Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0090/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0090/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà tal-informazzjoni fl-Italja

14.10.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda, Indrek Tarand f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0090/2009

Proċedura : 2009/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0090/2009
Testi mressqa :
B7-0090/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0090/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-informazzjoni fl-Italja

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar ir-rispett, il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali,

  

- wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artiklu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jittrattaw il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif ukoll il-pluraliżmu fix-xandir,

 

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni[1],

 

- wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni intitolat 'Il-Pluraliżmu fix-Xandir fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea' (SEC(2007)0032),

 

- wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-istudju indipendenti tal-UCL-ICRI dwar l-indikaturi tal-pluraliżmu fix-xandir magħmul għall-Kummissjoni f'April 2009,

 

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tax-xandir fl-Unjoni Ewropea,

 

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar ir-riskji tal-ksur tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali fl-Italja[2],

- wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,

A. billi l-Unjoni Ewropea tiddefendi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ipprovduti mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, fejn il-libertà u l-pluraliżmu fix-xandir jitqiesu bħala aspett essenzjali ta' dawk il-libertajiet,

B.  billi dawn il-libertajiet jinkludu l-libertà tal-opinjoni u l-libertà li l-informazzjoni tasal u titwassal mingħajr indħil jew pressjoni mill-awtoritajiet,

C. billi fl-Italja, l-iżjed f'dawn l-aħħar xhur, qam tħassib dwar ir-rispett lejn dan id-dritt, b'mod speċjali minħabba l-pressjoni magħmula u l-azzjoni legali meħuda mill-Prim Ministru, is-Sur Berlusconi, kontra wħud mill-ġurnali ewlenin Taljani u kontra diversi ġurnali Ewropej wara l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwaru;

D. billi l-indħil u l-pressjoni mill-awtoritajiet Taljani ġiet innotata bl-istess mod fir-rigward tax-xandir televiżiv Statali Taljan u b'mod speċjali fil-programmi tiegħu;

E.  billi f'dawn l-aħħar snin, wara li s-Sur Berlusconi ħeġġeġ diversi kumpaniji biex ma jirreklamawx f'ġurnali li huma ostili lejn il-pożizzjonijiet tiegħu, bosta minn dawn il-kumpaniji ttrasferew ħafna mir-reklamar tagħhom mix-xandir stampat u mit-televiżjoni pubbliku għall-Mediaset (kumpanija kkontrollata mis-Sur Berlusconi),

F.  billi l-Prim Ministru qiegħed jiġi akkużat li fir-rebbiegħa 2009 influwenza bil-qawwi l-ħatriet ta' karigi ewlenin fil-kumpanija televiżiva Statali RAI,

G. billi fis-sajf li għadda, it-taqlib politiku li kien jirrigwarda l-ħajja privata tas-Sur Berlusconi ftit li xejn kien ġie rrapportat fuq l-istazzjonijiet tar-RAI, u billi s-Sur Berlusconi kien mistieden darbtejn biex jieħu sehem f'xandira diretta waħdu u mingħajr ebda avversarju;

H. billi f'Settembru 2009 l-Gvern Taljan ċaħad il-protezzjoni legali lill-programm investigattiv tal-aħbarijiet l-iżjed importanti (Report) u indika r-rieda tiegħu li jibda proċeduri legali kontra diversi programmi tar-RAI b'akkużi ta' malafama;

I.   billi r-RAI beda jikkripta x-xandir tiegħu fuq is-satellita Taljana bi ħlas, pass li kkaġuna telf finanzjarju serju lir-RAI u ta vantaġġ lill-Mediaset f'dak li għandu x'jaqsam mad-dħul mir-reklamar,

J.   billi din il-pressjoni u s-sitwazzjoni li rriżultat minnha qajmu protesti fl-Italja u fl-Ewropa minn rappreżentanti tal-ħajja kulturali, mill-istampa u minn mezzi tax-xandir oħrajn, kif ukoll mix-xena politika, fejn kien hemm appelli pubbliċi kontra l-intimidazzjoni tax-xandir, li involvew, fost oħrajn, l-assoċjazzjoni 'Articolo 21' u tliet kostituzzjonalisti Taljani prominenti, li l-appell tagħhom diġà ġabar iżjed minn 445 000 firma fl-Italja u fl-Ewropa, li inkludew figuri politiċi u kulturali magħrufin fl-Ewropa,

K. billi, bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għal kjarifika dwar il-politika dwar l-ażil tal-Gvern Taljan, il-Prim Ministru Taljan iddikjara li kien ippropona lill-Kunsill Ewropew li l-President tal-Kummissjoni għandu jkun l-uniku membru tal-Kummissjoni li jkun awtorizzat ixandar informazzjoni dwar l-inizjattivi tal-Istituzzjoni, u hedded li jwaqqaf il-ħidma tal-Kunsill jekk il-proposta tiegħu ma tkunx segwita - u b'hekk ipprovoka stqarrija uffiċjali ta' reazzjoni mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Istampa,

L.  billi r-Rappreżentant tal-OSCE dwar il-Libertà tax-Xandir, Miklós Haraszti, fl-20 ta' Settembru 2009 bagħat ittra lill-Prim Ministru Taljan biex jistiednu jwaqqa' l-kawżi ta' libell li qed jitolbu €3 miljuni f'danni mingħand il-ġurnali Taljani,

M. billi, kif diġà irrimarka f'riżoluzzjonijiet tiegħu oħrajn, l-iżjed leġiżlazzjoni Taljana riċenti għadha ma solvietx il-kwistjoni tal-kunflitt ta' interess, li hija li l-Prim Ministru għadu jikkontrolla l-kumpanija Mediaset u għandu kontroll politiku fuq is-settur tas-servizzi pubbliċi f'sitwazzjoni fejn il-livell ta' konċentrazzjoni fis-suq tat-televiżjoni hija l-ogħla waħda fl-Ewropa u d-duwopolju RAI-Mediaset għandu kważi 90% tal-udjenza televiżiva kollha, u b'hekk jiġbor 96.8% tad-dħul mir-reklamar,

N. billi l-Italja ġiet ikklassifikata fit-73 post fir-rapport dwar il-libertà tal-istampa maħruġ mill-Freedom House u ġiet deskritta għall-ewwel darba bħala pajjiż fejn l-istampa hija 'parzjalment libera' biss,

O. billi l-Kunsill għandu għodda - jiġifieri l-proċedura tal-Artikolu 7 - li permezz tagħha Stat Membru jista' jiġi mwissi u kkastigat minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u billi jista' jkun żgurat li l-Istati Membri jikkonformaw mar-regoli komuni tal-Unjoni,

P.  billi, minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu, il-Kummissjoni m'għamlet l-ebda dispożizzjoni biex tħares il-pluraliżmu tal-informazzjoni fil-kuntest tar-riviżjoni tad-Direttiva 'Televiżjoni Bla Fruntieri', u minflok impenjat ruħha li ssegwi proċedura ta' tliet stadji f'dan il-qasam, li biha għandha tfassal dokument ta' ħidma (adottat fl-2007), tfassal indikaturi biex tiddefinixxi l-istat tal-pluraliżmu (kif stabbilit minn studju indipendenti li tlesta f'Lulju 2009) u toħroġ abbozz ta' komunikazzjoni rigward dawn l-indikaturi (skedat għall-2010 biss),

Q. wara li kkunsidra t-talbiet ripetuti tiegħu lill-Kummissjoni, f'diversi riżoluzzjonijiet, biex tieħu azzjoni ħalli tħares il-pluraliżmu, biex toħroġ komunikazzjoni urġenti dwar il-protezzjoni tal-pluraliżmu tax-xandir fl-Istati Membri u biex tlesti l-qafas regolatorju bħala kwistjoni ta' urġenza billi tressaq proposta għal direttiva dwar din il-kwistjoni,

1.  Jikkundanna l-pressjoni u l-intimidazzjoni li għaddew minnhom il-ġurnali Taljani u Ewropej minħabba l-awtoritajiet Taljani; jappoġġja t-talba li għamel ir-Rappreżentant tal-OSCE lill-awtoritajiet Taljani biex iwaqqfu dawn l-azzjonijiet minnufih, u jqis kull interferenza fil-libertà tal-informazzjoni maħsuba biex timmanipula x-xandir tal-Istat bħala abbuż ta' poter;

2.  Iqis li jeħtieġ li tiġi ttrattata l-anomalija ppreżentata mill-kunflitt ta' interessi speċifiku bejn il-poter politiku, il-poter ekonomiku u tax-xandir u l-konċentrazzjoni tal-kontroll, kemm dirett u kemm indirett, tax-xandir tal-informazzjoni tal-Istat u privat, u jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li fl-Istati Membri kollha x-xandir pubbliku jkun indipendenti u ħieles minn kull interferenza;

3.  Iqis li d-diverġenza bejn il-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-konċentrazzjoni tax-xandir tista' xxekkel it-tħaddim tas-suq intern u b'mod partikulari l-moviment ħieles tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, u jesprimi l-approvazzjoni tiegħu għal kull inizjattiva maħsuba biex tmexxi 'l quddiem il-konverġenza ta' dawn ir-regoli nazzjonali;

4.  Iqis li implikazzjonijiet tal-eżempju Taljan imorru ferm lil hinn mill-Italja u li n-nuqqas ta' reazzjoni Ewropea jista' jhedded wieħed mill-pedamenti tad-demokrazija, jipperikola l-progress li sar fil-pajjiżi li qabel kienu parti mill-blokk tal-Lvant u li issa qegħdin fl-UE u jdgħajjef kwalunkwe kundanna Ewropea, fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni, dwar ċensura jew intimidazzjoni tal-istampa,

5.  Iqis li l-libertà li l-informazzjoni tasal u titwassal bla interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi huwa prinċipju fundamentali li hija bbażata fuq l-Unjoni Ewropea u element essenzjali tad-demokrazija, bħalma huma l-pluraliżmu tax-xandir tal-informazzjoni, it-tnejn li huma miġbura fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jenfasizza li - f'każi fejn l-Istati Membri ma jiħdux il-miżuri meħtieġa - l-Unjoni għandha l-obbligu politiku u legali li tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha - fl-oqsma ta' kompetenza tagħha - ir-rispett lejn dawn id-drittijiet;

6.  Jafferma, f'dan il-kuntest, li l-qafas leġiżlattiv tal-UE fil-qasam tax-xandir tal-informazzjoni għadu frammentat u li għalhekk jeħtieġ b'mod urġenti li l-UE tuża s-setgħat tagħha fir-rigward tax-xandir awdjoviżiv, tal-kompetizzjoni, tat-telekomunikazzjonijiet, tal-għajnuna Statali, tal-obbligi tas-servizzi pubbliċi u tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini sabiex almenu tiddefinixxi l-istandards minimi ewlenin li l-Istati Membri huma mistennija josservaw bil-għan li jiżguraw, jipproteġu u jippromwovu l-libertà tal-informazzjoni kif ukoll livell xieraq ta' pluraliżmu;

7.  Jistieden lill-Kunsill biex jibda l-proċedura skont l-Artikolu 7 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea li permezz tagħha Stat Membru jista' jiġi mwissi jew ikkastigat minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'mod partikulari, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex tfassal proposta għal direttiva dwar il-konċentrazzjoni tax-xandir u dwar il-ħarsien tal-pluraliżmu, wara li tkun iddefiniet, f'komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni, indikaturi xierqa biex jiġu identifikati livelli ta' pluraliżmu fix-xandir tal-informazzjoni - xi ħaġa li diġà ntalbet bosta drabi u li l-Kummissjoni stess diġà ħabbret;

9.  Jistieden lill-Italja biex tissodisfa l-impenji tagħha fir-rigward tal-Proċeduri Speċjali tan-NU u biex tikkopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà tal-Opinjoni u tal-Espressjoni, billi tħallih iżur l-Italja;

10. Jitlob lill-kumitat responsabbli biex isegwi din il-kwistjoni;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.