MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà ta' informazzjoni fl-Italja
14.10.2009
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fiorello Provera, Francesco Enrico Speroni, Mara Bizzotto, Mario Borghezio, Lorenzo Fontana, Claudio Morganti, Oreste Rossi, Matteo Salvini, Giancarlo Scottà f'isem il-Grupp EFD
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0088/2009
B7‑0091/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà ta' informazzjoni fl-Italja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 11 tal-Karta Fundamentali tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,
A. billi l-eżistenza ta' midja ħielsa u pluralista hija kundizzjoni indispensabbli tar-rispett totali għad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni u billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istati Membri għandhom l-obbligu esklussiv li jippreservaw il-pluraliżmu tal-midja,
B. billi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija fost l-għanijiet prijoritarji tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat UE, u billi l-Parlament Ewropew qatt ma talab li "jikkonstata li hemm riskju ċar ta' ksur serju" mill-Italja tal-"prinċipji tal-libertà, demokrazija u rispett lejn id-drittijiet tal-bnidem u l-libertajiet fundamentali",
C. billi fl-Italja l-libertà tal-istampa hija garantita mill-Karta Kostituzzjonali, li tistabbilixxi d-dritt sħiħ tal-manifestazzjoni ħielsa tal-ħsieb ta' dak li jkun,
D. billi, skont id-data tal-Osservatorju indipendenti ta' Pavia dwar il-midja matul ix-xahar ta' Ġunju 2009, iż-żmien ta' xandir riservat għal rappreżentanti tal-partiti tal-oppożizzjoni kien 60 % fuq l-aħbarijiet televiżivi tar-RAI u 49 % fuq l-aħbarijiet televiżivi tal-Grupp Mediaset,
E. billi minn 455 sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ksur tal-Artikolu 10 dwar il-libertà ta' espressjoni, 29 sentenza rrigwardaw lil Franza, 28 ir-Renju Unit, 15 il-Greċja, 10 r-Rumanija, tmienja l-Polonja u sebgħa l-Italja,
1. Iqis li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropew huma kapaċi li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali li ntrabtu li jiggarantixxu fil-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-komunità tad-dritt stabbilita mill-Unjoni Ewropea;
2. Jilqa' b'sodisfazzjoni d-dibattitu ta' ideat u tad-dibattitu politiku mqanqal ferm li għaddejjin bħalissa fl-Italja dwar il-pluraliżmu tal-midja u li jikkonċerna l-mezzi kollha ta' informazzjoni: stampa, televiżjoni analoġika u diġitali, radju u internet;
3. Jieħu nota tal-eżistenza ta' pluralità ta' atturi fis-settur tal-midja Taljana u jinnota li għad iridu jiġu vverifikati pożizzjonijiet dominanti potenzjali; jixtieq li ssir liberalizzazzjoni vera tas-swieq tar-reklamar u tad-distribuzzjoni; iqis li l-kumpaniji awdjoviżivi pubbliċi jmisshom huma wkoll ikunu suġġetti għall-kontroll previst mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni ħielsa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li, fl-Istati Membri kollha, ir-radju u t-televiżjoni pubbliċi jkunu totalment indipendenti u li joperaw skont regoli tas-suq, f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta mal-atturi l-oħra;
4. Jenfasizza li r-radju u t-televiżjoni huma kumplessi u jinsabu f'evoluzzjoni kontinwa, u li dawn is-servizzi huma strutturati b'mod differenti minn Stat Membru għall-ieħor, skont it-tradizzjonijiet kulturali u tas-sitwazzjoni ġeografika; jensafizza r-rwol li tiżvolġi l-midja lokali u reġjonali fl-Italja fil-promozzjoni tal-pluraliżmu tas-sorsi ta' informazzjoni u fis-salvagwardja tad-diversità tal-lingwi u tal-kulturi reġjonali; jitlob lill-Istati Membri kollha biex jippromwovu r-rispett tat-tradizzjonijiet lokali u tad-djaletti fil-midja kollha;
5. Jenfasizza li l-aħħar żviluppi teknoloġiċi fetħu s-settur tal-komunikazzjoni għal atturi ġodda permezz tal-internet, tad-diġitali, tas-satellita, tal-kejbil u ta' teknoloġiji oħra, u li, għalhekk, m'hemm l-ebda monopolju tal-informazzjoni fl-Italja; iqis li l-midja diġitali hija, minħabba n-natura tagħha, kapaċi tiżgura għażla usa' u parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini, u li l-iżvilupp tal-blogosfera ffavorixxa l-libertà ta' espressjoni u l-pluraliżmu;
6. Jesprimi l-fiduċja totali tiegħu fil-ħidma tal-Kumitat Parlamentari ta' Viġilanza tas-Servizzi tax-Xandir (Kumitat Parlamentali ta' gwida u viġilanza tas-servizzi radjoteleviżivi) tal-Parlament Taljan li fi ħdanu l-partiti politiċi kollha huma rappreżentati;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u ta' pajjiżi li qed jissieħbu.