MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib
14.9.2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
George Lyon, Britta Reimers, Marit Paulsen f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0047/2009
B7‑0056/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-qagħda tas-suq tal-prodotti tal-ħalib tat-22 ta’ Lulju fl-2009 (COM(2009)0385 finali),
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni biex tkun estiża l-iskadenza għall-intervent pubbliku ta’ akkwist tal-UE ta’ butir u ta’ trab tal-ħalib xkumat (C7-0103/2009),
– wara li kkunsidra l-“Kontroll tas-Saħħa” tal-Politika Agrikola Komuni adottata f’Novembru 2008 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-konsum tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fl-UE naqas konsiderevolment minħabba fatturi globali bħall-waqgħa fid-domanda għall-prodotti tal-ħalib fiċ-Ċina u fix-Xlokk tal-Ażja wara r-riċessjoni kif ukoll minħabba żieda fil-produzzjoni minn fornituri oħra (New Zealand, l-Awstralja, l-Arġentina, il-Brażil u l-Istati Uniti tal-Amerika),
B. billi s-sitwazzjoni tas-suq tal-ħalib tal-UE marret lura sew f’dawn l-aħħar 14-il xahar u billi l-prezzijiet tal-ħalib għall-produtturi niżlu minn 30-40 ċenteżmu l-litru għal medja ta’ 24 ċenteżmu kull litru fl-UE-27, jew f'xi każi anke inqas,
C. minħabba li l-kriżi tipperikola l-eżistenza ta’ ħafna bdiewa tal-prodotti tal-ħalib fl-Istati Membri tal-UE, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda,
1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-bdiewa tal-prodotti tal-ħalib, jirrikonoxxi s-sitwazzjoni serja li dawn qed jiffaċċjaw u jemmen li jeħtieġ tittieħed azzjoni urġenti fl-UE kollha;
2. Jappoġġja l-politika agrikola u d-direzzjoni ewlenija li ħadet il-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-“Kontroll tas-saħħa” tal-CAP, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija fuq perjodu ta’ żmien twil għall-agrikultura fl-UE bbażata fuq il-CAP;
3. Iqis li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jirrikonoxxu n-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-katina tal-provvista kollha fuq livell Ewropew u dak tal-Istati Membri;
4. Jitlob għal aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-ikel sabiex is-swieq ikunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod aktar effettiv;
5. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga l-aspetti kollha tas-sistema tas-suq tal-ħalib tal-UE sabiex tiżgura li teżisti kompetizzjoni ġusta u miftuħa fis-suq, speċjalment fir-rigward tad-differenza fil-prezz għall-produtturi u għall-konsumaturi;
6. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra miżuri, bħal self favorevoli u skemi ta’ garanziji mutwi, li jikkontribwixxu biex tonqos l-instabilità tal-prezz fis-swieq tal-prodotti agrikoli;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina modi li bihom issaħħaħ il-poter ta’ negozjar ta’ produtturi primarji fil-katina tal-ikel bil-għan li jkun żgurat li huma jkollhom assigurat sehem aktar ġust fil-prezz tal-bejgħ bl-imnut;
8. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta kodiċi ta’ kondotta fl-UE kollha bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-produtturi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ u tiżviluppa l-irwol tal-koperattivi tal-bdiewa billi tipprovdi assistenza li tgħinhom ikunu integrati aktar b’mod vertikali;
10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi aktar miżuri li jistimulaw domanda akbar għall-prodotti tal-ħalib;
11. Jirrimarka li l-bejgħ li jsir permezz ta’ intervent pubbliku qed jakkumula żieda li se toħloq periklu għas-suq fil-futur u li l-Kummissjoni għandha għalhekk tibda tippjana issa kif se tnaqqas din iż-żieda b’mod li ma tfixkilx l-irkupru tas-suq tal-UE fuq perjodu twil ta' żmien;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex b’moħħ miftuħ tirrevedi l-użu ta’ miżuri ta' għajnuna għas-suq tal-UE u sabiex tfittex soluzzjonijiet li jagħtu aktar libertà lill-bidwi u jippermettulu li jaġixxu b’mod aktar liberu f’suq ġust u mingħajr distorsjonijiet;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.