MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009
14.9.2009
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Corinne Lepage, Chris Davies f’isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0039/2009
B7‑0041/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni ta’ rispons għad-diżastri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ qabel dwar id-diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll ’il barra minnha, li stiednu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar miżuri ta’ protezzjoni ċivili fil-każ ta’ diżastri naturali bil-għan li jiġi evitat u jitnaqqas l-impatt devastanti tagħhom, b’mod partikolari billi jingħataw riżorsi addizzjonali għall-protezzjoni ċivili,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/EC, Euratom tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/EC, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili (Riformulazzjoni),
– wara li kkunsidra l-proġett pilota għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti (Linja baġitarja 07 04 04),
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Preparatorja dwar il-kapaċitá tal-UE għal rispons rapidu (Linja baġitarja 07 04 05),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi, minħabba li l-istaġuni dejjem aktar sħan u xotti tas-sajf fl-Ewropa, in-nirien tal-foresti u nirien oħra huma fenomenu rikorrenti, iżda għadhom ivarjaw bil-kbir minn sena għall-oħra kemm fl-intensitá kif ukoll fil-pożizzjoni ġeografika,
B. billi d-diżastri tal-lum sikwit ikunu ta’ natura transkonfinali u jeħtieġu risponsi multilaterali u kkoordinati,
C. billi l-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili huwa l-uniku strument Komunitarju li joffri solidarjetá fir-rispons immedjat għan-nirien tal-foresti u għal diżastri kbar b’mod ġenerali li jolqtu l-Istati Membri;
D. Billi bosta drabi n-nirien tal-foresti laqtu fl-istess żmien lil ħafna Stati Membri u f’ċirkostanzi bħal dawn l-Istati Membri mhux dejjem kienu f’pożizzjoni li jgħinu Stati Membri oħrajn li talbu l-għajnuna biex jissieltu kontra nirien kbar, u dan ġab miegħu l-ħtieġa li jitjieb ir-rispons fil-livell tal-UE,
E. billi r-Riserva Tattika għal kontra n-Nirien tal-Foresti tal-UE (EUFFTR) stabbilita bil-proġett pilota biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti tat kontribut ewlieni biex tgħin l-Istati Membri milquta fil-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti,
1. Jesprimi solidarjetá sħiħa mal-qraba ta’ dawk li tilfu ħajjithom u mar-residenti fiz-zoni milquta;
2. Josserva li f’dawn l-aħħar snin, żdiedu l-frekwenza u l-qilla tad-diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem;
3. Jenfasizza li bosta minn dawn il-każijiet ta’ nirien tal-foresti jidhru li nbdew b’atti kriminali ta’ inċendju; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu sanzjonjiet penali li jagħmlu ħsara lill-ambjent, bħal dawk li jħeġġu n-nirien tal-foresti;
4. Jiġbed għal fatti l-attenzjoni għall-fatt li hemm differenza li kulma tmur qiegħda tikber bejn il-kapaċitajiet eżistenti tal-UE u l-ħtieġa li tkun iggarantita s-solidarjetá tal-UE bit-tkabbir tal-kapaċitajiet nazzjonali għall-għajnuna fil-ġlieda kontra l-aktar sitwazzjonijiet ibsa;
5. Jisħaq fuq il-kontribut ewlieni tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili fl-appoġġ u l-faċilitazzjoni tal-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-għajnuna għall-protezzjoni ċivili waqt l-emerġenzi;
6. Jenfasizza li Riserva Tattika għal kontra n-Nirien tal-Foresti tal-UE (EUFFTR) stabbilita bil-proġett pilota għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti hija eżempju ta’ valur miżjud Ewropew li mliet in-nuqqas fil-kapaċitajiet b’mod effikaċi u bi spiża aċċettabbli;
7. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma ppjanawx għal impenji finanzjarji għall-2010 sabiex tkompli l-azzjoni preparatorja għal kapaċitá tal-UE ta’ rispons rapidu li diġá kienet stabbilita fl-2008 u fl-2009;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta b’mod urġenti dwr il-proġett pilota biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti kif ukoll l-azzjoni preparatorja dwar il-kapaċitá tal-UE għal rispons rapidu, u jitlob li jitressqu proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu kapaċitá Komunitarja ġenwina ta’ rispons rapidu li tkopri n-nirien tal-foresti u tipi oħrajn ta’diżastri;
9. Jenfasizza li l-istrateġija tal-Unjoni għanda tkopri ċ-ċiklu sħiħ ta’ diżastri, mill-prevenzjoni sal-irkupru, u kull tip ta’ diżastru naturali, fosthom in-nixfa estrema, in-nirien tal-foresti, l-għargħar, u l-maltempati;
10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom ta’ prevenzjoni;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.