjoni mill-forzi ta' koalizzjoni, Kamp Ashraf reġa' għadda taħt il-kontroll tal-forzi tas-sigurtà Iraqini fl-1 ta' Jannar 2009,

E.  billi l-Gvern Iraqin iddikjara riċentement li l-persuni li għadhom residenti f'Kamp Ashraf se jkollhom jitilqu mill-Iraq, u billi hemm preokkupazzjonijiet kbar li l-membri jistgħu jiġu ddeportati lejn l-Iran kontra r-rieda tagħhom,

F.  billi l-MEK qed jakkuża lill-awtoritajiet Iraqini li waqqfu ripetutament id-dħul fil-kamp ta' provvisti ta' ikel u ta' ilma kif ukoll l-għajnuna medika, filwaqt li kien irrappurtat li l-forzi tas-sigurtà Iraqini kif ukoll il-Ministeru Iraqin tad-Drittijiet tal-Bniedem ma ngħatawx aċċess għal partijiet kbar tal-kamp mit-tmexxija tal-MEK,

G.  billi filwaqt li l-MEK għadu fil-listi tal-organizzazzjonijiet terroristiċi tal-Istati Uniti, tal-Iran, tal-Awstralja u tal-Kanada, il-Qorti Ewropea tal-Prim Istanza iddeċideit fl-4 ta' Diċembru 2009 li l-MEK għandu jitneħħa mil-lista ta' terroristi minħabba li l-Kunsill Ewropew ma pprovdiex biżżejjed evidenza li dan il-grupp għadu jirrappreżenta theddida ta' terroriżmu,

H.  billi skont rapporti minn osservaturi indipendenti, bħal ġurnalisti u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll diversi testimonjanzi minn ex-membri tal-MEK, li wħud minnhom taw xhieda lid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mal-Iran, l-organizzazzjoni MEK inbidlet minn grupp ta' oppożizzjoni Iranjan militanti għal kult, li l-membri tiegħu qed ikunu ikkondizzjonati mentalment lejn qima psewdoreliġjuża tal-mexxejja Massoud u Marjiam Rajavi, qed jinżammu maqtugħin mid-dinja u marbuta mal-organizzazzjoni permezz ta' theddid fiżiku u mentali,

I.  billi, abbażi tax-xhieda diretta ta' tnax-il ex-membru tal-MKO, fosthom ħamsa li ngħataw lill-forzi tas-sigurtà Iraqini u li nżammu fil-ħabs ta' Abu Ghraib taħt il-gvern ta' Saddam Hussein, Human Rights Watch fissret fid-dettall kif il-membri dissidenti kienu ttorturati, imsawta u miżmuma f'ċella waħedhom għal ħafna snin f'kampijiet militari fl-Iraq wara li kkritikaw il-politiki u l-prattiki mhux demokratiċi tal-grupp jew wara li wrew li kienu qed jippjanaw li jitilqu mill-organizzazzjoni,

J.  billi taħt il-protezzjoni tal-Istati Uniti diversi mijiet ta’ membri dissidenti reġgħu tressqu f’kamp tar-refuġjati fil-qrib, billi f’dawn l-aħħar snin il-UNHCR kienet qed tagħtihom status ta’ refuġjati, filwaqt li tagħtihom akkomodazzjoni f’postijiet sikuri fl-Iraq jew f’pajjiżi terzi u billi din il-faċilità ngħalqet fl-2008,

K.  billi l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, fis-snin reċenti, organizza r-ripatrijazzjoni ta’ aktar minn 250 ex-membru tal-MEK fl-Iran fuq bażi volontarja,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehimiet bejn l-Istati Uniti u l-Iraq bil-għan li tkun stabbilita mill-ġdid is-sovranità statali sħiħa tal-poplu Iraqin u tal-gvern li jkun elett fuq it-territorju tiegħu u jqis li jkun xieraq li l-liġijiet tal-Iraq ikunu japplikaw għall-pajjiż kollu;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Gvern Iraqin tal-intenzjoni tiegħu li jagħlaq Kamp Ashraf u, f'dan il-kuntest, jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja tal-persuni residenti fih;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iraqini biex iħarsu l-ħajja u l-integrità fiżika u mentali tal-persuni residenti f'Kamp Ashraf u biex jittrattawhom b'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, b'mod partikolari biex ma jiddeportawhomx, ma jkeċċuhomx jew ma jerġgħux jibagħtuhom lura lejn pajjiżhom, bi ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta’ prattiki ta’ manipulazzjoni mentali u fiżika u ta’ każi serji ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kult tal-MEK taħt it-tmexxija tal-koppja Rajavi;

5.  Jistieden lill-Gvern Iraqin u lit-tmexxija tal-MEK biex jagħtu aċċess sħiħ u immedjat lill-organizzazzjonijiet internazzjonali umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem, lill-Ministeru Iraqin tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-midja għall-partijiet kollha tal-kamp sabiex iwettqu evalwazzjoni indipendenti tas-sitwazzjoni;

6.  Jenfasizza li r-residenti kollha ta' Kamp Ashraf għandhom jitħallew ikunu intervistati mill-awtoritajiet Iraqini, mill-ICRC u mill-UNHCR f'post newtrali barra Kamp Ashraf mingħajr il-preżenza ta' uffiċjali tal-MEK sabiex isir magħruf jekk jixtiqux jibqgħu jagħmlu parti mill-organizzazzjoni jew jixtiqux jitilquha;

7.  Jistieden lill-Gvern Iraqin u lit-tmexxija tal-MEK biex jippermettu li kull min ma jridx jibqa' aktar f'Kamp Ashraf ikun jista' jitlaq u biex jippermettu lill-membri tal-familja jiltaqgħu ma' qrabathom tal-MKO f'post newtrali mingħajr preżenza uffiċjali tal-MEK;

8.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibagħtu missjoni ta' evalwazzjoni f'Kamp Ashraf u biex jgħinu lill-Gvern Iraqin fl-isforzi tiegħu li jsib soluzzjoni umanitarja għall-problema dejjiema, partikolarment billi joffru alternattivi ta' rilokazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-membri tal-MEK li ma jridux imorru lura l-Iran;

9.  Jistieden lill-Gvern Iraqin biex jerġa' jistabbilixxi kenn sikur bħala miżura ta’ emerġenza għal dawk il-membri dissidenti li jkomplu jaħarbu minn Kamp Ashraf iżda li ma għandhomx post ieħor fejn imorru wara li l-forzi Amerikani jkunu għalqu l-Kamp tar-Refuġjati Ashraf;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-UNHCR, lill-ICRC, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-MEK u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iraq.