MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà tal-informazzjoni u l-pluraliżmu fil-midja fl-Italja u fl-Unjoni Ewropea
14.10.2009
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Monika Flašíková Beňová, Claude Moraes, David-Maria Sassoli f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0090/2009
B7‑0093/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-informazzjoni u l-pluraliżmu fil-midja fl-Italja u fl-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
–– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, partikolarment l-artikoli tiegħu li għandhom x'jaqsmu mal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll l-Artikoli 22, 43, 49, 83, 87, 95 u 151 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artiklu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jittrattaw il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif ukoll id-dritt tal-pluraliżmu tal-midja,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni,
– - wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri tal-UE (SEC(2007)0032),
– wara li kkunsidra l-metodu fi tliet stadji dwar il-pluraliżmu tal-midja ddefinit mill-Kummissjoni, u l-istudju indipendenti li sar mill-Università Kattolika ta' Leuven – ICRI, is-Central European University – CMCS u l-Jönköping International Business School – l-MMTC, flimkien mal-kumpanija ta’ konsulenza Ernst & Young Belgium, f’isem il-Kummissjoni u finalizzat fl-2009,
– - wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-midja fl-Unjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar ir-riskji tal-ksur tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali fl-Italja[2],
– wara li kkunsidra id-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni u d-dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea tiggarantixxi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif hemm miġbur fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja huma prerekwiżit essenzjali,
B. billi dawn il-libertajiet jinkludu l-libertà tal-opinjoni u l-libertà li l-informazzjoni tasal u titwassal mingħajr indħil jew pressjoni mill-awtoritajiet,
C. billi fl-Italja, l-iżjed f'dawn l-aħħar xhur, kiber tħassib dwar ir-rispett lejn dawn id-drittijiet, b'mod partikulari minħabba l-pressjoni u l-libelli magħmula mill-Prim Ministru kontra diversi ġurnali Taljani u Ewropej wara l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwaru;
D. billi l-gvern interferixxa fis-servizz tax-xandir televiżiv pubbliku, b'mod partikulari fil-programmi,
E. billi din il-pressjoni u din l-interferenza kkawżaw protesti fl-Italja u fl-Ewropa minn persuni prominenti mis-settur kulturali, ġurnalistiku u tal-midja kif ukoll mid-dinja politika, li wasslu għal appelli pubbliċi kontra l-intimidazzjoni tal-midja, bħal dak immexxi 'l quddiem mill-assoċjazzjoni 'Articolo 21' u dawk imniedi minn tliet kostituzzjonalisti Taljani prominenti, li diġà ġabar iżjed minn 445 000 firma fl-Italja u fl-Ewropa, li inkludew dawk ta' personalitajiet kulturali u politiċi prominenti fl-Ewropa,
F. billi, bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għal kjarifika dwar ir-ripatrijazzjoni ta' immigranti lejn il-Libja mill-Gvern Taljan, il-Prim Ministru Taljan afferma li kien ser jipproponi - matul il-Kunsill Ewropew - li l-President tal-Kummissjoni biss għandu jkun responsabbli mit-tixrid ta' informazzjoni għall-Istituzzjoni, u hedded li jwaqqaf il-ħidma tal-Kunsill Ewropew jekk din ma ma tkunx aċċettata, u b'hekk ipprovoka stqarrija uffiċjali ta' protesta mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Istampa,
G. billi r-Rappreżentant tal-OSCE dwar il-Libertà tal-Midja, Miklós Haraszti, fl-20 ta' Settembru 2009 bagħat ittra lill-Prim Ministru Taljan biex jistiednu jirtira l-kawżi ta' libell u l-applikazzjoni għad-danni ta' €3 miljuni li saret kontra l-ġurnali Taljani,
H. billi, kif diġà afferma f'riżoluzzjonijiet tiegħu oħrajn, il-leġiżlazzjoni Taljana riċenti għadha ma solvietx il-kwistjoni tal-kunflitt ta' interess li rriżultat mill-fatt li l-Prim Ministru għadu - b'mod dirett jew indirett - jikkontrolla l-Grupp Mediaset u għandu kontroll politiku fuq is-servizzi pubbliċi, f'sitwazzjoni fejn il-livell ta' konċentrazzjoni fis-suq tat-televiżjoni hija l-ogħla wieħed fl-Ewropa u d-duwopolju RAI-Mediaset għandu kważi 90% tal-udjenza televiżiva kollha, u b'hekk jiġbor 96.8% tad-dħul mir-reklamar,
I. billi r-Rapport dwar il-Libertà tal-Istampa jirreġistra tliet Stati Membri tal-UE, inkluża l-Italja, bħala pajjiżi fejn l-istampa hija 'parzjalment libera' biss,
J. billi minkejja sejħiet ripetuti mill-Parlament għal direttiva dwar il-pluraliżmu tal-informazzjoni u l-konċentrazzjoni tal-midja, l-Kummissjoni ma nkludietx dawn il-kwistjonijiet fl-ambitu tar-reviżjoni tad-Direttiva ‘TV Mingħajr Fruntieri’, imma impenjat lilha nnifisha li tiddefinixxi pjan direzzjonali fi tliet stadji dwar din il-kwistjoni, li jikkonsisti fit-tfassil ta' dokument ta’ ħidma (maħruġ fl-2007), fid-definizzjoni ta’ indikaturi fuq il-livell tal-pluraliżmu (li jinsab fi studju indipendenti maħruġ f’Lulju 2009) u fi proposta għal komunikazzjoni dwar dawn l-indikaturi (mhux ippjanata qabel l-2010),
K. billi l-Kummissjoni ammettiet fis-sessjoni plenarja tat-8 ta' Ottubru 2009 li kellha toqgħod lura milli toħroġ proposta għal direttiva dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-midja minħabba nuqqas ta' rieda politika min-naħa tal-Istati Membri kollha,
L. billi minkejja l-esklużjoni tal-pluraliżmu mill-ambitu tagħha, id-Direttiva 'Televiżjoni Mingħajr Fruntieri' introduċiet id-dritt li l-ġurnalist ikollhom aċċess għal siltiet qosra u l-obbligu li titwaqqaf awtorità indipendenti għas-sorveljanza tal-midja f'kull Stat Membru, l-iżjed bis-saħħa tal-kontribut tal-Parlament Ewropew,
M. billi, kif ammettiet il-Kummissjoni fis-sessjoni plenarja, jistgħu jiġu identifikati diversi bażijiet legali li jippermettu sett ta' miżuri leġiżlattivi li jkabbru l-pluraliżmu fl-Unjoni Ewropea u li jevitaw il-konċentrazzjoni tal-midja,
N. billi l-Parlament stieden ripetutament lill-Kummissjoni, f’diversi riżoluzzjonijiet, biex tippromwovi azzjonijiet li jiggrantixxu l-pluraliżmu u li jindirizzaw il-problema tal-konċentrazzjoni tal-midja, biex toħroġ komunikazzjoni b’mod urġenti dwar il-protezzjoni tal-pluraliżmu tal-midja u dwar il-konċentrazzjoni tal-midja fl-Istati Membri, u biex tissupplimenta l-qafas regolatorju bi proposta għal direttiva dwar l-istess kwistjonijiet ibbażata fuq il-bażi legali li jipprovdu b’mod ċar it-Trattati,
1. Jikkundanna l-pressjoni u l-kważi ta' libell li saru kontra l-ġurnali Taljani u Ewropej mill-awtoritajiet pubbliċi Taljani; jappoġġja t-talba li għamel ir-Rappreżentant tal-OSCE lill-awtoritajiet Taljani biex jirtiraw dawn l-azzjonijiet minnufih, u jqis kull interferenza fil-libertà tal-informazzjoni maħsuba biex timmanipula x-xandir tal-Istat bħala azzjoni mhux ġustifikabbli;
2. Iqis li jeħtieġ li tiġi ttrattata l-anomalija ppreżentata mill-kunflitt ta' interessi speċjali bejn il-poter politiku, il-poter ekonomiku u l-poter tal-midja u mill-konċentrazzjoni tal-kontroll dirett jew indirett fuq il-midja pubblika u privata, u jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-operaturi pubbliċi jkunu indipendenti u ħielsa minn kull interferenza;
3. Huwa konvint li l-libertà li l-informazzjoni tasal u titwassal bla interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi huwa prinċipju fundamentali li hija bbażata fuq l-Unjoni Ewropea u element essenzjali tad-demokrazija, bħalma huwa l-pluraliżmu tal-midja, it-tnejn li huma miġbura fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jtenni li - f'każi fejn l-Istati Membri ma jiħdux il-miżuri meħtieġa - l-Unjoni għandha l-obbligu politiku u legali li tiżgura liċ-ċittadini tagħha - fl-oqsma ta' kompetenza tagħha - ir-rispett lejn dawn id-drittijiet;
4. Jafferma mill-ġdid li l-qafas leġiżlattiv tal-UE fir-rigward tal-pluraliżmu tal-midja u tal-konċentrazzjoni tal-midja għadu mhux adegwat, u li għalhekk hemm ħtieġa urġenti li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni billi tuża s-setgħat Komunitarji eżistenti fl-oqsma tas-suq intern, tal-politika awdjoviżiva, tal-kompetizzjoni, tat-telekomunikazzjonijiet, tas-sussidji Statali, tal-obbligi tas-servizz pubbliku u tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, sabiex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet essenzjali minimi li jridu jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha jekk iridu jiżguraw, jiggrantixxu u jippromwovu l-libertà tal-informazzjoni u livell adegwat ta’ pluraliżmu fil-midja;
5. F'dan ir-rigward, jikkundanna n-nuqqas ta' rieda politika tal-Istati Membri u n-nuqqas ta' azzjoni mill-Kummissjoni bħala l-magna politika tal-Unjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal minnufih proposta għal direttiva dwar il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni tal-midja, kif diġà ntalab bosta drabi mill-Parlament Ewropew u kif diġà tħabbar mill-Kummissjoni stess;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ minnufih komunikazzjoni ppjanata dwar il-pluraliżmu tal-midja; huwa sorpriż li l-Kummissjoni ma ssemmietx din il-komunikazzjoni matul id-dibattitu fil-plenarja, u jikkonferma r-rieda tiegħu li jieħu azzjoni permezz ta' rapport ta' inizjattiva proprja dwar il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni, wara li jirċievi din il-komunikazzjoni;
7. Jitlob lill-kumitati rilevanti biex isegwu l-kwistjoni u biex jgħarrfu lis-seduta plenarja dwar il-libertà ta’ informazzjoni, il-konċentrazzjoni tal-midja u l-pluraliżmu tal-midja;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2008)0459.
- [2] ĠU C 104 E, 20.4.2004, p.1026.