Proċedura : 2009/2697(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0109/2009

Testi mressqa :

B7-0109/2009

Dibattiti :

PV 21/10/2009 - 9
CRE 21/10/2009 - 9

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2009 - 8.6
PV 22/10/2009 - 8.9

Testi adottati :

P7_TA(2009)0058

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 184kWORD 126k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0095/2009
19.10.2009
PE428.717v01-00
 
B7-0109/2009

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet milll-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Samit li ġej bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku


Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit li ġej bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku  
B7‑0109/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar il-Laqgħa għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti, u tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar l-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra dak li rriżulta mis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fil-5 ta' April 2009 fi Praga,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta u r-rapport ta' progress adottati fit-tielet Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku tas-16 ta' Ottubru 2008, u d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fil-Laqgħa ta' Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi f'April 2009 fi Praga,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-ftehima internazzjonali prevista biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu,

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2009 dwar il-Laqgħa Għolja tal-G20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea tilqa’ l-attitudni koperattiva tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti fil-qasam internazzjonali u tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, li hija bażi fundamentali tal-politiki esterni tal-UE,

B.  billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom irwol strateġiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-isfidi ekonomiċi globali, peress li l-Prodott Gross Domestiku tagħhom jirrapreżenta aktar min-nofs tal-Prodott Gross Domestiku globali, u billi ż-żewġ imsieħba għandhom l-iktar sħubija bilaterali b’saħħitha tad-dinja fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment, li tkopri kważi 40% tal-kummerċ dinji,

C.  billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom interessi politiċi komuni u responsabilità maqsuma fl-arena politika globali għall-promozzjoni tal-paċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istabilità u għall-affrontar ta’ diversi perikoli u sfidi globali, bħall-proliferazzjoni nukleari, it-terroriżmu, il-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, il-qerda tal-faqar u l-ksib tal-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp oħra,

D.  billi hemm bżonn li l-ħidma tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku tkompli biex jintlaħaq l-għan ta’ suq trans-Atlantiku ġenwin u integrat sal-2015, li jekk jinkiseb ikun mezz ċentrali għat-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir u l-irkupru ekonomiċi,

E.  billi, barra minn hekk, hemm bzonn ta’ tmexxija konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex il-Ftehima ta’ Żvilupp ta’ Doha titlesta b’success,

F.  billi hu importanti li l-irwol ta' min jilleġiżla jiġi rifless kif dovut fil-proċess tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u li l-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew jitqiesu b’mod xieraq,

G.  billi l-UE u l-Istati Uniti se jkunu kkonfrontati minn konsum globali tal-energija li qed jikber u mir-rekwiżit li jiġu implimentati impenji globali għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima li għandu jkun hemm ftehim dwarhom f’Kopenħagen, u billi l-istandards u l-miżuri ġodda biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika m’għandhom la joħolqu xkiel ġdid għall-kummerċ trans-Atlantiku u lanqas inaqqsu s-sigurtà u s-sikurezza tal-materjal fissili,

H.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika malajr saret kriżi tal-impjiegi b’konsegwenzi soċjali serji, u billi l-imsieħba trans-Atlantiċi jaqsmu r-responsabilità biex tiġi affrontata d-dimensjoni soċjali tal-kriżi ekonomika,

I.  billi stħarriġ reċenti, bħal ‘Transatlantic Trends 2009’ tal-German Marshall Fund, juru appoġġ popolari bla preċedenti fost iċ-ċittadini tal-UE għall-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, li jipprovdi bażi għal rivitalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti,

Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti

1.  Itenni li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma l-aktar sħubija strateġika importanti għall-UE u jinsisti fuq l-importanza li l-UE u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti jintensifikaw id-djalogu, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni strateġiċi tagħhom meta jkunu qed jittrattaw l-isfidi globali u l-kunflitti reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara s-Samit, tippreżenta komunikazzjoni dwar sħubija strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti;

2.  Jikkunsidra li, waqt is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti, iż-żewġ imsieħba għandhom jieħdu rwol mexxej fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm koordinazzjoni dwar il-pakkett ta’ riforma tal-Istati Uniti għas-settur finanzjarju u r-riformi leġiżlattivi attwali tal-UE, inkluża l-istruttura ta’ sorveljanza finanzjarja u jistieden liż-żewġ imsieħba biex jintensifikaw il-koperazzjoni tagħhom għall-immodernizzar tal-Fond Monetarju Internazzjonali;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti biex tintlaħaq ftehima internazzjonali waqt il-Konferenza tal-Partijiet-15 f’Kopenħagen f’Diċembru 2009; iħeġġeġ lill-Presidenza tal-UE biex, waqt is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti, tfittex impenn ambizzjuż min-naħa tal-Istati Uniti u koperazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti fil-promozzjoni ta’ rabtiet bejn is-Sistema għall-Kummerċ tal-Emissjonijiet tal-UE u l-iskemi ta’ kummerċ reġjonali jew federali fl-Istati Uniti;

4.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex, waqt is-Samit li ġej, jiftehmu dwar sħubija trans-Atlantika msaħħa biex ikunu jistgħu jiġu ttrattati l-isfidi globali komuni, b’mod partikulari fir-rigward tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-bidla fil-klima, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-affrontar ta' pandemiji, u l-ksib tal-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp; jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma kkawżawx il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, imma qed jiġu affetwati b’mod sproporzjonat minnha;

5.  Jenfasizza l-importanza tan-NATO bħala l-bażi fundamentali tas-sigurtà trans-Atlantika; jikkunsidra li l-iżviluppi relevanti fi ħdan din l-istruttura usa’ tas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati fi djalogu mar-Russja u l-membri tal-OSCE li ma jagħmlux parti mill-UE, sabiex jiġġedded il-kunsens trans-Atlantiku dwar is-sigurtà;

6.  Jilqa’, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa u tal-Istati Uniti li jwettqu negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehima ġdida komprensiva u li torbot legalment biex tieħu post it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START), li jiskadi f'Diċembru 2009, u l-iffirmar tal-‘Fehim konġunt għal ftehima ta’ segwitu għal START-1' mill-Presidenti Barack Obama u Dmitri Medvedev f’Moska fis-6 ta’ Lulju 2009;

7.  Jilqa’ l-fatt li l-President tal-Istati Uniti ħabbar li se jmexxi 'l quddiem ir-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari; jistieden lill-Kunsill biex jikkontribwixxi b’mod pożittiv u proattiv għat-tħejjija tal-konferenza ta’ reviżjoni tat-Trattat ta’ Nonproliferazzjoni fl-2010, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u mar-Russja;

8.  Jenfasizza li l-inċertezzi dwar in-natura tal-programm nukleari Iranjan qed jipperikolaw is-sistema ta' nonproliferazzjoni u l-istabilità fir-reġjun u fid-dinja; jappoġġja l-objettiv li tinstab soluzzjoni nnegozjata mal-Iran, wara l-istrateġija doppja ta’ djalogu u sanzjonijiet, f'koordinazzjoni mal-membri l-oħra tal-Kunsill ta’ Sigurtà u l-Aġenzija għall-Enerġija Atomika Internazzjonali;

9.  Jinsab imħasseb dwar l-aħħar testijiet nukleari mwettqa mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u r-rifjut tagħha tar-Riżoluzzjoni 1887 tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU; jappoġġja, madankollu, l-approċċ ta’ djalogu bilaterali tal-Istati Uniti, fi ħdan il-qafas tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet biex il-peniżola tal-Korea tiġi denuklearizzata;

10. Itenni l-importanza li ż-żewġ imsieħba jippromwovu, fi spirtu ta’ fiduċja u ta' trasparenza, approċċi kkoordinati fil-politiki tagħhom fir-rigward tal-Iran, l-Iraq, l-Afganistan u l-Pakistan; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Uniti, lin-NATO u lin-Nazzjonijiet Uniti biex ifasslu kunċett strateġiku konġunt ġdid li jintegra b'mod komprensiv l-impenji internazzjonali, waqt li l-lill-ġirien kollha jintalbu biex jipparteċipaw f'dan l-isforz sabiex tinkiseb l-istabilità reġjonali;

11. Jikkunsidra li l-ewwel laqgħa li ospita l-President Obama fit-23 ta’ Settembru 2009 bejn il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-mexxej Palestinjan Mahmoud Abbas ma rnexxilhiex tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha; Jafferma mill-ġdid li s-suċċess tal-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani huwa wieħed mill-prijoritajiet l-iktar importanti tal-UE u tal-Istati Uniti u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jippromwovu b’mod konġunt intervent attiv mill-Kwartett fit-tfittxija ta’ interessi komuni bħala bażi għal soluzzjoni paċifika bil-għan li tinstab soluzzjoni ta’ żewġ stati bi stat Palestinjan indipendenti u vijabbli;

12. Jittama li fis-Samit iż-żewġ partijiet jaqblu li l-konklużjoni b’suċċess tar-Rawnd ta’ Doħa għandha tinkludi miżuri sabiex tiġi evitata l-volatilità tal-prezzijiet agrikoli u n-nuqqas tal-ikel; jisxtieden lill-mexxejja sabiex ma jinsewx l-għan aħħari tal-iżvilupp ta’ dan ir-rawnd u biex jonoraw l-impenn tagħhom li jonfqu 0.7% tal-Prodott Gross Domestiku tagħhom għall-koperazzjoni ta' żvilupp; jenfasizza l-bżonn li jiġu kkunsidrati r-riformi li dan l-aħħar saru lill-Politika Agrikola Komuni u jittama li jara aġġustamenti simili fl-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Farms (Farm Bill) tal-Istati Uniti; ifakkar l-żviluppi fir-rigward ta' kwistjonijiet fejn qabel kien jeżisti kunflitt, bħall-każ tal-ormoni fiċ-ċanga, il-klorur fit-tiġieġ u l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti prodotti ġenetikament modifikati; jinsab kunfidenti li, permezz ta' djalogu kontinwu, il-kwistjonijiet li jaffetwaw il-kummerċ reċiproku fil-prodotti agrikoli jistgħu jiġu indirizzati qabel ma jaslu quddiem l-entitajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

13. Jieħu nota tal-idea li jinħoloq Kunsill Trans-Atlantiku għall-Enerġija; jenfasizza b’mod qawwi li dan għandu jitratta biss l-aspetti ta’ din il-kwistjoni li huma relatati b’mod ċar mal-politika barranija u ta’ sigurtà u, fil-ġejjieni, għandu jkun integrat fil-Kunsill Politiku Trans-Atlantiku u li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku għandu jittratta mal-politika globali dwar l-enerġija;

14. Jiftakar li, fi ħdan il-qafas trans-Atlantiku tal-ftehima bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-assistenza legali, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, l-Artikolu 4 jipprevedi li jingħata aċċess għal data finanzjarja mmirata fuq talba, permezz ta’ awtoritajiet statali nazzjonali, u li dan jista’ jikkostitwixxi bażi legali aktar soda għat-trasferiment ta' data SWIFT minn dik tal-ftehima interim proposta; jinnota li ftehim ġdid, innegozjat bla ħsara għall-proċedura li għandha tiġi segwita taħt it-Trattat ta' Lisbona, se jkollu jinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u jiżgura l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009;

15. Jilqa’ l-estensjoni riċenti tal-programm għat-tneħħija tar-rekwiżit għal viża għal seba' Stati Membri oħra tal-UE; iħeġġeġ, madankollu, lill-Istati Uniti biex tneħħi r-reġim tal-viża għall-Istati Membri li fadal u biex titratta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea b’mod ugwali skont il-bażi ta’ reċiproċità sħiħa; jinsab mħasseb dwar l-introduzzjoni ppjanata ta' miżati amministrattivi għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet bis-Sistema Elettronika ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar liċ-ċittadini tal-UE u jitlob lill-Kummissjoni biex tittrattaha bħala kwistjoni prijoritarja mal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti;

16. Jistieden lill-Istati Uniti biex tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-ftehima fl-ewwel stadju dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti u tal-ftehima dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti; ifakkar kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti li jekk ma jirnexxilhomx jikkonkludu t-tieni stadju tal-ftehima, dan jista’ jwassal biex xi Stati Membri jikkanċellaw il-ftehima fl-ewwel stadju; jistieden lill-Istati Uniti biex tevita kwalunkwe miżuri li jaħdmu kontra l-koperazzjoni imsaħħa, bħal dawk dwar l-istazzjonijiet ta’ tiswija barranin, l-eżenzjonijiet mil-liġi dwar il-kompetizzjoni u ċ-ċittadinanza tat-trasport bl-ajru msemmija fil-Riżoluzzjoni Nru 915 tal-Kamra;

Il-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u t-tisħiħ tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

17. Jenfasizza li sħubija trans-Atlantika aktar mill-qrib fil-kuntest tat-tlestija ta’ suq trans-Atlantiku sal-2015, li jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq soċjali, hi strument vitali biex tissawwar il-globalizzazzjoni u biex jiġu affrontati l-kriżijiet ekonomiċi u soċjali globali; jirrimarka li ħafna mill-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u għall-investiment, li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku qed jintalab ineħħi, għandhom l-għeruq tagħhom f’attivitajiet konxji ta' korpi leġiżlattivi mmirati biex jintlaħqu objettivi soċjali, kulturali, ambjentali jew relatati mas-saħħa, u għaldaqstant ma jistgħux jitneħħew mingħajr att leġiżlattiv korrispondenti;

18. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjan direzzjonali ddettaljat tal-ostakoli eżistenti biex jintlaħaq dak l-objettiv; ifakkar fl-istudju li awtorizza u ffinanzja fil-baġit tal-2007 tiegħu; jistgħaġeb għaliex l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti għadu ma ġie rrilaxxat s’issa mill-Kummissjoni minkejja talbiet repetuti biex tagħmel dan; jistipula l-15 ta’ Novembru 2009 bħala d-data finali għall-pubblikazzjoni tagħhom;

19. Jikkunsidra li l-koperazzjoni trans-Atlantika dwar l-effiċjenza u t-teknoloġija tal-enerġija (inkluża l-enerġija ekoloġika) u dwar iż-żoni regolatorji tal-enerġija tista’ tiġi trattata fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku; jinsisti li l-koperazzjoni trans-Atlantika dwar is-sigurtà tal-enerġija għandha tikkostitwixxi waħda mill-kwistjonijiet ċentrali li għandhom jiġu indirizzati b'mod regolari fi ħdan il-Kunsill Politiku Trans-Atlantiku, li l-ħolqien tiegħu kien ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009;

20. Jemmen li l-koperazzjoni ekonomika trans-Atlantika għandha ssir iktar responsabbli, trasparenti u prevedibbli u li l-iskedi tal-laqgħat, l-aġendi, il-pjanijiet direzzjonali u r-rapporti dwar progress għandhom jiġu ppubblikati b'mod regolari u jitpoġġew immedjatament fuq websajt; jipproponi li jsir dibattitu annwali dwar il-progress li jkun sar fil-kwistjonijiet li jiġu diskussi fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, kif ukoll dwar l-istruttura tiegħu;

21. Jemmen, madankollu, li l-impatt fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-azzjonijiet meħuda mill-gvernijiet f’dan il-kuntest dwar kwistjonijiet bħall-istandards tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, l-ispeċifikazzjonijiet biometriċi, is-sigurtà tal-avjazzjoni, id-dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar u l-iskambji ta' informazzjoni dwar il-passiġġieri m'għandux jiġi traskurat mill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku;

L-irwol tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

22. Itenni mill-ġdid it-talba tieħu lill-mexxeja tal-UE u tal-Istati Uniti, kif ukoll lill-kopresidenti tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, biex iqisu l-irwol kruċjali tal-leġiżlaturi għas-suċċess tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku; iħeġġiġhom biex jinvolvu lir-rappreżentanti tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi b’mod sħiħ u dirett fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, peress li l-leġiżlaturi mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom jaqsmu ir-responsabilità għall-applikazzjoni u s-sorveljanza ta’ ħafna deċiżjonijiet tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku;

23. Jemmen li hu essenzjali li jkun żgurat li l-iktar membri xierqa tal-Kungress u tal-Parlament Ewropew jiddaħħlu fid-Djalogu tal-Leġiżlaturi u fil-proċess tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, sabiex tkun evitata leġiżlazzjoni b’impatt mhux maħsub fuq il-kummerċ u l-investiment trans-Atlantiku; jittama li l-ftehima l-ġdida tista’ tbiddel id-Djalogu attwali tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi f’assemblea interparlamentari trans-Atlantika, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009;

Il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji

24. Jenfasizza l-irwol tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex tkun promossa u żgurata reazzjoni regolatorja għall-kriżijiet li tkun koordinata bejn l-Istati Uniti u l-UE, b’mod partikulari fir-rigward ta' fondi alternattivi ta' investiment, l-infrastruttura tas-suq finanzjarju (speċjalment fir-rigward tas-swieq tal-istrumenti finanzjarji derivati kkummerċjalizzati barra l-borża), ir-rekwiżiti kappitali, il-pajjiżi li joffru rifuġju fiskali u r-riżoluzzjoni transkonfinali ta’ falliment; jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jeżamina l-koordinazzjoni tal-aħħjar prattika għall-politika ta' rimunerazzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jiżgura li r-rimunerazzjoni tkun ibbażata fuq riżultati fuq perjodu ta’ żmien twil, u b’hekk jitnaqqas l-espożizzjoni għar-riskji;

25. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jinsisti li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jqisu l-bidliet għad-direttivi tal-UE dwar ir-rekwiżiti kapitali meta jimplimentaw il-qafas ta' Basel II; jilqa’ l-proposta mill-Gvern tal-Istati Uniti biex jiġu rregolati l-istrumenti finanzjarji derivati kkummerċjalizzati barra l-borża u l-ħidma tagħha għal stabbiliment ċentrali ta’ rilaxx għal prodotti strutturati kumplessi, u jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jeżamina kif jista’ jippromwovi approċċ koordinat għat-trattament tal-klassijiet ta’ assi u l-ekwivalenza korporattiva, kif ukoll dik infrastrutturali;

26. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jiżgura li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jqisu r-regolament tal-UE dwar il-maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi meta jirregolaw mezzi ta’ dan it-tip, sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju;

27. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jindirizza l-kwistjoni ta’ istituzzjonijiet li jkunu kbar wisq biex ifallu u jappoġġja l-proposti tal-G20 għal pjanijiet ta’ kontinġenza ta’ “testment waqt il-ħajja” (“living will") għal istituzzjonijiet transkonfinali li jkunu ta’ importanza sistemika; jikkunsidra li l-istituzzjonijiet finanazjarji ta’ importanza sistemika jistgħu jkunu suġġetti għal rekwiżiti ta' żvelar iktar stretti bħal limitazzjonijiet fuq il-kunfidenzjalità kummerċjali, bl-istess mod li jistgħu jkunu kumpaniji dominanti skont il-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni;

28. Jappoġġja t-talba tal-G20 biex titħaffef il-konverġenza tal-istandards ta’ kontabilità; iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jistieden lill-Bord tal-Istandards tal-Kontabilità Finanzjarja u lill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità biex jiftehmu dwar sett uniku ta’ standards ta' kontabilità globali ta' kwalità għolja u biex ilestu l-proġett ta' konverġenza tagħhom sa Ġunju 2011; jenfasizza li l-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għandu jkompli bir-riformi ta’ governanza tiegħu;

29. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jinsisti li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jikkonformaw mal-pjan direzzjonali tagħhom meta jirrikjedu lill-utenti domestiċi tal-Istati Uniti biex japplikaw l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportaġġ Finanzjarju; ifakkar fit-talba tiegħu li, sakemm l-Istati Uniti ma tadottax l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportaġġ Finanzjarju, il-Kummissjoni għat-Titoli u l-Boroż tirrikonoxxi, kif stabbilit mill-Unjoni Ewropea u sakemm tittieħed deċiżjoni li tirrikjedi li l-utenti tal-Istati Uniti biex japplikaw dawn l-Istandards, li dawn l-Istandards huma ekwivalenti għall-prinċipja ta’ kontabilità ġeneralment aċċettati tal-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jippromwovi l-iżvilupp ta' tqassim skont kull pajjiż tar-rapportaġġ għall-gruppi multinazzjonali;

30. Jittama li l- Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jħeġġeġ bidliet fis-sorveljanza tal-assigurazzjoni fl-Istati Uniti li jippermettu lill-UE biex tirrikonoxxi li l-iskema ta’ sorveljanza tal-assigurazzjoni tal-Istati Uniti hi ekwivalenti taħt il-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva dwar Solvenza II; hu tal-fehma li l-inizjattiva biex jitwaqqaf Uffiċċju ta’ Assigurazzjoni Nazzjonali se ttejjeb il-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti; jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jiżgura li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jagħmlu progress dwar is-sorveljanza tal-assigurazzjoni fil-livell federali billi, jekk ikun hemm bżonn, jisseparaw it-taxxa u l-kwistjonijiet oħra mill-aspett ta’ sorveljanza pura;

31. Jilqa' l-espansjoni tal-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni u jaraha bħala pass promettenti li s-87 pajjiż kollha f’dan il-Forum qablu biex jadottaw l-istandard tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar il-qsim tal-informazzjoni fiskali; iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jiżgura li l-UE u l-Istati Uniti juru t-tmexxija globali komuni tagħhom billi jiżguraw li l-inċentivi meħtieġa, inklużi s-sanzjonijiet, ikunu ġew implimentati sa Marzu 2010, u biex, flimkien mal-partijiet kollha, jimplimentaw malajr programm ta’ reviżjoni bejn pari għall-evalwazzjoni tal-progress imma jqis li dan il-qafas irid jissaħħaħ biex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; jenfasizza li t-tgħarrif awtomatiku għandu jkun l-istandard fil-kwistjonijiet fiskali transnazzjonali kollha;

32. Jikkunsidra li r-responsabilità soċjali korporattiva tista’ titqies bħala mudell kummerċjali li jinvolvi l-awtoregolamentazzjoni; jemmen li l-iskambju tal-aħjar prattika fil-qasam tar-responsabilità soċjali korporattiva bejn l-Istati Uniti u l-UE se jkollu impatt sinifikanti fuq l-attitudni tal-intrapriżi lejn ir-responsabilità soċjali korporattiva u fuq l-involviment pożittiv tagħhom fi kwistjonijiet soċjali u ambjentali; jikkunsidra li l-koperazzjoni regolatorja għandha tikkunsidra t-tisħiħ tal-qafas regolatorju tal-UE rigward id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, b’mod partikulari l-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji;

Il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u l-proprjetà intellettwali

33. Jitlob biex il-laqgħa li ġejja tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku tippromwovi koperazzjoni trans-Atlantika strateġika dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali waqt li jiġu rispettati kompletament id-drittijiet fundamentali u ċ-ċivili taċ-ċittadin; jenfasizza li t-tifrix tat-teknoloġiji ma jridx jgħawweġ is-sistema ta' protezzjoni tal-proprjetà intelletwali li tiggarantixxi l-kapaċità li jittieħdu r-riskji finanzjarji u kummerċjali li huma inerenti fil-proċess ta’ innovazzjoni;

34. Ifakkar lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku li s-soċjetà tal-informazzjoni hija pilastru kruċjali taż-żona ekonomika trans-Atlantika bbażat fuq l-aċċess għall-għarfien u fuq mudell ġdid għall-protezzjoni u l-qsim tal-kontenut diġitali, fir-rispett tal-proporzjonalità;

Il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u l-protezzjoni tal-konsumatur

35. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jippromwovi azzjonijiet konġunti biex jiġi żgurat li pajjiżi terzi, partikolarment iċ-Ċina, jgħollu l-istandards ta’ produzzjoni tagħhom biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ sikurezza tal-UE u tal-Istati Uniti, b’mod partikulari għall-ġugarelli, u biex jiżgura l-infurzar strett, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sikurezza tal-prodotti, partikolarment il-ġugarelli, kif ukoll ispezzjonijiet nazzjonali aktar b’saħħithom;

36. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, tiżviluppa sistemi ta’ koperazzjoni transkonfinali fl-infurzar aktar b'saħħithom u aktar effettivi, bil-għan li s-sistema ta’ twissija tal-UE "RAPEX" dwar prodotti għall-konsumatur li huma ta’ riskju serju għall-konsumatur tiġi konnessa mas-sistema ta’ twissija tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumatur tal-Istati Uniti, u li l-attivitajiet tan-Netwerk ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur jiġu integrati ma' dawk tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti;

37. Jipproponi li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jappoġġja l-adozzjoni ta’ istrument ta' koperazzjoni li jorbot, li jistruttura u jiffaċilita l-qsim tal-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-iżvilupp ta' programm komuni ta' azzjonijiet koperattivi;

38. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u s-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li ġejjin, tħaffef ħidmitha fuq Ftehim bilaterali ta’ Kooperazzjoni għall-Infurzar biex jiġu estiżi għall-Istati Uniti l-attivitajiet ta' infurzar tagħha fi ħdan il-qafas tar-Regolament tal-UE dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Att tal-Istati Uniti dwar Internet Mingħajr Periklu (Safe Web Act);

39. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-kontropartijiet tagħha fl-Istati Uniti sabiex il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jitħalla jeżamina l-modi għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur waqt li jitqiesu kif dovut id-drittijiet diġitali tal-kosumatur, kif ukoll biex jaħdmu flimkien dwar ir-regoli dwar prodotti difettużi;

Kummerċ bilaterali - kwistjonijiet tad-dwana, sorveljanza tas-suq u sigurtà kummerċjali

40. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jippromwovi t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq tal-UE u l-Istati Uniti, sabiex jiġi evitat li l-prodotti perikolużi, b’mod partikulari l-ġugarelli perikolużi, jilħqu lill-konsumatur;

41. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jagħti leħen lit-tħassib tal-UE dwar il-miżura leġiżlattiva unilaterali tal-Istati Uniti dwar l-iskennjar tal-100% tal-kontejners għat-tagħbija tal-merkanzija bil-baħar, kif adottata mill-Kungress tal-Istati Uniti; jemmen li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jista', b'mod utli, jorganizza seminars fi Brussell u f'Washington dwar il-kwistjoni tal-iskennjar ta' 100% tal-kontejners sabiex jitrawwem fehim iktar profond bejn il-leġiżlaturi tal-Istati Uniti u tal-UE u sabiex tiġi promossa riżoluzzjoni bikrija u li tkun reċiprokament aċċettabbli għal din il-problema; jistieden lill-Kummissjoni biex, għal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku li ġejja, tevalwa l-ispejjeż potenzjali ta’ din il-miżura għan-negozju u għall-ekonomija tal-UE, kif ukoll l-impatt potenzjali fuq l-operazzjonijiet tad-dwana;

42. Jinsab deċiż biex ikompli jistieden lill-leġiżlatura tal-Istati Uniti – u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dan anke fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku – biex terġa’ tikkunsidra l-obbligu tal-iskennjar tal-100% tal-kontejners, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa koperazzjoni mal-Istati Uniti, ibbażata fuq l-immaniġġjar tar-riskji, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programmi ta’ Sħubija Kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, bi qbil mal-Qafas ta’ Standards SAFE tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana;

Rikonoxximent reċiproku u standardizzazzjoni

43. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fid-dawl tal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku li ġejja, taħdem favur l-adozzjoni formali ta' proċeduri għar-rikonoxximent reċiproku ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità għall-prodotti suġġetti għal testijiet obbligatorji minn partijiet terzi, l-aktar għat-tagħmir tat-teknoloġija ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u għat-tagħmir elettriku, sabiex tinsisti fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-unitajiet ta’ kejl legali, b’mod partikulari biex jiġi aċċettat l-użu ta’ tikketti li jużaw biss is-sistema metrika fuq il-prodotti tal-UE fl-Istati Uniti, sabiex tesplora l-istandardizzazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u biex tikkoordinahom internazzjonalment;

Kwistjonijiet ambjentali u ta’ saħħa pubblika

44. Jikkunsidra li hu tal-akbar importanza li jkun hemm involviment fi djalogu mal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku dwar l-ikel il-ġdid u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-produzzjoni tal-ikel; jenfasizza l-preokkupazzjonijiet fir-rigward tal-klonazzjoni fit-trobbija tal-annimali;

45. Jilqa’ l-fatt li l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti rrikonoxxiet il-bżonn li tirriforma l-Att tagħha dwar il-Kontroll tas-Sustanzi Tossiċi; jistieden lill-UE u l-Istati Uniti biex jikkoperaw sabiex jistabbilixxu sistema regolatorja fl-Istati Uniti li twassal għal livell ta' protezzjoni kompatibbli mar-REACH;

L-enerġija, l-industrija u x-xjenza

46. Jitlob li jkun hemm koperazzjoni mal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku dwar kull kwistjoni li taffetwa lill-ambjent regolatorju għall-industrija, li ssegwi l-approċċ tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” tal-UE – billi taħseb l-ewwel fiż-żgħir – meta jkun qed jikkunsidra leġiżlazzjoni b’impatt trans-Atlantiku;

47. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jiżviluppa koperazzjoni lejn Strateġija Komuni dwar l-Enerġija, li tkun tappoġġja d-diversifikazzjoni u tippromwovi ekonomija ekoeffiċjenti, sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista, u jħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jgħin fit-tfittxija ta’ kriterji ta’ sostenibilità konverġenti għall-bijofjuwils;

48. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex iqanqal il-koperazzjoni fir-riċerka sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjali tal-Ftehima dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija estiża bejn l-UE u l-Istati Uniti;

Il-kummerċ internazzjonali

49. Jikkunsidra li l-aċċess għas-swieq tal-pajjiżi terzi hu preokkupazzjoni u interess komuni kemm għall-UE u kemm għall-Istati Uniti; jinsab konvint li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jista’ jkollu rwol importanti fit-trawwim ta’ approċċ komuni mill-UE u l-Istati Uniti fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jaħdem lejn approċċ aktar komuni għall-ftehimiet ġodda ta’ kummerċ ħieles min-naħa tal-Istati Uniti u tal-UE, bl-intenzjoni li l-ftehimiet ta’ dan it-tip jiġu armonizzati;

50. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jittratta l-qafas legali u l-istandards tekniċi sabiex jitranġaw il-kundizzjonijiet legali mhux ċari u biex, f’dan il-kuntest, tikkunsidra l-kwistjonijiet tal-kuntratti, dazji u sigurtà legali fl-Istati Uniti;

Il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, viżi

51. Jistenna li l-laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Istati Uniti pprogrammata għat-28 ta' Ottubru 2009 f'Washington DC tadotta dikjarazzjoni konġunta dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, li tkopri, b'mod partikolari, is-sigurtà fuq l-internet;

52. Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra t-terroriżmu u fit-twemmin sod tiegħu fil-ħtieġa li jinstab il-bilanċ ġust bejn il-miżuri tas-sigurtà u l-ħarsien tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi żgurat l-akbar rispett għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data; itenni li n-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin li mingħajrhom il-ġlieda kontra t-terroriżmu qatt mhu se tkun effettiva;

53. Jemmen li hemm bżonn ta’ qafas legali u politiku sod għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti fi kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u li sħubija aktar b’saħħitha li tinvolvi d-dimensjonijiet parlamentari u demokratiċi hija essenzjali biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi komuni, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, b'mod li jkun konsistenti mad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija, l-immaniġġjar tal-migrazzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal kenn politiku, u l-promozzjoni ta’ ċaqliq mingħajr viża taċ-ċittadini bona fide kollha bejn iż-żewġ żoni;

54. Ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li kwalunkwe trasferiment ta' data personali Ewropea lejn pajjiżi terzi li jsir għal finijiet ta’ sigurtà għandu jirrispetta l-garanziji proċedurali u d-drittijiet ta’ difiża u għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew;

55. Jinnota li qed jiġi nnegozjat ftehim interim dwar it-trasferiment ta' data ta’ dan it-tip bejn l-UE u l-Istati Uniti li jkun validu għal perjodu intermedju permezz ta' klawsola ta' estinzjoni li ma’ taqbiżx it-12-il xahar, u li ftehim ġdid, innegozjat bla ħsara għall-proċedura li għandha tiġi segwita taħt it-Trattat ta' Lisbona, se jkollu jinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u jiżgura l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009;

****

56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-Istati Uniti, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.

Avviż legali - Politika tal-privatezza