MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib
14.9.2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Procedura
Albert Deß, Esther Herranz García, Elisabeth Jeggle, Georgios Papastamkos, Joseph Daul, Astrid Lulling, Mairead McGuinness, Véronique Mathieu, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Elisabeth Köstinger, Peter Jahr, Herbert Dorfmann, Jean-Pierre Audy, Michel Dantin, Christophe Béchu, Dominique Riquet, Giovanni La Via, Czesław Adam Siekierski, Carlo Fidanza f’isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0047/2009
B7‑0053/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib
The European Parliament,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni teigħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew (P6_TA(2007)0480),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2008 dwar il-Kontroll tas-Saħħa fuq il-CAP (2007/2195(INI) (ir-rapport Goepel),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni teigħu tat-22 ta’ Mejju2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (P6_TA(2008)0229),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa (2008/2175(INI) (ir-rapport Batzeli),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1405/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008, u (KE) Nru 479/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1883/78, (KEE) Nru 1254/89, (KEE) Nru 2247/89, (KEE) Nru 2055/93, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 2596/97, (KE) Nru 1182/2005 u (KE) Nru 315/2007,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-qagħda tas-suq tal-prodotti tal-ħalib fl-2009 (COM(2009)0385 finali),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (Ir-Regolament Waħdieni dwar "l-OKS") fir-rigward tal-perjodi tal-intervent tal-2009 u l-2010 għall-butir u l-ħalib xkumat (COM(2009)0354 finali), u r-rapport De Castro dwar din il-proposta (A7-0005/2009),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-aħħar tnax il-xahar kienu xiehda ta’ deterjorazzjoni drammatika fis-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti tal-ħalib bi prezzijiet tal-ħalib li niżlu għal inqas minn 21 ċenteżmu għal kull litru, minkejja l-intervent u s-sussidji għall-esportazzjoni, u billi ħafna bdiewa issa qed ibigħu l-prodotti tal-ħalib bi prezz inferjuri għall-ispiża tal-produzzjoni tagħhom,
B. billi l-vijabilità ta’ numru kbir ta’ bdiewa tal-prodotti tal-ħalib fl-UE issa tinsab f’riskju gravi, billi ħafna minnhom qed jirnexxielhom jgħixu biss billi jużaw ir-riżorsi mfaddla personali tagħhom, ħaġa li ovvjament mhix sostenibbli,
C. billi konsegwenza tal-kriżi ekonomika dinjija kienet tnaqqis konsiderevoli fit-talba għall-prodotti tal-ħalib eżattament fl-isess ħin li l-provvista żdiedet minħabba li pajjiżi terzi bħal New Zealand, l-Awstralja, l-Arġentina, il-Brażil u l-Isati Uniti produċew kwantitajiet ikbar,
D. billi fil-proċedura baġitarja tal-2009 tal-UE l-Parlament għamel bħala prijorità l-ħolqien ta’ fond speċjali tal-UE għall-prodotti tal-ħalib sabiex is-settur jiġi megħjun matul aġġustament mill-ġdid li jkunu diffiċli,
E. billi l-Parlament repetutament enfasizza d-differenza bejn il-prezzijiet li jħallsu l-konsumaturi għall-prodotti agrikoli fis-supermarkets u l-prezzijiet li jirċievu l-produtturi, u ħeġġeġ li jiġu investigati sew l-abbużi potenzjali fis-suq,
F. billi l-Kummissjoni tikkalkula li matul il-perjodu bejn Mejju 2006 u Mejju 2009 l-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi għal ħalib u ġobon żdiedu b’iktar minn 14%, filwaqt li l-prezzijiet li rċevew il-produtturi f’xi Stati Membri naqsu b’40% f’sena,
1. Iqis li minħabba s-sitwazzjoni kritika kontinwa fis-suq tal-prodotti tal-ħalib, kemm miżuri għaż-żmien twil kif ukoll għaż-żmien qasir huma meħtieġa, u jinnota li l-miżuri li ħadet il-Kummissjoni s’issa mhumiex biżżejjed biex isolvu l-kriżi fis-settur; jitlob lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tistabbilixxi liema miżuri jistgħu jwasslu għall-istabilizzazzjoni fis-suq; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni fid-dettall mal-atturi u l-Istati Membri dwar il-futur tas-settur tal-ħalib, sabiex tiġi analizzata l-possibilità li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ ġestjoni li jevitaw il-volatilità tal-prezz;
2. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-ħolqien ta’ Fond tal-UE għall-Prodotti tal-Ħalib ta’ EUR 600 miljun biex jiġu megħjuna l-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-produtturi u biex jingħata appoġġ lill-investiment, l-immodernizzar, id-diversifikazzjoni miżuri bbażati fuq zona u attivitajiet tas-suq tal-prodotti tal-ħalib, u jfakkar li l-Parlament diġà għamel talba bħal din fil-proċedura baġitarja tal-2009;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri li jgħinu lill-produtturi biex iżidu l-valur miżjud tal-prodotti tagħhom, speċjalment f'dawk iz-zoni fejn hemm ftit alternattivi ta' produzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex iddaħħal miżuri immedjati biex tistimula t-talba għal prodotti tal-ħalib, u jqis li estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, tal-firxa tal-prodott u tal-iffinanzjar tal-programm tal-ħalib tal-iskola hija eżempju tajjeb ta’ inizzjattiva fattibbli; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni eqreb fost id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;
5. Jappoġġja l-użu immedjat ta’ ħalib tat-trab bħala ikel għall-għoġġiela, bħala mezz biex tiżdied it-talba għall-prodotti tal-ħalib;
6. Ifakkar li t-tikkettar ċar tas-sostituti tal-prodotti tal-ħalib bħall-ġobon u prodotti oħra magħmula minn xaħam mhux tal-annimali hu ta’ importanza vitali, u għandu jinkludi speċifikazzjoni dwar il-materjal prima u l-pajjiż ta’ oriġini; jinsisti li l-prodotti mmarkati bħala tal-ħalib għandhom ikunu prodotti tal-ħalib;
7. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-perjodu ta’ intervent għall-buti u l-ħalib tat-trab xkumat sat-28 ta’ Frar 2010, u jqis li l-prezz tal-intervent għandu jiżdied, għallinqas għaż-żmien qasir;
8. Jaqbel li l-għoti lura ta’ flus fuq l-esportazzjoni tal-ħalib u prodotti tal-ħalib għadu meħtieġ, u jqis li l-approprjazzjonijiet tal-baġit se jkollhom jiżdiedu;
9. Jitlob li jkun hemm estensjoni tal-ħżin privat għall-prodotti tal-ġobon u livelli adegwati ta’ appoġġ sabiex din il-miżura tkun effettiva, kif ukoll żieda fin-numru ta’ pajjiżi terzi - bħall-Istati Uniti - li jistgħu jiġu esportati lejhom prodotti tal-ġobon tal-UE bl-għoti lura ta’ flus fuq l-esportazzjoni;
10. Jitlob lill-Kummissjoni biex, għaż-żmien itwal u malli jiskadi l-għoti lura ta' flus fuq l-esportazzjoni, teżamina kif jistgħu jinżammu l-approprjazzjonijiet korrispondenti fis-settur tal-prodotti tal-ħalib;
11. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippermetti l-assikurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni agrikola, hekk kif hi prattikata fl-Istati Uniti;
12. Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilitajiet għal skema ta’ irtirat bikri għall-produtturi tal-prodotti tal-ħalib, pereżempju billi twaqqaf skema ta’ xiri lura tal-kwota bħall-iskema ta' qlugħ ta' dwieli (grubbing-up scheme) fl-OKS tal-inbid;
13. Jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet fost il-katina tal-provvista tal-ikel, peress li l-prezzijiet għall-konsumatur f’ħafna Stati Membri jibqgħu evidentement għoljin minkejja li l-prezzijiet għall-produttur naqsu drammatikament;
14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-komunikazzjoni tagħha dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa mingħajr dewmien; jiftakar li l-Parlament ilu ħafna jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-abbużi potenzjali tal-pożizzjoni tas-suq fil-katina tal-provvista tal-ikel, speċjalment fis-settur tal-prodotti tal-ikel, u jqis li din l-investigazzjoni ilha ħafna dovuta;
15. Iqis li hemm bżonn li tiġi stabbilita sistema li timmoniterja l-prezzijiet tal-komoditajiet bi trasparenza sħiħa, speċjalment il-prezzijiet li jħallsu l-konsumaturi;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlament tal-Istati Membri.