Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0112/2009

Testi mressqa :

B7-0112/2009

Dibattiti :

PV 21/10/2009 - 9
CRE 21/10/2009 - 9

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2009 - 8.9

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 158kWORD 98k
19.10.2009
PE428.720v01-00
 
B7-0112/2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-preparazzjoni għal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) u s-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika (it-2 u t-3 ta’ Novembru 2009)


Helmut Scholz, Willy Meyer, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL

dwar il-preparazzjoni għal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) u s-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika (it-2 u t-3 ta’ Novembru 2009)  
B7‑0112/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ewropej qed jistennew bidla ta’ politika profonda mill-amministrazzjoni l-ġdida ta’ Obama; billi l-President Obama ħa passi simboliċi importanti bil-għan li jingħata s-sinjal lid-dinja li din il-bidla fil-politika barranija se sseħħ;

B.  billi minkejja l-iżviluppi pożittivi għad hemm problemi serji ħafna, bħal pereżempju:  

Ø il-gwerra fl-Afganistan għadha għaddejja u dan qed iwassal għal eluf ta' vittmi ċivili u għal distabbilizzazzjoni distastruża tal-pajjiż; billi ma ġiet solvuta l-ebda problema tal-pajjiż permezz tal-politika ddominata militarment tal-alleanza tan-NATO,

Ø il-forzi militari tal-Istati Uniti tal-Amerika għadhom attivi madwar id-dinja kollha,

Ø minkejja li l-President Obama ħareġ ordni fit-tieni ġurnata tal-kariga tiegħu biex tingħalaq il-faċilità ta' detenzjoni fi Guantanamo fi żmien sena, l-ostakli politiċi, legali u diplomatiċi waqqfu l-progress lejn il-kisba ta’ din il-mira,

Ø għadhom jeżistu faċilitajiet ta’ detenzjoni amministrati mill-Istati Uniti tal-Amerika f’pajjiżi terzi bħal pereżempju fl-Afganistan (Bagram),

Ø l-istrateġija tal-Istati Uniti tal-Amerika kontra t-terroriżmu utilizzat strumenti persważivi biex tiġi ssorveljata data sensittiva relatata maċ-ċittadini Ewropej u biex jiġu ssorveljati d-dettalji tal-banek permezz tan-netwerk tas-Soċjetà għat-Telekomunikazzjoni Finanzjarja ta' bejn il-Banek Dinjija (SWIFT), u dan idgħajjef id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej,

Ø l-Istati Uniti tal-Amerika ma rratifikatx l-istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, u permezz ta’ ftehimiet bilaterali għadha mhux qed tippermetti li ċ-ċittadini tagħha jinżammu responsabbli quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għal azzjonijiet ilegali,

Ø il-piena tal-mewt għadha teżisti fi 38 stat tal-Istati Uniti tal-Amerika u fil-livell federali,

Ø  l-amministrazzjoni l-ġdida ma neħħietx is-sanzjonijiet kontra Kuba,

C. billi d-dinja għaddejja minn reċessjoni qawwija u kbira, li bdiet fl-Istati Uniti tal-Amerika iżda li għandha l-għeruq tagħha fil-konvinzjoni sostnuta b'mod komuni fost il-mexxejja politiċi u kummerċjali u l-parti l-kbira tal-ekonomisti li 's-swieq ħielsa joperaw aħjar' u li l-interazzjoni ħielsa tal-forzi tas-suq tiggarantixxi allokazzjoni effiċjenti u effettiva tar-riżorsi,

D. billi l-kollass tas-sistema finanzjarja ħalla l-ekonomija reali madwar id-dinja, anke fl-Istati Uniti tal-Amerika, bi problemi kbar bħal telf kbir ta’ impjiegi, tnaqqis fil-livell tal-għajxien, persuni li jitilfu djarhom, u pressjoni enormi fuq il-pensjonijiet u l-iskemi tas-sigurtà soċjali; billi l-Istati Uniti tal-Amerika, l-UE u l-pajjiżi membri tal-G20 naqsu milli jiksbu l-għan iddikjarat minnhom stess fl-ewwel Samit tal-G20, li jieħdu passi sodi u immedjati biex jintroduċu regoli għal ‘ordni ekonomika ġdida’;

E.  billi l-inugwaljanza li qed tiżdied fid-distribuzzjoni tad-dħul u l-ġid (qligħ u ġid li qed jiżdiedu, tnaqqis drastiku fis-sehem tal-ħaddiema fid-dħul nazzjonali) matul dawn l-aħħar 30 sena, b’mod speċjali fl-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Unjoni Ewropea, kienet il-fattur ewlieni li qanqal it-tkabbir enormi tal-investiment fis-swieq finanzjarji u l-ħolqien ta’ bżieżaq fir-rigward tal-prezzijiet tal-assi; billi ġie ppruvat li kemm il-politiki neo-Liberali tal-liberalizzazzjoni tas-suq finanzjarju kif ukoll l-orjentazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir biex jiżdied akkost ta' kollox il-valur għall-azzjonisti kienu fallew kompletament,

1.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jutilizzaw il-momentum għal bidu ġdid konċettwali tar-relazzjoniiet trans-Atlantiċi sabiex:

a.  ikun hemm dibattitu dwar approċċi sostenibbli biex jintemmu s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi fid-dinja li jissostitwixxu l-kunċett ta’ superpotenza militari;

b.  tiġi affaċċjata l-ħtieġa urġenti ta’ riforma politika radikali biex jiġu indirizzati l-kawżi sistemiċi tal-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji u sabiex jittieħdu passi sodi lejn regoli għal ‘ordni ekonomika ġdida’;

c.  ikun hemm insistenza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax isseħħ fi ksur tal-liġi internazzjonali u bi ħsara għal valuri kondiviżi, bażiċi u stabbiliti bħar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra relevanti;

d.  ikun hemm diskussjoni mal-imsieħba tiegħu mill-Istati Uniti tal-Amerika sabiex iġibu fis-seħħ l-impenn taż-żewġ naħat fir-rigward tal-multilateraliżmu u b'mod partikulari l-koperazzjoni internazzjonali fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti;

2.  Huwa tal-fehma li, għal dan il-għan, jaf tkun utli l-intensifikazzjoni tad-djalogu politiku parlamentari bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika; jitlob li l-Kummissjoni tagħti aktar kas tar-relazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tiffoka inqas fuq id-djalogu kummerċjali;

Kwistjonijiet interni

3.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu evalwati b’mod onest kemm l-istrateġija militari attwali kif ukoll l-istrateġija għar-rikostruzzjoni ċivili fl-Afganistan; jikkonkludi li hemm bżonn ta’ ċaqlieqa kbira fl-istrateġija minħabba li l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp se jipprevalu biss jekk tintemm il-mewġa ta' vjolenza, jekk l-approċċ militari li qed jiddomina bħalissa jiġi sostitwit bi sforzi aktar b'saħħithom ta' rikostruzzjoni ċivili, u jekk, bħala riżultat, terġa titrawwem fiduċja fost il-poplu Afgan; jilob l-irtirar tat-truppi tan-NATO mill-pajjiż;

4.  Jinnota li, minkejja l-isforzi ġodda tal-Amministrazzjoni ta’ Obama, il-Lvant Nofsani jinsab f’impass; jistieden lill-imsieħba trans-Atlantiċi biex isaħħu l-iforzi tagħhom; jinsisti li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi mal-Iżrael għandhom ikunu bbażati sew fuq il-kundizzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, it-tmiem tal-kriżi f’Gaża u t-Territorji Palestinjani Okkupati u fuq impenn reali rigward soluzzjoni komprensiva ta' paċi;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward id-destin u s-sikureza tal-miljun u nofs Palestinjani maqbuda f’Gaża mingħajr ebda possibilità li jitilqu mill-Medda; jistieden lill-imsieħba trans-Atlantiċi biex fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Iżrael jinsistu sabiex l-awtoritajiet Iżraeljani jippermettu l-forniment ta' ikel, għajnuna medika urġenti u fjuwil lill-Medda ta' Gaża billi jinfetaħ il-post tal-qsim tal-fruntiera u bit-tneħħija tal-imblokk;

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-President Obama fuq ir-riżoluzzjoni 1887 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2009) dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari u d-diżarm nukleari, kif ukoll id-deċiżjoni li twarrbet l-idea li titwaqqaf sistema kontra l-missili fl-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-imsieħba trans-Atlantiċi biex jiddiskutu l-implimentazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni fis-Samit;

7.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti tal-Amerika biex jippruvaw jiżguraw li jkun hemm it-tnedija mill-ġdid tal-kontroll innegozjat tal-armamenti, f’livell multilaterali fi ħdan is-sistema tan-NU, u f’livell bilaterali; itenni s-sejħa tiegħu biex l-Istati Uniti tal-Amerika:

Ø twaqqaf l-iżvilupp ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ armi nukleari għall-użu f'battalji;

Ø tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tat-Testijiet Nukleari;

Ø tiirratifika l-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħżin, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u dwar il-Qerda tagħhom;

Ø ma tibqax tirreżisti l-Protokoll dwar il-Konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Armi Tossiċi u Bijoloġiċi;

Ø tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sistema tat-Trattat ta’ Nonproliferazzjoni permezz tal-implimentazzjoni stretta tal-obbligi kollha ta’ dan it-Trattat, b’mod partikulari l-Artikolu 2;

Ø tagħti spinta ġdida rigward l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u t-tisħiħ tal-organizzazzjoni tagħha;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

8.  Jistieden lill-President Obama biex jimplimenta l-wegħda tiegħu li jagħlaq iċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Guantanamo sal-aħħar tal-2009; jistieden lill-Amministrazzjoni ta’ Obama biex twaqqaf l-arresti u r-rendimenti straordinarji; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, waqt il-konsultazzjonijiet tagħhom mal-Amministrazzjoni ta’ Obama, jindirizzaw is-sitwazzjoni li hemm fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni fl-Afganistan (Bagram) amministrati mill-Istati Uniti tal-Amerika, u biex jinsistu sabiex dawn jingħalqu;

9.  Jitlob għal darba oħra li l-Istati Uniti tal-Amerika tabolixxi l-piena tal-mewt fil-livelli federali u statali;

10. Itenni t-tħassib serju tiegħu rigward il-ksur tal-ħarsien tad-data għad-dannu taċ-ċittadini Ewropej fil-forma ta' ftehima internazzjonali mal-Istati Uniti tal-Amerika, fuq il-bażi tal-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, minħabba t-trasferiment ta’ data tas-SWIFT lill-Programm ta' Rintraċċar ta' Finanzi tat-Terroristi (TFTP); ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li kwalunkwe trasferiment ta' data personali Ewropea lejn pajjiżi terzi li jsir għal finijiet ta’ sigurtà għandu jirrispetta l-garanziji proċedurali u d-drittijiet tad-difiża u għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew;

11. Ifakkar li, fi ħdan il-qafas trans-Atlantiku tal-ftehima bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-assistenza legali, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, l-Artikolu 4 jipprevedi li jingħata aċċess fuq talba għal data finanzjarja mmirata, permezz tal-awtoritajiet Statali nazzjonali, u li dan jista’ jikkostitwixxi bażi legali aktar soda għat-trasferiment ta' data SWIFT milli l-ftehim intermedjarju propost;

12. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni riċenti tal-programm għat-tneħħija tal-viża għal seba' Stati Membri oħra tal-UE; iħeġġeġ, madankollu, lill-Istati Uniti tal-Amerika biex tneħħi s-sistema tal-viża għall-Istati Membri li fadal u biex titratta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea b’mod ugwali skont il-bażi ta’ reċiproċità sħiħa; huwa mħasseb rigward l-inroduzzjoni ppjanata ta’ imposti amministrattivi biex tinħareġ l-awtorizzazzjoni ESTA (Sistema Elettronika għall-Awtorizzazzjoni tal-Ivjaġġar) għaċ-ċittadini tal-UE u jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta din il-kwistjoni bħala prijorità mal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika;

Il-kwistjonijiet ekonomiċi

13. Huwa tal-fehma li la Sħubija Ekonomika Transatlantika Ġdida u l-anqas żona ta’ kummerċ ħieles mal-Istati Uniti tal-Amerika ma jistgħu jkunu objettiv għall-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Uniti tal-Amerika; huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ li tiddifersifika r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha, iżżomm il-politiki tagħha fi kwistjonijiet bħas-saħħa pubblika, u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha ma’ reġjuni oħrajn tad-dinja;

14. Jappoġġja l-inizjattiva tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-G20 favur salarju bonus definit b’mod ċar għall-bankiera u restrizzjoni tas-salarji eċċessivi; jenfasizza li hemm bżonn urġenti kemm għall-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll għall-Istati Membri tal-UE, li jieħdu rwol ta’ tmexxija fit-trażżin tal-bonusijiet ta’ bankiera li diġà jitħallsu tajjeb;

15. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-qbil tal-Grupp G-20 li l-banek għandhom ikunu meħtieġa jżommu parti mis-self li huma jerġgħu jipproponu u jbiegħu bħala titoli sostnuti mill-assi; jikkritika bis-saħħa, madankollu, il-fatt li l-kapital li l-banek iżommu biex jiġu koperti ċerti pożizzjonijiet x’aktarx se jkun irduppjat biss u li r-regoli l-ġodda m’humiex se japplikaw qabel tmiem is-sena d-dieħla; jiddispjaċih li l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE jridu li l-Kumitat ta' Basel jabbozza regoli sal-aħħar tas-sena għal 'standard minimu ta' likwidità globali’ biss;

16. Huwa tal-fehma li l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea, bħala r-reġjuni li jospitaw l-aktar ċentri finanzjarji importanti tad-dinja, jeħtieġu approċċ komuni biex jiġu affrontati l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi u jinsisti li dan biss jista' jevita arbitraġġ regolatorju li jippermetti li l-industrija finanzjarja fuq naħa waħda tal-Atlantiku tqajjem għall-benefiċċju tagħha konfront bejn il-gvern tagħha u l-amministrazzjoni fuq in-naħa l-oħra;

17. Huwa tal-fehma li s-settur finanzjarju għandu jerġa' jibda jiffunzjona fl-interess tal-pubbliku u għandu jaċċetta redditi iktar baxxi u sistemi ta' ħlas ta' bonus maħsuba biex jiġu evitati r-riskji u b'miri fit-tul minflok bi profitti fuq terminu ta' żmien qasir; jinnota li l-industrija finanzjarja fil-pajjiżi industrijalizzati, speċjalment fl-Istati Uniti tal-Amerika u f’uħud mill-Istati Membri tal-UE, saret kbira wisq għall-ġid tas-soċjetà u għandha tiċċekken għal daqs aktar benefiku;

18. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea jaqblu li hemm ħtieġa urġenti għar-riforma tal-governanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, minħabba s-saħħa dejjem ikbar tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li ċaqlieqa ta’ mill-inqas ħamsa fil-mija tas-saħħa tal-voti fil-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u ta’ tlieta fil-mija fil-Bank Dinji minn pajjiżi b’rappreżentanza għolja wisq lejn pajjiżi b’rappreżentanza baxxa wisq tista’ titqies biss bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba; iħeġġeġ lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE biex jagħtu s-sehem tagħhom favur is-suċċess ta' din ir-riforma;

19. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiddiskutu mal-imsieħba trans-Atlantiċi dwar kif jista’ jsir progress dwar il-kwistjoni tal-aċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mediċini, u biex jopponu bil-qawwa l-inizjattiva tal-Istati Uniti tal-Amerika fir-rigward tal-inklużjoni ta’ klawżoli fil-ftehimiet bilaterali kollha nnegozjati mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn dawn il-pajjiżi jirrinunzjaw għall-użu tad-dispożizzjoni tal-Ftehim ta' Doha rigward it-TRIPS li tippermettilhom jipproduċu jew jimportaw mediċini ġeneriċi meħtieġa biex jaffrontaw problemi pubbliċi kbar ta' saħħa (AIDS, tuberkulożi, eċċ.);

20. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex itemmu l-Ftehima Blair House, li tillimita l-produzzjoni ta’ pjanti li minnhom jistgħu jinkisbu ż-żejt u l-proteini, ma tħallix li l-UE tipproduċihom u ġġegħlha timporta riżorsi ta’ enerġija agrikoli bħall-fażola tas-soya u uċuh tar-raba’ oħra li ta’ sikwit ikunu prodotti modifikati ġenetikament;

21. Iqis li d-dritt għall-ikel u l-ambjent sikuri huwa l-bażi ta' diversi kunflitti kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika, bħal ma' huma dawk dwar il-laħam trattat bl-ormoni u l-prodotti modifikati ġenetikament, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaġixxu b'konformità mal-leġiżlazzjoni KE applikabbli u jiddefenduha;

22. Iqis li, peress li l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika, huma l-ikbar konsumaturi tal-enerġija u jirrapreżentaw 38% tal-konsum dinji tal-enerġija, għandhom jieħdu l-inizjattiva u jagħmlu sforzi konġunti biex jiżviluppaw mezzi ta' produzzjoni ta’ enerġija alternattiva; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati alternattivi sostenibbli f’sens ambjentali u li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-foresti madwar id-dinja;

Il-bidla fil-klima

23. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika l-ġdida rigward il-kisba ta’ miri ambizzjużi biex tiġi limitata l-bidla fil-klima; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-evalwazzjoni tal-Ambaxxatur Bruton li s-Senat tal-Istati Uniti tal-Amerika, wara kollox, jaf jittratta l-kwistjoni tal-bidla fil-klima mhux qabel is-sena d-dieħla, meta l-Konferenza tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima f’Kopenħagen tkun spiċċat u d-delegati jkunu marru lura d-dar; jitlob li s-samit jirsisti biex ikun hemm approċċ komuni favur il-klima għal waqt is-Samit tan-NU f’Kopenħagen u biex jiġu appoġġjati l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikulari fl-impenji tagħhom biex jillimitaw il-bidla fil-klima permezz tal-miżuri attwarji u ta’ finanzjament disponibbli kollha;

Kwistjonijiet oħra

24. Jinnota, għal darba oħra, li l-eżistenza tal-liġijiet extraterritorjali “Helms-Burton” u l-embargo kummerċjali fuq Kuba huma illegali u għandhom jiġu rtirati; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiddiskutu l-kwistjoni matul is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika u biex jaħdmu għat-tneħħija ta' dawk id-dispożizzjonijiet, u jekk ikun il-każ jaffrontaw lill-Istati Uniti tal-Amerika fid-WTO;

25. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-iżbilanċi fid-djalogu leġiżlattiv mal-Istati Uniti tal-Amerika u l-impatt tagħhom fuq il-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li l-ħidma fil-Kunsill Ekonomiku trans-Atlantiku (TEC) għandha tkun trasparenti u b’responsabilità diretta;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza