Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0083/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0083/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Samit tal-G20 f’Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009

30.9.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Sylvie Goulard
f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0082/2009

Proċedura : 2009/2608(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0083/2009
Testi mressqa :
B7-0083/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0083/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit tal-G20 f’Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali li saret Londra fl-4 u l-5 ta’ Settembru 2009 u l-istqarrija tagħhom dwar passi ulterjuri għat-tisħiħ tas-sistema finanzjarja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar is-Samit tal-G20 ta' Londra tat-2 ta' April 2009[1],

–   wara li kkunsidra l-istqarrija li ħarġu l-mexxejja fis-Samit tal-G20 ta' Londra kif ukoll l-istqarriji tagħhom dwar ‘It-tisħiħ tas-Sistema Finanzjarja’ u dwar ‘L-għoti ta' riżorsi permezz tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali’,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa mill-mexxejja fis-Samit tal-G20 f’Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-ekonomija dinjija qed tirkupra bil-mod iżda għadha għaddejja minn riċessjoni,

B.  billi l-konsegwenzi sħaħ tal-kriżi finanzjarja għall-ekonomija reali għadhom ma ġewx evalwati,

C. billi huma meħtieġa koordinazzjoni u koperazzjoni internazzjonali mill-qrib biex terġa' tinbena l-ekonomija dinjija b'mod li jerġa' jkun hemm il-fiduċja, it-tkabbir u l-impjiegi, u sabiex jiġi evitat li jkun hemm kriżijiet oħrajn,

D. billi r-reazzjoni għall-kriżi għandha twitti t-triq għal sistema finanzjarja u ekonomika iktar stabbli li tikkunsidra s-sostenibilità ambjentali u soċjali,

E.  billi n-nuqqas ta’ azzjoni jista’ jħajjar lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex ikomplu għaddejjin qisu qatt ma ġara xejn,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn kontinwu tal-Grupp ta’ Għoxrin għal soluzzjoni globali fir-rigward tal-kriżi; jenfasizza l-importanza li jerġa' jkun hemm il-fiduċja, it-tkabbir u l-impjiegi;

2.  Jemmen, madankollu, li l-ftehima milħuqa f’Pittsburgh mhijiex ambizzjuża biżżejjed; jiddeplora l-fatt li l-istqarrija tal-mexxejja ma tinkludi l-ebda deċiżjoni vinkolanti konkreta; jinsab imħasseb minħabba li n-nuqqas ta’ azzjoni jaf iwassal għal kriżijiet rikorrenti;

3.  Jinnota bi tħassib id-dejn pubbliku u d-defiċits baġitarji li qed jiżdiedu; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti finanzi pubbliċi sodi biex jiġi evitat li jiġi impost piż akbar fuq il-ġenerazzjonijiet futuri;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-wegħda tal-G20 li jinżamm spirtu miftuħ, jiġi miġġieled il-protezzjoniżmu u jitwettaq progress lejn tkabbir iktar sostenibbli u favur l-ambjent; iħeġġeġ lill-G20 biex jiżdiedu l-isforzi sabiex jingħalaq id-distakk fl-iżvilupp u jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn imtenni fir-rigward tal-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju u biex jinkisbu l-wegħdiet tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA);

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma tas-sehem tal-kwota tal-Fond Monetarju Internazzjonali; jemmen li l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jiġbru f’daqqa s-sehem tal-vot tagħhom u jkollhom rappreżentanza waħda fil-Fond Monetarju Internazzjonali;

6.  Jinnota li l-wegħda tal-G20 rigward superviżjoni kompleta tal-istituzzjonijiet u l-istrumenti kollha li huma sistematikament importanti; jemmen li hemm bżonn ta’ approċċ iktar ċentralizzat għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji sabiex jiġu evitati kriżijiet ulterjuri, u huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea teħtieġ awtorità superviżorja waħda;

7.  Jemmen fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat ix-xoljiment ordnat tal-istituzzjonijiet finanzjarji kumplessi u jiġi evitat il-‘kontaġju finanzjarju’; iħeġġeġ lill-G20 biex jieħu passi fuq l-impenji tiegħu rigward l-iżvilupp ta’ kulleġġi għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet, skambju ta’ informazzjoni u qafas legali għal intervent f’każ ta’ kriżi;

8.  Jiddeplora l-atitudni fejn 'qisu qatt ma ġara xejn'; jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi biex jiġu limitati l-eċċessi spekulattivi u biex jiġu rifurmati l-iskemi ta’ kumpens b’mod iktar sostenibbli, billi l-inċentivi jkunu marbuta mar-rendiment fit-tul; ifakkar fin-neċessità li jinagħlqu r-rifuġji fiskali u jappoġġja l-impenn tal-G20 f’dan ir-rigward;

9.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni il-ftehima biex jissaħħu l-istandards regolatorji prudenzjali; jisħaq li dawn il-miżuri jiġu introdotti b’mod rapidu iżda fl-istess ħin b’mod gradwali, sabiex is-self essenzjali jkompli permezz tal-irkupru;

10. Ifaħħar l-impenn tal-G20 biex tiġi konkluża l-konverġenza tal-istandards tal-kontabilità sa Ġunju 2011; iħeġġeġ lill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) u lill-Bord tal-Istandards tal-Kontabbiltà Finanzjarja (FASB) sabiex jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex jiġu istitwiti r-riformi neċessarji sabiex jinkiseb standard globali wieħed;

11. Jinnota li l-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea wettqet sforzi konsiderevoli sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jitkellmu b’vuċi waħda fil-G20; madankollu, jinnota li kien hemm differenzi sinifikanti fil-pożizzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE fis-samit tal-G20; jinsab konvint li l-Unjoni Ewropea għandha taqbel dwar pożizzjoni komuni fil-fora internazzjonali, b’mod partikulari fir-rigward tal-laqgħat tal-G20, u jinsisti li għandu jkun hemm rappreżentazzjoni waħda u koerenti tal-UE fin-negozjati internazzjonali;

12. Ifakkar li ftehima vinkolanti dwar il-bidla fil-klima fil-konferenza ta’ Kopenħagen hija ta’ importanza kruċjali;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-istati membri tal-G20 u lill-Fond Monetarju Internazzjonali.