Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0046/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0046/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sigurtà tal-enerġija

14.9.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0040/2009

Proċedura : 2009/2532(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0046/2009
Testi mressqa :
B7-0046/2009
Testi adottati :

B7‑0046/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà tal-enerġija

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007, ‘Lejn politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija’,

–   wara li kkunsidra l-ftehima intergovernattiva bejn l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Rumanija u t-Turkija dwar il-proġett tas-sistema ta' pajpijiet tal-gass Nabucco, li ġiet iffirmata fit-13 ta’ Lulju 2009, f’Ankara,

–   wara li kkunsidra l-akkwiżizzjoni mill-kumpanija Russa taż-żejt u l-gass Surgutneftegaz ta’ sehem ta’ minoranza kbir (21.2%) fil-kumpanija petrokimika Ungeriża MOL, li hija membru tal-konsorzju Nabucco,

–   wara li kkunsidra l-protokoll dwar il-koperazzjoni fil-qasam tal-gass bejn ir-Russja u t-Turkija, iffirmata fis-6 ta’ Awwissu 2009 f’Ankara skont liema t-Turkija qed tagħti kunsens preliminari biex tinbena s-sistema tal-pajpijiet tal-gass South Stream u tawtorizza lir-Russja biex twettaq ħidma ta’ stħarriġ għas-sistema tal-pajpijiet fl-ibħra territorjali tat-Turkija,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat fit-13 ta’ Lulju 2009 bejn 12-il kumpanija tal-UE għat-twaqqif ta’ Inizjattiva Industrijali DESERTEC sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kbir ta’ enerġija mix-xemx fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq,

–   wara li kkunsidra t-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE (COM(2009)363 finali),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (COM(2009)361 finali),

–   wara li kkunsidra l-ħmistax-il Konferenza tal-Partijiet (COP 15) għall-UNFCCC li għad trid issir u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP 5) li se jsiru f'Kopenħagen, fid-Danimarka, bejn is-7 u s-18 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sigurtà tal-enerġija tikkostitwixxi element essenzjali tas-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità globali tal-Unjoni Ewropea, li għaliha, madankollu, għad m'hemm l-ebda bażi taħt it-Trattati,

B.  billi, fil-preżent, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-enerġija hija sinifikanti u, fiċ-ċirkustanzi attwali, din hija mistennija li tiżdied,

C.  billi, minkejja tnaqqis drastiku inizjali fil-prezzijiet taż-żejt u tal-gass bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja globali, il-prezzijiet tal-enerġija bdew jiżdiedu f'dawn l-aħħar xhur, u billi l-progress biex issir il-bidla lejn fjuwils aktar sostenibbli qed jimxi bil-mod, il-produzzjoni tal-inħawi tad-dinja fejn jinsabu ż-żejt u l-gass qed tonqos u d-domanda qed tikber b'mod kontinwu, jistgħu jwasslu biex jerġgħu jsiru aktar limitati s-swieq tal-fjuwils fossilli u biex tiżdied id-dipendenza fuq l-importazzjoni għall-pajjiżi konsumaturi,

D.  billi diversi Stati Membri huma dipendenti ħafna fuq fornitur wieħed ta' gass naturali u billi kwalunkwe tħarbit inġustifikat fil-provvista tiegħu jista' jikkawża kriżi gravi, kif intwera waqt il-kriżi tal-gass bejn ir-Russja u l-Ukrajna fil-bidu ta' din is-sena,

E.  billi għadd ta' Stati Membri m'għandhomx biżżejjed riżervi naturali biex jaffrontaw il-kriżijiet,

F.  billi, minħabba d-dipendenza attwali li qed tiżdied tal-provvista tal-enerġija fuq reġjuni politikament instabbli, intwera li l-isforzi biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista fuq livell esklussivament nazzjonali mhumiex biżżejjed u ma jissalvagwardjawx l-interessi fit-tul tal-Istati Membri kollha tal-UE,

G.  billi rriżulta li l-istrumenti eżistenti ta' twissija bikrija kienu insuffiċjenti biex titbassar il-kriżi tal-gass ta' Jannar 2009,

H.  billi t-theddid prevedibbli għas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija se jkompli jeżisti sakemm il-pajjiżi li jipproduċu l-enerġija u l-pajjiżi ta' tranżitu tal-enerġija ma jikkonformawx ma' regoli komuni u trasparenti, kif definiti mit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu,

I.  billi, jekk ikun hemm ċaqliqa sinifikanti biex ikun hemm sehem ħafna akbar ta' enerġija li tiġġedded fit-taħlita enerġetika attwali tal-Unjoni Ewropea, din ikollha impatt ewlieni fuq it-tnaqqis tad-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tal-enerġija u b'hekk tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tagħha minn naħa, u tgħinha biex tilħaq l-impenn tagħha biex l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra jitnaqqsu b'20% sal-2020 min-naħa l-oħra,

J.  billi t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija jista' jkollu impatt konsiderevoli fuq it-tnaqqis tad-dipendenza tal-enerġija,

K.  billi, minkejja li diġà ttieħdu xi passi, hemm bżonn li tinħoloq politika għall-enerġija tassew komuni fir-rigward tar-regolamentar tas-suq intern, kif ukoll ta' aspetti esterni, li tkun tqis l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-Istati Membri kollha,

L.  billi politika esterna komuni dwar l-enerġija, ibbażata fuq solidarjetà, diversifikazzjoni, unità fid-difiża tal-interessi komuni, aktar koperazzjoni mal-pajjiżi ewlenin ta' produzzjoni, tranżitu u konsum tal-enerġija, u fuq il-promozzjoni tas-sostenibilità, toħloq sinerġiji li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista għall-Unjoni Ewropea u żżid is-saħħa u l-kapaċita għal azzjoni tal-UE fi kwistjonijiet ta' politika barranija, u l-kredibilità tagħha bħala attur globali,

1.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni lis-sigurtà tal-enerġija u biex juru tmexxija strateġika fl-istabbiliment ta' politika barranija Ewropea komuni dwar l-enerġija, kif mitlub mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Settembru 2007, "Lejn politika Ewropea barranija komuni tal-enerġija";

2.  Jilqa' il-miżuri dwar id-diversifikazzjoni u t-titjib tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE, kif propost mill-Kummissjoni fit-Tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija; jikkunsidra, madankollu, li hemm bżonn ta' prijoritajiet definiti b'mod ċar u ta' azzjoni rapida biex jiġu implimentati dawn il-miżuri, filwaqt li l-Parlament jinżamm kompletament informat;

3.  Itenni l-ħtieġa urġenti li jkun hemm ċaqliqa lejn dipendenza akbar fuq enerġija li tiġġedded li tkun oriġinat fl-UE sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u sabiex tgħinha biex tonora l-impenn tagħha li l-gassijiet bl-effett ta' serra jitnaqqsu b'20% sal-2020, livell li għandu jitla' sa 30% fil-każ ta' qbil f'Kopenħagen;

4.  Jenfasizza l-irwol tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-esperjenza tal-enerġija nukleari u biex jippromwovu b'mod attiv iċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni; jenfasizza l-bżonn li tingħata wkoll attenzjoni għall-provvista tal-fjuwil u għall-kwistjonijiet ta' sikurezza;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-progress biex tinbena politika tal-enerġija Ewropew komuni jiddependi fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona; jappoġġja t-Trattat ta' Liżbona, li jinkludi klawżola dwar is-solidarjetà enerġetika u li jaqsam ir-responsabilità għall-politika dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Istati Membri;

6.  Jikkunsidra li t-tijib tal-interkonnessjonijiet fl-Ewropa hu essenzjali sabiex jiġi żgurat li s-suq intern u s-solidarjetà enerġetika jiffunzjonaw b'mod effiċjenti; jilqa' f'dan ir-rigward il-ftehima dwar l-iffinanzjar tal-proġetti infrastrutturali bħala parti mill-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew u l-idea li l-Ewropa tingħata supernetwerk Ewropew ġdid għall-elettriku u l-gass;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitwettqu proġetti strateġiċi immirati lejn id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, speċjalment fil-Kuritur tan-Nofsinhar; jenfasizza l-fatt li s-sistema ta' pajpijiet Nabucco għandha tkun tal-ogħla prijorità għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi bħala mezz biex tiġi garantita provvista ta' gass indipendenti u ddiversifikata u jilqa' l-allokazzjoni ta' €200 miljun għall-proġett Nabucco fil-Programm ta' Rkupru Ekonomiku; jenfasizza l-importanza li jkun hemm sistema ġenerali għall-iżvilupp tal-kuritur biex l-UE tiġi konnessa ma' għejjun ġodda ta' gass mill-Lvant Nofsani u mir-reġjun tal-Kaspju, u jħeġġeġ lill-kumpaniji u lill-Istati Membri biex jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissjoni;

8.  Jindika li s-sistemi ta' pajpijiet North Stream u South Stream li huma ppjanati huma mezz importanti biex jiżdiedu l-provvisti tal-gass għall-UE, imma għandhom jiġu evalwati b'attenzjoni fid-dawl tat-tħassib ambjentali, l-adegwatezza ekonomika u l-impatt globali fuq id-dipendenza fuq fornitur tal-gass wieħed;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi assistenza politika u legali lill-kumpaniji li jew huma involuti jew li qed jipprovaw ikunu involuti fit-twettiq ta' proġetti strateġiċi u biex tieħu rwol mexxej fl-istandardizzazzjoni tal-ftehimiet li fuqhom hu msejjes l-iżvilupp tas-sistemi ta' pajpijiet;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw "klawżola ta' solidarjetà" xierqa, li tkun tinkludi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal intervent fil-każ ta' emerġenza minħabba t-tħarbit tal-provvisti ta' enerġija fl-Istati Membri l-oħra bi qbil mat-Trattat ta' Liżbona;

11. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bis-serjetà jekk il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitolu tal-Enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija jistax jiffaċilita l-koperazzjoni globali fil-qasam tal-enerġija bejn l-UE u t-Turkija;

12. Jilqa' l-proposta għal regolament dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass (COM(2009)363); iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-ħażna tagħhom ta' gass naturali bil-kapaċità ta' distribuzzjoni rapida; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tingħata l-assistenza finanzjarja xierqa lill-Istati Membri li jkunu qed jippjanaw li jżidu l-kapaċità tagħhom biiex jaħżnu gass naturali;

13. Jenfasizza li l-UE għandha tipparteċipa fi djalogu mill-qrib mal-fornituri prinċipali tal-enerġija, bil-ħsieb li jissaħħew l-interdipendenza enerġetika u s-sigurtà tal-enerġija għall-UE kollha, b'attenzjoni partikulari fuq iż-żieda fl-effiċjenza, l-aċċess indaqs għas-suq, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza;

14. Ifaħħar lill-Kummissjoni għax-xogħol tagħha biex jiġu intensifikati d-djalogi dwar l-enerġija, li, b'mod partikulari, irriżulta f'numru ta' memoranda ta' ftehim mal-ġirien tal-Lvant u mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, u jistenna b'ħerqa aktar progress mal-imsieħba tan-Nofsinhar;

15. Jitlob li jkun hemm aktar sforzi biex jiġu antiċipati l-problemi potenzjali fil-provvisti tal-enerġija sabiex jiġi evitat tħarbit fil-ġejjieni billi tiġi żviluppata, inter alia, l-effettività tan-netwerk għas-sigurtà tal-enerġija NESCO u jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi b'urġenza l-mekkaniżmi eżistenti ta' twissija bikrija, in-NESCO u l-istrumenti l-oħra, li ntwera li kienu ineffiċjenti fid-dawl tal-kriżi tal-enerġija tal-2009 bejn ir-Russja u l-Ukrajna;

16. Ifakkar l-importanza li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija esterna; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi objettiv li jorbot għall-effiċjenza tal-enerġija fil-Pjan ta' Azzjoni futur tagħha dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija; jistieden lill-Kunsill biex ikun ambizzjuż meta jkun qed jistabbilixxi l-objettivi u r-rekwiżiti fil-kuntest tan-negozjati attwali mal-Parlament dwar id-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini u biex jappoġġja mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa, li huma ta' importanza partikulari preċiżament għal dawk l-Istati Membri fejn il-proporzjon tal-effiċjenza meta mqabbla mal-ispiża tat-titjib tal-konsum enerġetiku tal-bini jista' jkun għoli ħafna u li għandhom dipendenza qawwija fuq l-importazzjoni mir-Russja,

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu t-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u jistieden lill-imsieħba tal-UE li huma firmatarji għat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu biex jikkonformaw mar-regoli u l-prinċipji tiegħu;

18. Jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' approċċ komuni tal-UE għan-negozjati dwar ir-regoli u l-miżati għat-tranżitu mal-imsieħba esterni u jistieden lill-Istati Membri biex jinformaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar deċiżjonijiet u ftehimiet strateġiċi li jikkonċernaw lil proġetti ta' infrastruttura enerġetika;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata kontra manuvri ta' akkwiżizzjoni ostili minn entitajiet barranin mhux trasparenti fis-suq tal-enerġija tal-UE; jinsab allarmat minħabba l-akkwiżizzjoni reċenti mill-kumpanija Surgutneftgaz ta' sehem fil-kumpanija tal-enerġija Ungeriża MOL u l-inabilità ta' Surgutneftgaz li tiżvela l-istruttura tas-sjieda tagħha u l-identità tas-sidien benefiċjarji aħħarija tagħha, kif intalab leġittimament mir-regolatur Ungeriż tas-suq tal-enerġija;

20. Jenfasizza l-bżonn li tiġi riveduta, diġà fl-2009, id-Direttiva 2004/67/KE li għandha x'taqsam mal-miżuri biex tissalvagwardja is-sigurtà tal-provvista ta' gas naturali skont il-linji proposti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2008)769) u li l-Komunità titgħammar bil-mezzi xierqa biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista;

21. Jenfasizza l-irwol tal-Artiku fit-tiswir tal-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa u jinnota l-importanza ta' distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi tal-idrokarburi fl-Artiku, bi qbil mal-liġi internazzjonali, għall-iskop ta' stabilità internazzjonali ġenerali; jikkunsidra li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet strateġiċi relatati mal-Arktiku ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lill-idrokarburi;

22. Jistieden lill-UE biex tikkopera mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran u tal-Afrika ta’ Fuq, b'mod partikulari minħabba l-potenzjal sinifikanti tagħhom fir-rigward tar-riżorsi tal-enerġija u l-opportunitajiet sustanzjali għall-żvilupp tal-Afrika; jikkunsidra, b’mod partikolari, li l-użu tal-enerġija mix-xemx u r-riħ għandu jkun riċerkat u jitħeġġeġ; jilqa' l-progress li sar dan l-aħħar fl-Inizjattiva Industrijali DESERTEC sabiex tiġi żviluppata l-enerġija mix-xemx fuq skala kbira fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq; jenfasizza l-potenzjal għal proġetti simili fl-inħawi tal-Mediterran tal-UE;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.