MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà ta' informazzjoni fl-Italja
14.10.2009
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Manfred Weber, Simon Busuttil, Mario Mauro, Salvatore Iacolino, Roberta Angelilli, Clemente Mastella, Elisabetta Gardini, Sergio Paolo Francesco Silvestris f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0088/2009
B7‑0088/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà ta' informazzjoni fl-Italja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-obbligi Ewropej u internazzjonali marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, bħal dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, partikolarment il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;
A. billi l-affermazzjoni li l-libertà ta' informazzjoni qiegħda tiġi mkażbra fl-Italja toffendi l-Italja kollha kemm hi, iċ-ċittadini tagħha u l-miljuni ta' nies li jgħixu fiha u jagħmlu użu tal-libertà ta' espressjoni fil-ħajja ta' kuljum tagħhom bħall-ġurnalisti, l-istoriċi, il-filosfi, l-istudjużi, il-kittieba u l-għalliema,
B. billi l-assenza ta' libertà ta' informazzjoni hija tipika ta' dawk ir-realtajiet li fihom id-dittaturi u r-reġimi totalitarji jċaħħdu jew għadhom iċaħħdu lill-persuni drittijiethom u l-libertajiet fundamentali tagħhom,
C. billi l-Italja hija demokrazija parlamentari ta' vera, u wieħed mis-sitt pajjiżi fundaturi tal-Unjoni Ewropea,
D. billi fl-Italja l-libertà tal-istampa hija garantita mill-Karta Kostituzzjonali, li tistabbilixxi d-dritt sħiħ tal-manifestazzjoni ħielsa tal-ħsieb ta' dak li jkun,
E. billi fl-Italja teżisti pluralità ta' mezzi ta' informazzjoni ħielsa u indipendenti fosthom gazzetti, radju u televiżjoni – kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell reġjonali u lokali – li jgawdu mil-libertà sħiħa ta' informazzjoni u ta' espressjoni,
F. billi l-Parlament Ewropew għandu jkun post li fih jiġu diskussi u proposti modi li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja ta' kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,
G. billi proprju f'dawn l-aħħar jiem il-President tar-Repubblika Taljana, l-E.T. Giorgio Napolitano, afferma – fl-okkażjoni ta' laqgħa apposta mal-Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja – li l-Parlament Ewropew "ma jistax ikun xorta ta' istanza ta' appell fir-rigward ta' deċiżjonijiet tal-parlamenti nazzjonali u ta' politiki tal-gvernijiet nazzjonali" u għal kwistjonijiet bħal dawn jeżistu sedi xierqa,
H. billi r-rikors għall-awtoritajiet ġudizzjarji hija għażla li jista' jagħmel kulħadd f'każ ta' allegata diffamazzjoni billi dan id-dritt huwa rikonoxxut mil-liġi Taljana lil kull ċittadin, li fil-passat dan id-dritt ġie eżerċitat ukoll minn mexxejja politiċi ta' kull kulur politiku u li l-użu ta' dritt fl-ebda każ ma jista' jitqies bħala att ta' intimidazzjoni,
1. Jiddikjara li l-libertà tal-istampa u ta' informazzjoni hija valur li hu stabbilit fl-ambitu tal-ħajja ta' kuljum ta' kull ċittadin Taljan;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlament tal-Istati Membri.