MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà tal-informazzjoni fl-Italja
14.10.2009
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Timothy Kirkhope f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0088/2009
B7‑0089/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà ta' informazzjoni fl-Italja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali u dawk Ewropej marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, bħal dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u fl-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-allegazzjoni li l-libertà tal-informazzjoni qiegħda tiġi mċaħħda fl-Italja toffendi lill-pajjiż kollu, liċ-ċittadini tiegħu u lill-miljuni ta' nies li jgħixu fih u li jagħmlu użu mil-libertà tal-espressjoni fil-ħajja ta' kuljum, inklużi l-ġurnalisti, l-istoriċi, il-filosofi, l-istudjużi, il-kittieba u l-għalliema, u billi dan joffendi wkoll lis-sens komun,
B. billi n-nuqqas ta' libertà tal-informazzjoni hija tipika ta' dawk il-pajjiżi li fihom id-dittaturi u r-reġimi totalitarji ċaħħdu jew għadhom iċaħħdu lill-persuni mid-drittijiethom u l-libertajiet fundamentali tagħhom,
C. billi l-libertà tal-istampa fl-Italja hija żgurata mill-Artikolu 21 tal-Kostituzzjoni Taljana, li tistabbilixxi d-dritt li wieħed jesprimi l-ħsibijiet tiegħu bil-libertà kollha,
D. billi fl-Italja hemm varjetà kbira ta' midja tal-mass pubblika u privata, li tinkludi l-ġurnali u l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni, li huma iżjed numerużi minn dawk li hemm f'diversi Stati Membri tal-UE u li jgawdu bis-sħiħ mil-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni,
E. billi t-tiftixa ta' rimedju legali f'każ ta' allegazzjoni ta' malafama - possibilità li diġà ntużat minn mexxejja politiċi ta' affiljazzjoni politika differenti - huwa dritt li jinsab fil-liġi Taljana u li jingħata lil kull ċittadin, u billi l-eżerċitar ta' dan id-dritt ma jista' bl-ebda mod jitqies bħala azzjoni ta' intimidazzjoni,
1. Jiddikjara li l-libertà tal-informazzjoni u tal-istampa hija valur li hu stabbilit bil-qawwi fil-ħajja ta' kuljum ta' kull ċittadin Taljan, u li m'huwa mhedded bl-ebda mod,
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.