MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI Dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009
14.9.2009
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Michail Tremopoulos, François Alfonsi, Raül Romeva i Rueda, Oriol Junqueras Vies f’isem il-Grupp Verts/ALDE
B7‑0042/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar, tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa, tal-14 ta’ April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall, tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja, u tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) fl-Ewropa, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (nirien fil-foresi, nixfa u għargħar) – l-aspetti agrikoli, l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali u l-aspetti ambjentali, u b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali tas-sajf,
– wara li kkunsidra r-rapport Barnier bl-isem ta' "Għal Korp Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili: għajnuna mill-Ewropa’,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-erja totali ta’ veġetazzjoni u boskijiet li ntlaqtet min-nirien fl-Ewropa dan is-sajf kienet ta’ aktar minn 200 000 ettaru, u l-aktar pajjiżi li ntlaqtu bil-kbir kienu l-Greċja, Franza (b’mod partikolari l-Korsika), l-Italja, Ċipru, il-Portugall u Spanja (b’mod partikolari l-Gżejjer Kanarji),
B. billi bosta Stati Membri offrew appoġġ bħala għajnuna fil-ġlieda kontra l-emerġenza tan-nirien tal-foresti,
C. billi l-aħħar snin urew li l-problemi bin-nirien tal-foresti u bin-nixfa kull ma jmur se jsiru aktar akuti, u li s-sjuf nixfin għall-aħħar se jkunu aktar komuni, u billi l-investiment fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima huwa għalhekk investment li jevita l-katastrofi tan-nixfa u n-nirien tal-foresti,
D. billi l-għadd kbir ta’ każijiet ta’ nirien fl-Ewropa tan-nofsinhar fl-2009, kif ukoll il-kobor tagħhom, huwa riżultat ta’ għadd ta’ fatturi, fosthom l-attivitajiet kriminali, flimkien man-nuqqas ta’ implimentazzjoni xierqa tal-liġijiet li jipprojbixxu l-bini illegali fuq art maħruqa, iżda wkoll minħabba l-bidla fil-klima, minħabba definizzjoni mhix adegwata u kura mhux suffiċjenti fil-foresti flimkien ma’ kombinazzjoni ta’ kawżi naturali u ta’ traskuraġni tal-bniedem,
E. billi l-pressjoni sabiex jinbidlu r-regoli dwar l-utilizzazzjoni tal-art ta’ zoni forestali u biex jinbnew u jkunu tollerati kostruzzjonijiet illegali kkontribwiet biex tkompli tiddeterjora l-protezzjoni tal-foresti fil-Greċja, xi ħaġa li wasslet sabiex jinbdew nirien apposta f’ċerti reġjuni,
1. Jiddeplora l-imwiet u l-korrimenti minħabba n-nirien tal-foresti u jesprimi solidarjeta mal-abitanti taz-zoni devastati mn-nirien fil-foresti;
2. Jiddeplora n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru f’riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar is-suġġett tad-diżastri naturali;
3. Jilqa’ l-kooperazzjoni u l-għajnuna offerta mill-Istati Membri l-oħrajn liz-zoni milquta fil-qafas tal-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili; jagħti l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-proġett pilota fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti, qabel il-ħolqien ta’ Forza Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili permanenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi r-rapport Barnier bi proposti konkreti għal kapaċità ta’ kooperazzjoni Ewropea aktar rapida għad-diżastri naturali;
4. Josserva li l-ħsara li saret min-nirien fil-foresti u minn diżastri naturali oħrajn, fil-biċċa l-kbira setgħet tkun evitata u għandu jingħata inċentiv għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kkonċernati biex jiżviluppaw, jiffinanzjaw u jimplimentaw aktar politiki ta’ prevenzjoni effiċjenti u leġiżlazzjoni xierqa dwar il-konservazzjoni u l-utilizzazzjoni xierqa tal-art, fosthom dwar prattiki agrikoli u forestali sostenibbli, il-ġestjoni tal-ilma u l-ġestjoni effiċjenti tar-riskji;
5. Jiddeplora l-fatt li bosta każijiet ta’ nirien fil-foresti jidhru li nbdew b’atti ta’ inċendju, u b’mod partikolari huwa mħasseb li l-atti kriminali ta’ inċendju kull ma jmur qegħdin ikunu jaħtu għan-nirien fil-foresti fl-Ewropa; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex isaħħu u jutilizzaw is-sanzjonijiet penali għal atti kriminali li jagħmlu ħsara lill-ambjent u, b’mod partikolari, għal dawk li jikkawżaw in-nirien fil-foresti, u huwa tal-fehma li l-investigazzjoni f’waqtha u effikaċi biex tkun stabbilita r-responsabilita', segwita minn piena proporzjonata, tiskoraġġixxi l-imġiba traskurata u deliberata;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri, fosthom dawk biex titqajjem kuxjenza pubblika, b’appoġġ għall-użu iżjed sostenibbli tal-ilma, tal-ħamrija u tar-riżorsi bijoloġiċi, kif ukoll ta’ ġestjoni aħjar tal-iskart, billi n-nuqqas ta’ din tal-aħħar sikwit ikun il-kawża tan-nirien;
7. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni milquta biex iwaqqfu pjanijiet ta’ restorazzjoni u ta’ riabilitazzjoni għaz-zoni milquta, fosthom kundizzjonijiet obbligatorji li jiggarantixxu li jkunu implimentati l-miżuri kollha possibbli għall-prevenzjoni tan-nirien u tat-tifi rapidu tiegħu f’dawn ir-reġjuni;
8. Jitlob li l-kofinanzjament mill-fondi Komunitarji għall-implimentazzjoni ta’ pjanijiet bħal dawn, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali, l-EAFRD, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond tas-Solidarjetá Ewropea, għandu jsir bil-kundizzjoni li ssir il-forestazzjoni ġenwina mill-ġdid taz-zoni kollha milquta b’varjetajiet lokali ta’ siġar ekwivalenti minflok il-foresti ta’ qabel u li jsiru miżuri bil-għan li jkun evitat li jerġgħu iseħħu diżastri bħal dawn;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar il-fondi Komunitarji mogħtija għall-protezzjoni min-nirien tal-foresti u dwar jekk ikunux ġew utilizzati b’mod xieraq;
10. Hu tal-fehma li m’għandux jitħalla jsir tibdil fl-utilizzazzjoni tal-art wara n-nirien tal-foresti u jitlob sanzjonijiet biex l-għajnuna Komunitarja terġa’ titħallas lura mill-Istati Membri li ma jerġgħux jissostitwixxu għal kollox iz-zoni milquta bil-foresti jew li jippermettu bidla fl-utilizzazzjoni tal-art għal proġetti spekulattivi turistiċi jew ta’ urbanizzazzjoni;
11. Hu tal-fehma li kundizzjoni minn qabel għall-protezzjoni fit-tul taz-zoni forestali, għandha tkun il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni sostenibbli tal-pjanijiet ta’ żvilupp reġjonali u rurali bil-għan li tevita li l-popolazzjoni rurali titlaq miz-zoni rurali, toħloq dħul rurali diversifikat ġdid, l-aktar għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, u tistabbilixxi l-infrastruttura modernizzata meħtieġa li tiġbed it-turiżmu sostenibbli u s-servizzi fiz-zoni rurali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu inċentivi għall-bdiewa, l-intraprendituri rurali u s-sidien tal-foresti biex jadottaw prattiki agrikoli u forestali li jnaqqsu b’mod effettiv u li jista’ jitkejjel ir-riskji marbuta mal-kundizzjonijiet klimatiċi estremi u man-nirien tal-foresti;
13. Hu tal-fehma li l-attenzjoni speċjali għal miżuri li jtejbu l-aċċessibilità tal-komunitajiet rurali, sistemi ta’ twissija bikrija effikaċi kontra n-nirien, forzi effikaċi volontarji u professjonali għall-prevenzjoni tan-nirien, kif ukoll ġestjoni aħjar tal-ilma għandha tkun parti mill-politiki għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti u għandha tkun kundizzjoni għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni;
14. Hu tal-fehma li, minbarra l-irwol effikaċi u xejn ambigwu tal-politiki pubbliċi, il-miżuri ta’ għarfien, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li flimkien għandhom iżidu r-responsabilitá personali biex jiġu evitati l-inċidenti ripetuti ta’ nirien fir-reġjun tal-Mediterran, għandhom jinbdew u jitwettqu mill-amministrazzjonijiet responsabbli fil-livelli kollha bħala parti mill-programmi tal-iżvilupp rurali u reġjonali sabiex ikunu evitati d-diżastri naturali;
15. Jistieden lill-gvern Grieg biex minnufih ifassal reġistru tal-art għall-foresti biex juża b’mod effikaċi l-mapep tal-foresti eżistenti, u biex ifassal oħrajn ġodda fejn ikun jinħtieġ, kif ukoll biex jorganizza u jdaħħal ħaddiema b’mod xieraq mas-servizzi forestali u tal-protezzjoni min-nirien, u biex jiżgura l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejniethom;
16. Jikkundanna l-prattika tal-legalizzazzjoni tal-kostruzzjonijiet illegali f’zoni protetti u mhux awtorizzati;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati.