MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi fis-settur tal-ħalib
14.9.2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Giancarlo Scottà, Mario Borghezio, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFD
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0047/2009
B7‑0051/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur tal-ħalib
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (Ir-Regolament Waħdieni dwar "l-OKS") fir-rigward tal-perjodi ta' intervent tal-2009 u l-2010 għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat (COM(2009)0354),
– wara li kkunsidra r-rapport De Castro dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, ippreżentat fil-plenarja fl-14 ta' Settembru (A7‑0004/2009),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-qagħda tas-suq tal-prodotti tal-ħalib fl-2009 (COM(2009)0385), li titlob li jissaħħew l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa bil-għan ta' mmaniġġjar aħjar tal-forniment tal-prodotti,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Agrikoltura tas-7 ta' Settembru 2009,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni tat-2 ta' Settembru 2009 dwar il-kriżi fis-settur tal-ħalib (O-0085/2009 – B7‑0208/2009),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-sena li għaddiet il-prezz tal-ħalib naqas ferm bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja serja li laqtet lill-ekonomiji tad-dinja, filwaqt li naqqset id-dħul tal-produtturi tal-prodotti tal-ħalib u kkawżat problemi kbar għall-produzzjoni agrikola,
B. billi l-miżuri ta' intervent li ġew proposti għas-setturi tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-settur kollu tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib, li jinkludi wkoll il-ġobnijiet li jiżviluppaw bil-mod,
C. billi l-kriżi li laqtet il-produzzjoni tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat qed taffettwa wkoll il-produzzjoni u l-bejgħ ta' ġobnijiet li jiżviluppaw bil-mod, u billi l-produzzjoni ta' dawn tal-aħħar tirrikjedi ħafna żmien mil-lat kemm tal-preparazzjoni kif ukoll tal-ħżin (privat),
D. billi l-prezz bl-imnut għall-prodotti tal-ħalib huwa ferm ogħla mill-prezz ta' produzzjoni ta' tali prodotti,
E. billi huwa diffiċli, għall-konsumaturi, li jsibu l-oriġini tal-prodotti tal-ħalib,
1. Jaqbel li l-perjodu ta' intervent għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat għandu jittawwal, iżda jitlob li tali intervent jinkludi wkoll il-ħżin privat ta' ġobnijiet li jiżviluppaw bil-mod;
2. Jaqbel li għandhom jiddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda sabiex jitħeġġew it-twaqqif ta' entitajiet interprofessjonali u t-tkabbir tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, sabiex tiżdied is-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa fir-rigward tal-bejgħ tal-prodotti tal-ħalib;
3. Jitlob reazzjoni għat-talbiet dejjem jiżdiedu tal-konsumaturi sabiex it-tikketti fuq il-prodotti tal-ħalib jinkludu indikazzjoni tal-oriġini;
4. Jitlob li l-Istati Membri jingħataw proroga fuq il-ħlas tal-kwoti tal-ħalib sabiex il-produtturi ma jkunux ippenalizzati aktar, billi diġà ntlaqtu b'mod qawwi mill-kriżi finanzjarja;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.