Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0092/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0092/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà tal-informazzjoni fl-Italja

14.10.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Lothar Bisky, Rui Tavares, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Cornelis de Jong, Eva-Britt Svensson, Nikolaos Chountisf'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0090/2009

Proċedura : 2009/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0092/2009
Testi mressqa :
B7-0092/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0092/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-informazzjoni fl-Italja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jittrattaw il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif ukoll il-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu fil-mezzi tal-informazzjoni fl-Istati Membri tal-UE (SEC(2007)0032),

–   wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-istudju indipendenti dwar l-indikaturi tal-pluraliżmu tal-midja mfassal mill-UCL-ICRI għall-Kummissjoni f'April 2009,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-midja fl-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar ir-riskji tal-ksur tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali fl-Italja[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-konċentrazzjoni ta’ ħafna midja f’idejn persuna waħda tmur kontra l-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-espressjoni,

B.  billi l-Unjoni Ewropea tiddefendi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif previst fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, fejn il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja meqjusa aspett essenzjali,

C. billi dawn il-libertajiet jinkludu l-libertà tal-opinjoni u l-libertà li l-informazzjoni tasal u titwassal mingħajr indħil jew pressjoni mill-awtoritajiet,

D. billi fl-Italja, b’mod partikulari f'dawn l-aħħar xhur, qam tħassib dwar ir-rispett ta’ dan id-dritt, b'mod speċjali fir-rigward tal-pressjoni magħmula mill-Prim Ministru u l-azzjoni legali li ħa kontra wħud mill-ġurnali ewlenin Taljani u kontra xi ġurnali Ewropej,

E.  billi ġew innotati wkoll indħil u pressjoni qawwija mill-awtoritajiet governattivi Taljani b’rabta max-xandir televiżiv Statali Taljan u b'mod speċjali intimidazzjoni fil-livell ta’ programmazzjoni,

F.  billi din il-pressjoni u s-sitwazzjoni li rriżultat minnha kkawżaw protesti fl-Italja u fl-Ewropa minn rappreżentanti tal-ħajja kulturali, l-istampa u midja oħrajn, kif ukoll fix-xena politika, fejn kien hemm appelli pubbliċi kontra l-intimidazzjoni tal-midja (u nġabru iżjed minn 400,000 firma fl-Italja u fl-Ewropa) u wasslu għal demonstazzjoni tal-massa b’mijiet ta’ eluf ta’ nies fit-3 ta’ Ottubdu 2009,

G. billi r-Rappreżentant tal-OSCE dwar il-Libertà tal-Midja, Miklós Haraszti, fl-20 ta' Settembru 2009, bagħat ittra lill-Prim Ministru Taljan fejn stiednu biex iwaqqa' l-kawżi ta' libell fejn qed jitlob €3 miljuni f'danni mingħand il-ġurnali Taljani,

H. billi, kif diġà ġie nnutat f’riżoluzzjonijiet oħrajn tal-Parlament, il-leġiżlazzjoni Taljana l-iżjed riċenti għadha ma solvietx il-problema fil-qalba tal-kunflitt ta' interessi, jiġifieri l-fatt li l-Prim Ministru għadu jikkontrolla l-kumpanija Mediaset u għandu kontroll politiku fuq is-settur tas-servizzi pubbliċi f'sitwazzjoni fejn il-livell ta' konċentrazzjoni fis-suq tat-televiżjoni hija l-ogħla waħda fl-Ewropa u d-duwopolju RAI-Mediaset għandu kważi 90% tal-udjenza televiżiva kollha, u b'hekk jiġbor 96.8% tad-dħul mir-reklamar,

I.   billi l-Italja ġiet ikklassifikata fit-73 post fir-rapport dwar il-libertà tal-istampa maħruġ mill-Freedom House u ġiet deskritta għall-ewwel darba bħala pajjiż fejn l-istampa hija 'parzjalment libera' biss,

J.   billi l-Kunsill għandu għodda li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jiġu mwissija minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

K. billi, minkejja t-talbiet ripetuti mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni m'għamlet l-ebda dispożizzjoni biex jitħares il-pluraliżmu tal-informazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva 'Televiżjoni Bla Fruntieri', u minflok impenjat ruħha li ssegwi proċedura ta' tliet stadji f'dan il-qasam, fejn tfassal dokument ta' ħidma (adottat fl-2007), tistabbilixxi indikaturi biex jiġi definit l-istat tal-pluraliżmu (kif stabbilit minn studju indipendenti li tlesta f'Lulju 2009) u toħroġ abbozz ta' komunikazzjoni rigward dawn l-indikaturi (li mhux ipprogrammat li joħroġ qabel l-2010),

L.  wara li kkunsidra t-talbiet ripetuti, f'diversi riżoluzzjonijiet, tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni sabiex jitħares il-pluraliżmu, biex toħroġ komunikazzjoni urġenti dwar il-protezzjoni tal-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri u biex tlesti l-qafas regolatorju bħala kwistjoni ta' urġenza billi tippreżenta proposta għal direttiva dwar din il-kwistjoni,

1.  Jiddeplora l-pressjoni u l-intimidazzjoni magħmula fuq il-ġurnali Taljani u Ewropej mill-awtoritajiet governattivi Taljani, japprova t-talba tar-Rappreżentant tal-OSCE lill-awtoritajiet Taljani biex iwaqqfu dawn l-azzjonijiet minnufih u jqis kwalunkwe interferenza fil-libertà tal-informazzjoni maħsuba biex timmanipula x-xandir tal-Istat bħala abbuż;

2.  Iqis li jeħtieġ li tiġi indirizzata l-anomalija ppreżentata mill-kunflitt ta' interessi speċifiku bejn il-poter politiku, il-poter ekonomiku u dak tal-midja u l-konċentrazzjoni tal-kontroll, kemm dirett u kemm indirett, tal-mezzi tal-informazzjoni Statali u privati;

3.  Iqis li l-eżempju Taljan għandu konsegwenzi li jmorru ferm lil hinn mill-Italja u li n-nuqqas ta' reazzjoni Ewropea jista' jhedded wieħed mill-pedamenti tad-demokrazija u jdgħajjef kwalunkwe kundanna Ewropea, fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni, dwar ċensura jew intimidazzjoni tal-istampa;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Taljani u lill-UE biex jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-libertà li l-informazzjoni tasal u titwassal bla interferenza mill-awtoritajiet Statali kif ukoll il-pluraliżmu tal-informazzjoni; ifakkar lill-Gvern u lill-Parlament tal-Italja li dan huwa element essenzjali tad-demokrazija;

5.  Jafferma mill-ġdid, f'dan il-kuntest, li l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-mezzi ta’ informazzjoni għadu fframmentat u li għalhekk jeħtieġ b'mod urġenti li l-UE tuża s-setgħat tagħha fir-rigward tal-midja awdjoviżiva, il-kompetizzjoni, it-telekomunikazzjonijiet, l-għajnuna Statali, l-obbligi tas-servizzi pubbliċi u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini sabiex almenu jiġu definiti l-istandards minimi ewlenin li l-Istati Membri mistennija jirrispettaw bil-għan li jiġu żgurati, issalvagwardjati u promossi l-libertà tal-informazzjoni kif ukoll livell xieraq ta' pluraliżmu;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, kif talab bosta drabi l-Parlament Ewropew, tressaq proposta dwar il-konċentrazzjoni tal-midja u l-ħarsien tal-pluraliżmu kif ukoll l-appoġġ u l-indipendenza fir-rigward tal-midja ta’ servizz pubbliku;

7.  Jitlob li jinħoloq Osservatorju Ewropew dwar il-pluraliżmu tal-midja u tal-istampa fl-UE;

8.  Jitlob lill-kumitat responsabbli tiegħu biex isegwi din il-kwistjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.