Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0260/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0260/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

27.4.2009

skont l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Anni Podimata
mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar l-abbozz ta’ direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni

Proċedura : 2009/2598(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0260/2009
Testi mressqa :
B6-0260/2009
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0260/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta’ direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz tal-ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar[1] u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 12 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ direttiva tal-Kummissjoni .../…/KE li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-30 ta’ Marzu 2009 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2006 bl-isem ‘Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: it-Twettiq tal-Potenzjal (COM(2006)0545),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2008 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (COM(2008)0778),

–  wara li kkunsidra r-rapport adottat mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (riformulazzjoni) (A6-0146/2009),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81(2) u (4)(b) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għan ewlieni tad-Direttiva 92/75/KEE (minn hawn il quddiem ‘id-Direttiva Qafas’) kif dikjarat fl-Artikolu 1 tagħha hu li “li jippermetti l-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar il-pubblikazzjoni, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ittikkettjar u b’informazzjoni dwar il-prodott, b’informazzjoni dwar il-konsum ta’ enerġija u dwar riżorsi essenzjali oħra, u b’informazzjoni addizjonali dwar ċertu tip ta’ apparat tad-dar, u b’hekk tħalli lill-konsumaturi jagħżlu apparat aktar effiċjenti fl-enerġija”,

B.  billi d-Direttiva Qafas tgħid ukoll li “l-provvediment ta’ informazzjoni preċiża, relevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija ta’ apparat tad-dar tista’ tinfluwenza l-għażla tal-pubbliku favur dak l-apparat li jikkonsma inqas enerġija”,

C.  billi, kif muri fl-Evalwazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (SEC(2008)2862), it-tikketta oriġinali A-G, li kienet effettiva, serviet bħala mudell f’pajjiżi differenti madwar id-dinja, bħall-Brażil, iċ-Ċina, l-Arġentina, iċ-Ċilì, l-Iran, Iżrael u l-Afrika t’Isfel,

D.  billi t-televiżjoni huma apparat li jikkonsma ħafna enerġija, l-inklużjoni ta’ din il-kategorija mal-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva Qafas, toffri potenzjal konsiderevoli biex tkun iffrankata l-enerġija,

   billi l-ittikkettar tal-enerġija ta’ televiżjonijiet għandu jkun konsistenti kemm jista’ jkun mal-iskemi tal-ittikkettar tal-enerġija stabbiliti għal apparat ieħor tad-dar,

F.  billi fil-Kumunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija hawn fuq hemm li “Il-klassifikazzjonijiet tal-ittikkettar eżistenti se jkunu aġġornati u kklassifikati mill-ġdid kull ħames snin jew kull meta żviluppi teknoloġiċi ġodda jiġġustifikaw li jsir dan, fuq il-bażi ta’ studji tal-ekodisinn, bil-għan li t-tikketta A tkun mogħtija lill-10-20% fost l-apparat l-aktar effiċjenti”,

G.  billi, sabiex ikun hemm implimentazzjoni b’suċċess tal-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija, jeħtieġ li jiddaħħlu miżuri li jagħtu informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija ta’ apparat tad-dar li tkun ċara, kompensiva, kumparabbli u faċli tiftiehem mill-konsumatur,

H.  billi l-fatt li l-konsumatur qed jagħżel li jixtri ammont akbar ta' apparat li jkun effiċjenti minflok apparat anqas effiċjenti se jżid id-dħul finanzjarju tal-produtturi tal-apparat,

I.  billi l-abbozz ta’ direttiva tal-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tad-disinn tat-tikketta tal-enerġija u tal-klassi tal-effiċjenza tal-enerġija, tintroduċi bidla oħra billi żżid klassi A ġdida (pereżempju, A-20%, A-40%, A-60%) li għandha l-possibilità li tħawwad aktar lill-konsumaturi, tfixkilhom milli jifhmu sew l-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija u ddgħajjef il-kapaċità tagħhom li jagħżlu apparat li jkun aktar effiċjenti fl-enerġija,

J.  billi numru żgħir ta’ bidliet tekniċi lit-tikketta jista’ jwassal f’tikketta li tkun ferm aktar ċara u li tiftiehem aħjar mill-konsumaturi,

K.  billi l-evidenza turi li l-konsumaturi isibu l-iskala A-G ċara, imma l-Kummissjoni ma għamletx evalwazzjoni tal-impatt biex turi jekk il-klassi A-20%, A-40%, A-60% flimkien mal-klassijiet inferjuri mingħajr klassifika jgħinux jew jiżgwidawx lill-konsumatur,

   billi r-riklassifikazzjoni tal-prodotti eżistenti fi skala magħluqa A-G partikolarment se tevita l-ħolqien ta’ klassijiet inferjuri mingħajr klassifika li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumaturi,

M.  billi l-introduzzjoni ta’ klassijiet ta’ effiċjenza addizzjonali fit-tikketti eżistenti A-G, anke fil-każ ta’ prodotti oħra, x'aktarx iżid il-konfużjoni dwar jekk il-klassi ‘A’ tirrapreżentax prodott effiċjenti jew ineffiċjenti,

N.  billi din il-miżura ma sservix biex jintlaħaq l-għan tal-istrument bażiku li tkun provduta informazzjoni preċiża, relevanti u kumparabbli lill-konsumaturi,

O.  billi l-Kummissjoni ressqet proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva Qafas li tista’ tintroduċi aktar bidliet li jista’ jkollhom effett fuq il-miżuri implimentattivi proposti,

1.  Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz tad-direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni;

2.  Iqis li din id-direttiva qafas tal-Kummissjoni mhijiex kumpatibbli mal-għan tal-istrument bażiku;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirtira l-abbozz tad-direttiva u tressaq oħra ġdida, ibbażata fuq l-iskala A-G, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE malajr kemm jista’ jkun, u definittivament mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2009;

4.  Iqis id-disinn tat-tikketta bħala element essenzjali tad-direttiva tat-tikketta dwar l-enerġija, li għandu jkun deċiż bħala parti mir-reviżjoni u mir-riformulazzjoni attwali skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.