MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istat ta' progress tal-SIS II u l-VIS
19.10.2009
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Cornelia Ernst f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0108/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat ta' progress tal-SIS II u l-VIS
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-istat ta' progress tal-SIS II u l-VIS,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;
A. billi s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) kienet inħolqot bħala l-miżura ewlenija ta' kumpens fil-kuntest tal-moviment ħieles fit-territorju tal-istati tax-Schengen,
B. billi l-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern adotta sett ta' konklużjonijiet dwar l-orjentament il-ġdid tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II),
C. billi l-SIS hija bażi ta' data kbira li topera bħala sistema ta' informazzjoni konġunta, li tagħti aċċess lill-Istati Membri għal proċess awtomatiku ta' investigazzjoni biex ifittxu u jiksbu data dwar persuni u oġġetti,
D. billi l-awtoritajiet fl-Istati Membri għandhom aċċess għal data dwar persuni suġġetti għal projbizzjoni ta' dħul mill-ġdid, li hi konformi mad-direttiva proposta dwar ir-ritorn,
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-introduzzjoni ta' data bijometrika fil-VIS u fl-SIS II u dwar in-numru dejjem akbar ta' awtoritajiet li għandhom aċċess għal dawn is-sistemi bi skop li hu differenti minn dak li kien maħsub oriġinarjament, speċjalment dak ta' informazzjoni għall-pulizija;
2. Ma jaqbilx mat-tidħil fl-SIS attwali ta' informazzjoni li tikkonċerna l-oriġini razzjali, it-twemmin politiku jew reliġjuż jew twemmin ieħor, jew kwistjonijiet relatati mas-saħħa jew li huma ta' natura sesswali, u jikkundanna b'mod qawwi din is-sistema;
3. Ifakkar fil-ħtieġa ta' qafas legali koerenti għall-protezzjoni tad-data bbażat fuq l-ogħla standards u fil-ħtieġa li jiġi adottat strument legali dwar is-salvagwardji minimi fil-liġi proċedurali bħala prekundizzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn is-sistemi ġodda;
4. Jopponi r-rifjut tal-Kunsill li juża l-proċedura ta' kodeċiżjoni għall-miżuri ta' implimentazzjoni;
5. Jenfasizza li l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-awtoritajiet tal-viżi u tal-immigrazzjoni, il-Europol u l-Eurojust, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-vetturi u l-awtoritajiet tal-fruntieri u tad-dwana diġà għandhom aċċess għall-bażi ta' data tal-SIS biex iwettqu l-kompiti speċifiċi tagħhom;
6. Jitlob li l-Parlament jiġi infurmat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill mingħajr dewmien dwar il-passi futuri li għandhom jittieħdu;
7. Jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa fir-rigward tal-proċess ta' implimentazzjoni, u jitlob li jkun infurmat bħala koleġiżlatur;
8. Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jassoċjaw lill-Parlament fi kwalunkwe deċiżjoni relatata mal-iżvilupp tal-SIS II u l-VIS;
9. Jenfasizza li l-Parlament għandu jinżamm infurmat b'mod kostanti dwar l-istat ta' progress tal-bidu tat-tħaddim tal-SIS II u l-VIS;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti tiegħu biex jimmoniterja din il-kwistjoni mill-qrib u biex jipprepara riżoluzzjoni ta' segwitu għall-plenarja hekk kif żviluppi ġodda jitolbu hekk, u l-aktar tard wara t-tlestija tat-test 'Milestone 1';
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.