Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0029/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0029/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika

9.9.2009

imressqa wara l-mistoqsijiet b’talba għal tweġiba orali B7‑0201/2009 u B7‑0202/2009
skont l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Claude Moraes, Michael Cashman, Monika Flašíková Beňová f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0026/2009

Proċedura : 2009/2632(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0029/2009
Testi mressqa :
B7-0029/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0029/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika

Il-Parlament Ewropew,

–         wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali u dawk Ewropej marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

 

–         wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikulari l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 

–         wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jagħti lill-Unjoni Ewropea s-setgħa li tadotta miżuri kontra d-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq l-orjentazzjoni sesswali, u li jippromwovu l-prinċipju ta’ ugwaljanza,

 

–         wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE u d-Direttiva 2000/78/KE li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),

 

–         wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tipprojbixxi "kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali",

 

–         wara li kkunsidra d-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 1997 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżivi (‘Televiżjoni mingħajr Fruntieri’),

 

–         wara li kkunsidra l-Artikoli 115 u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi l-UE hija komunità ta’ valuri bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni,

 

B.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jippromwovu l-ugwaljanza u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikulari fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tat-Trattat KE u tad-direttivi li ġew approvati u proposti biex jintlaħaq dan il-għan, inkluża l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali,

 

C.  billi l-esklużjoni, id-diskriminazzjoni u l-fastidju li jaffetwaw żgħażagħ lesbjani, omosesswali, bisesswali u transesswali jwasslu għal problemi psikoloġiċi qawwija u rati għoljin ta’ suwiċidju, waqt li l-informazzjoni u l-edukazzjoni fl-iskejjel huma essenżjali biex dawn jiġu protetti,

 

D.  billi l-orjentazzjoni sesswali hija kwistjoni li taqa' fl-ambitu tad-dritt individwali għall-privatezza, garantit permezz tal-liġi internazzjonali, Ewropea u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom ikunu promossi mill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li għandha tiġi garantita l-libertà tal-espressjoni għall-midja, għall-NGOs u għall-individwi,

 

E.  billi nhar l-14 ta' Lulju 2009, il-Parlament Litwan uża s-setgħa tiegħu biex jannulla l-veto presidenzjali u kkonferma l-emendi għal-"Ligi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika" li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2010, waqt li asserixxa li jiġi kkawżat "effett negattiv fuq l-iżvilupp tal-minorenni" minħabba "informazzjoni pubblika li xxewwex favur relazzjonijiet omosesswali [u] bisesswali" u li "tisfida l-valuri familjari",

 

F.  billi dispożizzjonijiet ta' dan it-tip iqiegħdu l-informazzjoni kollha dwar l-omosesswalità fl-istess livell bħal fenomeni bħall-wiri ta' vjolenza fiżika, ta' katavru jew ġisem immutilat b'mod kiefer, jew informazzjoni li tqanqal biża jew twerwir jew li tħeġġeġ l-awtomutilazzjoni jew is-suwiċidju,

 

G. billi l-inkluzjoni ta' referenza vaga ta' dan it-tip għall-omosesswalità tikkontrasta b'mod evidenti mal-Artikolu 4(12) tal-liġi, li hu mmirat lejn il-projbizzjoni ta' informazzjoni li tkun tinkludi "żebliħ jew umiljazzjoni minħabba raġunijiet ta' nazzjonalità, razza, sess, oriġini, diżabilità, orjentazzjoni sesswali, qagħda soċjali, lingwa, reliġjon, twemmin jew attitudnijiet",

 

H.  billi l-liġi ma tipprovdi l-ebda definizzjoni ta' "tixrid" jew "tixwix favur" l-omosesswalità, l-eterosesswalità jew kull tip ieħor ta' orjentazzjoni sesswali, u b'hekk tikkontradixxi l-prinċipju ta' ċertezza legali skont liema prinċipju liġi tkun valida meta l-atti pprojbiti jkunu definiti b'mod ċar f'termini legali,

 

I.  billi emendi ta' dan it-tip se jirriżultaw fil-projbizzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni dwar l-omosesswalità jekk tkun tista' tiġi aċċessjata minn minorenni, u din tkun tista' tintuża biex titrażżan il-ħidma tal-attivisti li jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, orjentazzjoni sesswali u identità ta' ġeneru, u tkun tista' tiġi estiża għall-informazzjoni pprovduta permezz tal-midja pubblika jew il-kotba - kif ukoll għal informazzjoni pprovduta permezz ta' websajts jew films u anke għal diskoteki, wirjiet, dimostrazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi oħra,

 

J.  billi r-Renju Unit introduċa liġi simili fl-1988, li sussegwentement ġiet revokata minħabba li mhux biss kienet diskriminatorja imma kienet anke xkiel serju biex jingħataw tagħlim u kura pastorali effettivi u sensittivi lit-tfal tal-iskola u l-istudenti, u b'hekk tqiegħdu fil-periklu tfal vulnerabbli li affaċċjaw ibbuljar u abbuż omofobiċi,

 

K.  billi l-Artikolu 22 tad-Direttiva "Televiżjoni mingħajr Fruntieri" jippermetti li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li x-xandir televiżiv ma jkunx jinkludi programmi li jistgħu jkunu ta' ħsara serja għall-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali ta' minorenni billi jkun fihom "pornografija jew vjolenza gratwita", imma ma jistax jiġi interpretat daqs li kieku jkopri l-informazzjoni kollha relatata mal-orjentazzjoni sesswali,

 

L.  billi l-President tal-Litwanja talbet lill-parlament biex jerġa' jikkunsidra l-liġi peress li tfasslet b'termini vagi u mhux ċari, ħalli jiġi żgurat li tikkonforma mal-"prinċipji kostituzzjonali tal-istat tad-dritt, iċ-ċertezza legali, u ċ-ċarezza legali" u li "ma tkunx f'kunflitt mal-garanziji ta' soċjetà miftuħa u ta' demokrazija pluralistika",

 

M.  billi l-NGOs fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-istampa, kif ukoll il-Membri tal-PE, ripetutament stiednu lill-istituzzjonijiet biex jintervjenu u lis-Seimas biex jirrevedi l-liġi, peress li l-effett tagħha se jkun l-istituzzjonalizzazzjoni tal-omofobija u l-vjolazzjoni tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt li wieħed ikun ħieles mid-diskriminazzjoni,

 

N.  billi l-Presidenza Żvediża tal-UE ddiskutiet il-liġi mal-awtoritajiet Litwani, waqt li l-President Litwana l-ġdid ddikjarat li se taġixxi biex tiżgura li l-liġi tinbidel bi qbil mar-rekwiżiti tal-UE,

 

O.  billi fil-ħarifa se jiġu eżaminati emendi ulterjuri għall-Kodiċi Penali u Amministrattiv; billi dawn l-emendi jikkriminalizzaw atti minn persuni privati jew legali li jippromwovu jew jiffinanzjaw l-omosesswalità fi nħawi pubbliċi u jqisuhom punibbli b'ordni ta' servizz komunitarju, multa li tista' titla' sa EUR 1 500, jew arrest,

 

1.        Jitlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex tevalwa lil din il-liġi u l-emendi għaliha fil-kuntest tat-Trattati tal-UE u l-liġi tal-UE;  

 

2.        Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilità li tiġi attivata l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tat-Trattat UE;

 

3.        Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-President Litwana l-ġdid, u jistedinha biex titlob lill-Qorti Kostituzzjonali biex teżamina l-liġi u l-emendi, fil-każ li jiġu approvati; jistieden lill-awtoritajiet Litwani biex jew jemendaw il-liġi jew jirrevokawha, u biex joqogħdu lura milli jadottaw emendi għall-Kodiċi Penali u Amministrattiv, sabiex jiġi żgurat li l-liġijiet ikunu kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili kif imħaddna fil-liġi internazzjonali u Ewropea;

 

4.        Jitlob jiġu rispettati d-dritt għal-libertà ta' espressjoni għal kulħadd - inkluż id-dritt li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni - il-liġi u l-politiki tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-Artikolu 6 tat-Trattat UE u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, fi kliem ieħor, il-valuri fundamentali tal-UE;

 

5.        Jistieden lill-Istati Membri l-oħra biex joqogħdu lura milli jadottaw liġijiet jew emendi simili, biex jikkundannaw l-atti omofobiċi u biex isaħħu l-implimentazzjoni tad-direttivi u l-liġijiet tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u tad-drittijiet tal-bniedem;

 

6.        Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, il-President tar-Repubblika tal-Litwanja, is-Seimas, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill tal-Ewropa.