MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-nirien forestali fis-sajf 2009
14.9.2009
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Marina Yannakoudakis, Tomasz Piotr Poręba, f’isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0039/2009
B7‑0048/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien forestali fis-sajf 2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tar-rispons ta’ l-Unjoni għad-diżastri[1], tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali[2], tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien forestali u l-għargħar fl-Ewropa[3], tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa[4], tal-14 ta’ April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall[5], tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja[6], tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) fl-Ewropa[7], u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Mejju tal-2006 dwar id-diżastri naturali (nirien forestali, nixfiet u għargħar) – aspetti agrikoli[8], aspetti ta’ żviluppi reġjonali[9], u aspetti ambjenti[10],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (imfassla mill-ġdid)[11],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006[12],
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2008 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: kemm hu mgħaġġel, effiċjenti u flessibbli?”,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni 2008 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u r-Rapport dwar l-esperjenza miksuba wara sitt snin ta’ applikazzjoni tal-istrument il-ġdid,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar, adottata fit-23 ta' Ottubru 2007[13],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (2007/162/KE, Euratom)[14],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tat-12 u t-13 ta’ Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-ħila ta’ koordinazzjoni taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u ta’ Informazzjoni (MIC) fil-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ Michel Barnier tad-9 ta’ Mejju 2006 “Għal forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili: Għajnuna Ewropea',
– wara li kkunsidra l-punt 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 dwar ir-reazzjoni ta’ l-Unjoni għall-emerġenzi, il-kriżijiet u d-diżastri,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem' (COM(2009)82 finali/2 tal-4 ta' Marzu 2009),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata unanimament tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja dwar il-'Protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni ta’ diżastri naturali u ekoloġiċi fir-reġjun Ewro-Mediterranju',
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fl-2009 s-sajf reġa' ġab miegħu nirien mhux ikkontrollati devastanti madwar in-Nofsinhar tal-Ewropa, li kkaġunaw kemm tbatija għall-bniedem, fejn mietu tal-anqas ħdax-il ruħ, kif ukoll ħsara ambjentali u materjali immensa,
B. billi fi snin reċenti nixfiet persistenti u temperaturi għoljin wasslu għall-proliferazzjoni ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa, u b'hekk żdiedet id-deżertifikazzjoni f'ħafna reġjuni u ġew affettwati l-agrikoltura, it-trobbija ta' l-annimali u l-wirt tal-foresti,
C. billi n-nixfa u n-nirien persisteni qegħdin iħaffu l-proċess ta’ deżertifikazzjoni ta’ zoni kbar tal-Ewropa t’Isfel, u nqerdu aktar minn 400,000 ettaru fis-sena ta' foresta Ewropea f’dawn l-aħħar 10 snin, b'riżultat ta' dannu gravi għall-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet affettwati,
D. billi, matul id-deċennji li ġejjin, minkejja l-isforzi tagħna ta' mitigazzjoni globali, se jkun hemm żieda inevitabbli fit-temperatura globali, b’effetti partikolarment avversi għan-Nofsinhar tal-Ewropa, li huwa mbassar li se jkun reġjun estremament vulnerabbli f’termini ta’ bidla fil-klima u li diġà għadda minn nirien inkontrollati ta’ kobor mingħajr preċedenti fl-2007 bħala riżultat dirett tal-mewġiet ta’ sħana estrema ta' dik is-sena,
E. billi l-frekwenza, il-gravità, il-komplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-Ewropa żdiedu b'ħeffa matul is-snin li għaddew, b'riżutlat ta' telf ta' ħajjiet umani u beni, b'effetti katastrofiċi fit-terminu l-qasir u fit-terminu t-twil fuq l-ekonomija tar-reġjuni affettwati, inkluż it-telf tal-wirt naturali u kulturali, il-qirda tal-infrastruttura ekonomika u soċjali, u d-dannu għall-ambjent (fil-każ ta’ nirien mhux ikkontrollati mill-bniedem, ta' telf tal-ħabitats naturali u tal-bijodiversità, ta' deterjorament tal-mikroklima u ta' żieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra),
F. wara li kkunsidra l-konsegwenzi dannużi ekonomiċi u soċjali tad-diżastri naturali għall-ekonomiji reġjonali, kemm f’setturi bħalma huma t-turiżmu kif ukoll mil-lat tal-attività produttiva inġenerali;
G. billi l-prevenzjoni hija ta' importanza sinifikanti fir-rigward tal-ħarsien kontra d-diżastri naturali, teknoloġiċi u ambjentali,
H. billi l-fenomenu tan-nirien forestali huwa aggravat ukoll mill-abbandun progressiv tal-kampanja u tal-attivitajiet tradizzjonali tagħha, minn manutenzjoni inadegwata tal-foresti, mill-eżistenza ta’ firxiet kbar ta’ foresta li jkun fihom speċi waħda ta' siġar, mit-taħwil ta' varjetajiet ta' siġar mhux idonei, min-nuqqas ta' politika ta' prevenzjoni xierqa u kastigi li mhumiex ta' severità adegwata fil-każ ta’ nirien li jkunu tqabbdu apposta,
I. billi l-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivitat ripetutament fl-aħħar ftit snin,
J. billi d-diżastri naturali bħalma huma n-nirien forestali li dejjem qed ikunu aktar spissi fin-Nofsinhar tal-Ewropa jista’ jkollhom dimensjoni transkonfinali minħabba l-ħeffa li biha jinfirxu minn fejn ikunu bdew u l-hila li ghandhom li jibdlu d-direzzjoni minghajr mistenni, u għalhekk jeħtieġu reazzjonijiet kkoordinati u mgħaġġlin; wara li kkunsidra wkoll l-ħsara estensiva li jistgħu jikkawżaw lill-proprjetà, lill-ħajja tal-bniedem, lill-attivitajiet ekonomiċi u lill-ambjent reġjonali,
K. billi l-Parlament ripetutament ħeġġeġ lill-Presidenzi tal-Kunsill jilħqu deċiżjoni dwar Regolament għal Fond ta’ Solidarjetà ġdid sa mill-adozzjoni tal-pożizzjoni tiegħu f'Mejju 2006,
L. billi, sa mill-ħolqien tiegħu fl-2002, il-Fond ta' Solidarjetà ta appoġġ finanzjarju ta' aktar minn EUR 1.5 biljuni,
M. filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri tiddikjara li l-Fond ta’ Solidarjetà 'laħaq l-objettiv tiegħu, li huwa li juri solidarjetà mal-Istati Membri f’sitwazzjonijiet ta’ diżastru', minkejja illi l-aktar problema importanti tibqa’ n-nuqqas ta’ rapidità li biha l-Fond jista’ jiġi attivat bħala strument għall-immaniġjar tal-kriżijiet,
N. billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jittejbu t-trasparenza u s-sempliċità tal-kriterji li jirregolaw il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà,
O. billi l-Parlament Ewropew issottometta riżoluzzjonijiet suċċessivi sa mill-1995 li jitolbu urġentement diversi inizijattivi tal-Unjoni Ewropea biex ikunu missielta n-nirien inkontrollati fin-Nofsinhar tal-Ewropa, li jew qatt ma kienu implimentati jew tħallew inkompleti u ineffettivi,
1. Jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-qraba ta’ dawk li mietu u mar-residenti taz-zoni affettwati, u jfaħħar lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, kemm professjonisti kif ukoll voluntiera, li stinkaw bla waqfien u bi qlubija biex jitfu n-nirien, isalvaw in-nies u jillimitaw il-ħsara mid-diżastri naturali ta' dan is-sajf;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmobilizza l-Fond ta’ Solidarjetà attwali tal-UE (EUSF) bl-iktar mod flessibbli li huwa possibbli u mingħajr dewmien biex ikunu assistiti l-vittmi tad-diżastri naturali ta’ dan is-sajf;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja r-riabilitazzjoni tar-reġjuni li soffrew dannu kbir, tirrestawra l-potenzjal produttiv tal-arji affettwati, tfittex li tniedi mill-ġdid il-ħolqien tal-impjiegi u tieħu miżuri approprijati biex tikkumpensa l-kostijiet soċjali inerenti fit-telfien tal-impjiegi u ta’ għejun oħrajn ta’ dħul;
4. Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u ta’ Informazzjoni (MIC) lejn l-appoġġ u l-iffaċilitar tal-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ għajnuna għall-protezzjoni ċivili waqt l-emerġenzi;
5. Jisħaq fuq ir-responsabilità individwali tal-Istati Membri għall-protezzjoni ċivili u l-miżuri tal-kontroll tad-diżastri, jitlob li jkun hemm kastigi eħrex għall-inċendjarji, metodi aktar effiċjenti għall-għarfien bikri tan-nirien forestali, u trasferiment aħjar tal-kompetenza fir-rigward tal-miżuri ta’ tifi tan-nar bejn l-Istati Membri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-iskambju ta’ esperjenzi bejn ir-reġjuni u bejn l-Istati Membri;
6. Jirrikonoxxi s-solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea, ta’ l-Istati Membri tagħha u ta’ pajjiżi oħra bl-għajnuna li taw lir-reġjuni affettwati waqt emerġenzi ta’ nirien fil-foresti permezz ta’ inġenji ta’ l-ajru, tagħmir għat-tifi tan-nar u kompetenza, kif ukoll l-għajnuna ta’ min ifaħħarha mogħtija lill-awtoritajiet rilevanti u lill-iskwadri tas-salvataġġ; huwa tal-fehma li l-iskala u l-impatt ta’ dawn il-fenomeni ta’ sikwit imorru oltre l-livelli u l-kapaċitajiet reġjonali u nazzjonali, u jitlob li jkun hemm impenn Ewoprew effettiv bħala kwistjoni ta’ urġenza;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut tar-riżerva tattika Ewropea ta' avjazzjoni għat-tifi tan-nar (EUFFTR), li twaqqfet dan is-sajf biex tassisti lill-Istati Membri li jiffaċċjaw nirien kbar; jinnota li dan il-proġett pilot twaqqaf bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew sabiexiex itejjeb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-nirien forestali, u jirriżulta li huwa eżempju eċċellenti ta' kapaċità mtejba f’livell Ewropew li tipprovdi għajnuna immedjata f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza; jenfasizza, f’dan l-ambitu, il-ħtieġa li jitkomplew l-iżvilupp u r-rinforz ta' dan il-proġett pilota hekk kif nibqgħu naraw ċirkostanzi fejn isseħħ devastazzjoni kbira peress li l-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-EUFFTR ma jkunux adegwati;
8. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-miżuri ta' prevenzjoni mfassla sabiex jittrattaw it-tipi kollha ta' diżastri naturali billi jkunu stabbiliti linji gwida strateġiċi konġunti sabiex tkun żgurata koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, kif ukoll operabilità u koordinazzjoni akbar bejn id-diversi strumenti Komunitarji (Fondi Strutturali, Fond ta' Solidarjetà, EAFRD, LIFE+ u l-mekkaniżmu tal-istrument tar-reazjzoni rapida u t-tħejjija għal emerġenzi kbar), filwaqt li ma tintesiex il-ħtieġa li jintużaw strumenti eżistenti oħrajn, bħall-Għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali u s-self tal-BEI, bil-għan li titranġa l-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali;
9. Jitlob li jiddaħħlu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni reġjonali fil-programmi ta' żvilupp rurali biex titjieb l-effiċjenza tal-miżuri ta' prevenzjoni;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef il-proċedura ta’ aċċess għall-fondi tal-UE għall-irkupru tal-art agrikola wara għargħar u nirien, u l-ħtieġa li tkun disponibbli aktar għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp ta’ difiżi kontra n-nirien u l-għargħar; jenfasizza l-effetti fatali tan-nirien forestali u l-għargħar fuq il-bhejjem;
11. Iqis li hu essenzjali li jitqiesu l-problemi strutturali tal-ambjent rurali (deklin demografiku, abbandun tar-raba', deforestazzjoni u l-frammentazzjoni eċċessiva tas-sjieda tal-imsaġar);
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-proposta tagħha għal pjan ta' azzjoni tal-UE għall-adattament għall-bidla fil-klima, tagħti prijorità lill-ġlieda kontra n-nixfiet u n-nirien forestali fin-Nofsinhar tal-Ewropa kif ukoll lill-prevenzjoni tagħhom;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel progress fit-tfassil ta' kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni dwar il-miżuri ta' prevenzjoni miftiehmin mill-Istati Membri biex jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi tad-diżastri naturali, l-aktar fiz-zoni ta' riskju għoli, billi jagħmlu lill-pubbliku konxju mill-ħtieġa tal-kura tal-ambjent u tal-konservazzjoni tar-riżorsi naturali;
14. Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tirrifletti fil-fond dwar l-introduzzjoni ta' Politika Forestali Komuni biex tittratta b'mod aktar effettiv mal-problemi tal-bidla fil-klima u d-diżastri naturali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal, fost il-miżuri agroambjentali stipulati fil-Politika Agrikola Komuni, interventi speċifiċi mfassla għall-prevenzjoni u l-evitar tat-tifrix tan-niren forestali;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali milquta min-nirien u mill-għargħar.
- [1] Testi Adottati, P6_TA(2008)0304.
- [2] ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 55.
- [3] ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 240.
- [4] ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.
- [5] ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 599.
- [6] ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 414.
- [7] ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 322.
- [8] ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 363.
- [9] ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 369.
- [10] ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 375.
- [11] ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.
- [12] ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 331.
- [13] ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27.
- [14] ĠU L 71, 10.3.2007 p. 9.