MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib
14.9.2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
José Bové, Martin Häusling, Alyn Smith, Bas Eickhout f’isem il-Grupp Verts/ALE
B7‑0055/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tat-22 ta’ Lulju fl-2009 (COM(2009)0385 finali),
– wara li kkunsidra r-risposta ta’ tmin ministri tal-biedja tal-UE tal-31 ta’ Lulju 2009 lill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Agrikultura tas-7 ta’ Settembru dwar il-kriżi tal-ħalib,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Miktuba tal-Parlament tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-abbuż ta’ poter minn gruppi ta’ supermarkets[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ittra ta’ tmin ministri tal-biedja tal-UE tqis il-miżuri proposti mill-Kummissjoni bħala “ġeneralment insuffiċjenti” u tistaqsi, fost affarijiet oħra, għal tmexxija dejjiema u aktar flessibbli tas-suq tal-ħalib, kif ukoll għal aktar appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib,
B. billi fl-2008, il-Kummissjoni kienet għadha targumenta favur tneħħija ta’ malajr tas-sistema tal-kwota tal-ħalib, b’referenza għas-suq tal-ħalib li qiegħed dejjem jikber fuq skala globali, pereżempju fiċ-Ċina, ipoteżi li intweriet bħala mhux eżatta,
C. billi l-Kummissjoni issa qed tammetti, fil-komunikazzjoni tagħha, li s-sitwazzjoni tas-suq tal-ħalib fl-UE iddeterjorat sew tul dawn l-aħħar 12-il xahar minħabba ż-żieda globali fil-produzzjoni tal-ħalib u tnaqqis fid-domanda fid-dinja kollha;
D. billi l-UE, li hi l-akbar produttur tal-ħalib fid-dinja, għandha responsabilità kbira ferm f’din is-sitwazzjoni minħabba:
– l-appoġġ tagħha għal żieda fil-konċentrazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib l-aktar favur ir-reġjuni tal-UE, minħabba importazzjoni tal-għalf mingħajr tarriffi, bħal ma hi s-sojja,
– it-tneħħija gradwali tal-istrumenti amministrattivi tal-provvista bħas-sistema tal-kwota, li tista’ tkun riformata sabiex tibbilanċja aħjar il-provvista u d-domanda, għal prodott daqstant sensittiv,
– is-sussidjar tal-industrija tal-ikel u tal-kumpaniji kummerċjali permezz ta’ politiki inadegwati ta’ intervent tas-suq u tas-sussidji fl-esportazzjoni, li wasslu għal żieda strutturali permanenti fil-produzzjoni ta’ 15-il miljun tunnellata ta’ ħalib, li wasslet għal tnaqqis sostanzjali tal-prezzijiet tal-ħalib mad-dinja kollha,
E. billi, minkejja l-fatt li biss 8 % tal-prodotti tal-biedja, inkluż il-ħalib, huma kkummerċjati fuq livell globali, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ipprovokat sitwazzjoni instabbli u inkwetanti tal-prezzijiet tal-ikel u tal-ħalib, li ddestabilizzat is-swieq lokali tal-ikel u qed teqred l-għajxien ta’ miljuni ta’ bdiewa, kif ukoll ta’ impjiegi fir-reġjuni rurali madwar id-dinja,
F. billi, kif imqabbel ma’ reġjuni oħra, il-produzzjoni tal-ħalib tal-UE hi bbażata fuq rziezet tal-familja fuq skala żgħira li prinċipalment jużaw mergħat fuq art li ma tinħadimx u jżommu pajsaġġi kulturali ta’ valur, filwaqt li joffru impjiegi anke f’reġjuni żvantaġġjati u marġinalizzati,
G. billi d-distribuzzjoni mhux ugwali tal-kwota bejn l-Istati Membri tal-UE, ir-reġjuni u l-bdiewa, wasslet għal żvantaġġi kbar, speċjalment f’zoni inqas vantaġġjati u fl-Istati Membri l-ġodda, u wasslet għal transport fuq distanza fit-tul ta’ ħalib u ta’ prodotti tal-ħalib,
H. billi l-proċess ta’ konċentrazzjoni fl-industrija tal-ħalib, flimkien mal-poter tas-suq tal-gruppi tas-supermarkets, jippermetti lill-kumpaniji tal-ikel u tal-kummerċ li jżommu l-prezz tat-tluq għall-ħalib baxx u l-prezz tal-konsumatur għall-prodotti tal-ħalib għoli,
1. Japprova l-azzjoni li l-bdiewa tal-ħalib ħadu fl-Ewropa kollha biex iqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni drammatika tas-settur tal-ħalib, u l-pressjoni li għamlu fuq l-industrija tal-ipproċessar tal-ħalib u fuq il-Kummissjoni biex itemmu l-kriżi tal-ħalib;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex immedjatament twaqqaf iż-żieda gradwali tal-kwota tal-ħalib u tnaqqas il-kwoti tal-ħalib b’mill-inqas 3% bħala miżura ta’ urġenza, bi tnaqqis differenzjat għall-produtturi żgħar u ta’ daqs medju;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri baġitarji li jistabbilixxu kumpens temporanju għat-tnaqqis fil-produzzjoni, sabiex jintlaħaq it-tnaqqis ta’ 5% mingħajr konsegwenzi finanzjarji drastiċi, speċjalment għall-produtturi żgħar u ta’ daqs medju u għaz-zoni inqas vantaġġjati;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsidra mill-ġdid il-konsegwenzi li ċċedi t-tmexxija tal-provvista tas-settur tal-ħalib u li tfassal proposti għal produzzjoni tal-ħalib sostenibbli, li tfittex il-kwalità, immexxija mid-domanda u bbażata fuq ir-reġjun, li tinkludi bilanċ aħjar bejn ir-reġjuni u l-bdiewa, sabiex tkun evitata produzzjoni strutturali żejda u żieda fl-instabilità tal-prezzijiet tal-ħalib għall-produtturi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tissodisfa l-impenn tal-UE li ttemm is-sussidji fuq l-esportazzjoni u li tneħħi gradwalment il-miżuri ta’ intervent fis-suq li huma orjentati lejn l-esportazzjoni u li jdgħajfu jew jeqirdu l-produzzjoni domestika tal-ħalib, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex telabora proposti li joħolqu infrastruttura reġjonali mmexxija mill-kwalità, li tqis l-isfidi l-ġodda, bħall-għanijiet tal-bidla fil-klima, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-ġestjoni aħjar tal-ilma u tal-ħamrija u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija bħala kundizzjonijiet obbligatorji għar-ristrutturar tas-settur tal-ħalib;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta inizjattivi leġiżlattivi u baġitarji li jagħtu appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fin-negozjati, inkluż fl-organizzazzjonijiet tal-ġbir tal-ħalib, mal-industriji tal-ipproċessar tal-ħalib u ma’ kumpanija tal-kummerċ tal-ikel;
8. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi, fil-proposti tagħha għar-riforma tal-CAP wara l-2013, bilanċ aħjar tal-produzzjoni tal-ħalib fl-Istati Membri u r-reġjuni Ewropej, filwaqt li tagħti prijorità lill-produzzjoni tal-ħalib minn annimali li jieklu l-ħaxix, b’attenzjoni speċjali għal reġjuni inqas vantaġġjati u għas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward ta’ produtturi iżgħar tal-ħalib, sabiex jinżammu l-impjiegi u d-diversità tal-pajsaġġi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri leġiżlattivi u baġitarji meħtieġa ħalli tappoġġja l-produzzjoni ta’ uċuh tar-raba’ tal-proteini fl-UE mingħajr spejjeż addizzjonali, u sabiex tiffavorixxi zoni ta’ mergħat mhux maħduma sabiex tevita aktar dipendenza fuq għalf impurtat għall-produzzjoni tal-ħalib Ewropew;
10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-miżuri meħtieġa ħalli għalf impurtat jikkonforma mal-standards li l-bdiewa tal-ħalib iridu jilħqu fl-UE, sabiex ikun evitat li l-importazzjoni ta’dawn il-prodotti li ma jirrispettawx dawn l-istandards idgħajfu l-isforzi tal-UE u b’hekk titjieb il-produzzjoni sostenibbli tal-ħalib; dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ aċċess kwalifikat għas-suq, li jimponi tariffi fejn ma jintlaħqux l-istandards, filwaqt li dawn jgħaddi lill-pajjiżi konċernati bħala appoġġ għax intlaħqu dawn l-istandards, speċjalment fl-oqsma tal-ambjent, tal-benessri tal-annimali u tal-leġiżlazzjoni tal-GMO;
11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex topponi bil-qawwa inizjattivi minn uħud mill-Istati Membri, biex tkun rinazzjonalizzata l-Politika Agrikola Komuni;
l2. Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati: P6_TA(2008)0054.