Proċedura : 2009/2718(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0120/2009

Testi mressqa :

B7-0120/2009

Dibattiti :

PV 20/10/2009 - 13
CRE 20/10/2009 - 13

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2009 - 8.7

Testi adottati :

P7_TA(2009)0056

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kWORD 102k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0118/2009
19.10.2009
PE428.728v01-00
 
B7-0120/2009

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0213/2009

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni tal-UE


Véronique De Keyser, Richard Howitt, Thijs Berman f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni  
B7‑0120/2009

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikulari l-Artikolu 21 tiegħu,

 

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 11 u 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 177, 300 u 310 tat-Trattat KE,

 

–    wara li kkunsidra l-ftehimiet kollha bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f’dawk il-ftehimiet,

 

–    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mħabbra fi Strasburgu fit-12 ta' Diċembru 2007,

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, "Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU'" tat-8 ta' Settembru 2000, A/RES/55/2,

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, "Promozzjoni u Konsolidazzjoni tad-Demokrazija" tal-4 ta' Diċembru 2000 (A/RES/55/96),

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, "Eżitu tas-Samit Dinji 2005", tal-15 ta’ Settembru 2005, A/RES/60/1,

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, "Eżitu tas-Samit Dinji 2005", tal-15 ta’ Settembru 2005, A/RES/60/1,

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, "Tisħiħ tal-irwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali, subreġjonali u oħrajn u l-arranġamenti għall-promozzjoni u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija" tat-23 ta' Marzu 2005, A/RES/59/201,

 

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna u l-osservazzjoni tal-UE waqt l-Elezzjonijiet (COM (2001)0191),

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna u l-Osservazzjoni tal-UE waqt l-Elezzjonijiet,

 

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-irwol tal-UE fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi (COM(2001)0252),

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi,

 

–    wara li kkunsidra l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2003,

 

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Il-Governanza u l-Iżvilupp" (COM(2003)0615),

 

–    wara li kkunsidra r-rapport tiegħu A5-0219/2004 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni,

 

–    wara li kkunsidra l-Konsensus tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp, 2005,

 

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna 2005 u l-Aġenda ta' Accra għal Azzjoni 2008,

 

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Il-Governanza u l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp - Lejn approċċ armonizzat fl-Unjoni Ewropea" (COM (2006) 421),

 

–    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem),

 

–    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-Uffiċċju għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari,

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' Mejju 2008 "Il-missjonijiet tal-UE ta’ osservazzjoni ta’ elezzjonijiet: l-objettivi, il-prattiki u l-isfidi tal-ġejjieni",

 

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2009 dwar "Appoġġ għall-Governanza Demokratika: lejn qafas imsaħħaħ tal-UE",

 

–    wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-30 ta' Settembru 2009 lill-Kummissjoni dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni (O-00xx/2009 - B7 0xxx/2009),

 

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, u, billi kienu integrali għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea sa mill-bidu,

 

B.   billi t-trattati bażiċi tal-Unjoni Ewropea jenfasizzaw l-impenn sod għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen ta' "preżenza ta’ istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom" kienu element kruċjali fil-proċess tat-tkabbir,

 

C.  billi l-viżjoni tal-UE għall-bini u appoġġ tad-demokrazija għadha ma ġietx stabbilita f'dokument wieħed,

 

D.  billi l-fehim wiesgħa tad-demokrazija integra b'suċċess drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi fl-UE u kien kruċjali sabiex iġib stabilità u prosperità b'mod li qatt ma kienet rat qabel l-istorja tad-dinja;

 

E.   billi skont Artikolu 11 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, wieħed mill-għanijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni huwa li tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

 

F.   billi sistemi demokratiċi jvarjaw fil-forma u fl-għamla, kif inhu l-każ fi ħdan l-UE, filwaqt li d-demokrazija hija valur universali li l-prinċipji jew l-elementi essenzjali tiegħu huma mħaddna f'għadd numeruż ta' dikjarazzjoni u konvenzjonijiet internazzjonali; billi dawn l-elementi, kif definiti b'żewġ riżoluzzjoniet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2000 u fl-2005 (A/RES/55/96 u A/RES/59/201), jinkludu:

 

•     rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li jinkludu l-libertà ta' assoċjazzjoni u assemblea paċifika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-opinjoni

•     id-dritt ta' parteċipazzjoni fit-tmexxija ta' affarijiet pubbliċi, b'mod dirett jew permezz ta' rappreżentanti magħżula b'mod ħieles, kif ukoll id-dritt li tivvota u tiġi elett permezz ta' elezzjonijiet ħielsa perjodiċi u ġenwini b'suffraġju ugwali u universali u permezz ta' votazzjoni sigrieta li tiggarantixxi l-espressjoni ħielsa tar-rieda tal-poplu;

•     sistema pluralistika ta' partiti u organizzazzjonijiet politiċi,

•     rispett għall-istat tad-dritt,

•     is-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura,

•     it-trasparenza u r-responsabilità fl-amministrazzjoni pubblika,

•     midja ħielsa, indipendenti u pluralistika,

 

G.  billi, hekk kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju, governanza demokratika u parteċipattiva bbażata fuq ir-rieda tal-poplu tista' tkun l-aħjar mod biex jiġi żgurat id-dritt tal-irġiel u n-nisa li jgħixu ħajjithom u jrabbu 'l uliedhom b'dinjità, mingħajr ma jsofru l-ġuħ u l-biża' tal-vjolenza, l-oppressjoni u l-inġustizzja,

 

H.  billi l-abilità tal-irġiel u tan-nisa li jipparteċipaw b'mod indaqs fil-ħajja politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija prerekwiżit tad-demokrazija vera,

 

I.    billi d-demokrazija, l-iżvilupp u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kollha, inklużi d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, huma interdipendenti u jsaħħu 'l xulxin,

 

J.    billi d-demokrazija hija marbuta wkoll b'mod ċar mas-sigurtà, kif rikonoxxut mill-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea, li tiddikjara li "it-tixrid tal-governanza tajba, l-appoġġ tar-riforma politika u soċjali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem huma l-aqwa mezzi sabiex tissaħħaħ l-ordni internazzjonali",

 

K.  billi l-Unjoni Ewropea għandha firxa wiesgħa ta' strumenti u għodda, mid-djalogu politiku u l-inizjattivi diplomatiċi, għal strumenti speċifiċi ta' koperazzjoni teknika u finanzjarja sabiex tappoġġja d-demokrazija fid-dinja kollha,

 

L.   billi l-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni Ewropea, bħall-Istrument ta' Koperazzjoni għall-iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew għas-Sħubija u l-Viċinat (ENPI) u l-Istrument għall-Istabilità (IfS), kollha jipprovdu possibilitajiet sinifikanti għall-governanza demokratika u l-appoġġ istituzzjonali u għall-bini tal-kapaċitajiet,

 

M.  billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa strument ewlieni ta' għajnuna finanzjarja għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, billi għandu ambitu globali, jista' jaħdem mingħajr il-kunsens tal-pajjiż ospitanti, u jappoġġja direttament lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, billi l-missjonijiet tal-UE għal osservazzjoni tal-elezzjonijiet, iffinanzjati mill-EIDHR, huma parti essenzjali mill-kontribut tal-UE għall-bini istituzzjonali demokratiku,

 

N.  billi hemm bżonn ta' ħarsa ġenerali aħjar lejn l-appoġġ demokratiku li huwa attwalment ipprovdut mill-UE u tal-għażla wiesgħa ta' għodod u strumenti tal-UE għall-appoġġ tad-demokrazija mad-dinja kollha li jitwassal fil-pajjiżi msieħba u kif dawn l-istrumenti u atturi differenti joperaw u jorbtu ma' xulxin,

 

O.  billi r-rapport tal-PE tal-2004 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-governanza u l-iżvilupp enfasizza "l-importanza li jitwettqu riformi parlamentari u elettorali, lil hinn mill-istabbiliment ta' sistemi elettorali b'diversi partiti, sabiex tkun żgurata attività politika aktar effettiva u estensiva fost il-popolazzjoni",(1)

 

1.   Huwa wkoll tal-fehma li hemm il-ħtieġa ta' qafas aktar koerenti u uniformi sabiex l-appoġġ tal-UE għall-bini tad-demokrazija fid-dinja kollha jkun aktar effettiv;

 

2.   Jilqa' l-isforzi ta' Presidenzi attwali u preċedenti dwar inizjattivi minn aktar minn pilastru wieħed dwar il-bini tad-demokrazija fl-azzjonijiet esterni tal-UE bl-iskop li jirfinaw il-politika tal-Unjoni u jsaħħu l-azzjonijiet tagħha u l-koordinazzjoni tal-isforzi, u jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni sostenuta f'dan il-qasam, bħala parti mill-konkluzjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati f'Novembru 2009;

 

3.   Jirrakkomanda li l-konklużjonijiet tal-Kunsill jinkludu suġġerimenti konkreti u prattiċi għat-titjib tal-koordinazzjoni tal-appoġġ demokratiku fi ħdan l-istrumenti tal-UE tal-politika barranija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp, hekk li tinbena pjattaform komuni li tissodisfa l-ħtiġijiet sostantivi tad-demokrazija bħala sistema politika f'termini ta' trattament ta' konflitti, qsim ta' poter u ksib ta' żvilupp ekwu;

 

4.   Itenni li d-demokratizzazzjoni u l-governanza tajba mhumiex biss għanijiet innifshom, iżda huma vitali wkoll għat-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u l-istabilità; iqis li d-demokrazija, kif deher mill-progress tal-integrazzjoni interna tal-UE, tgħin biex twassal mhux biss drittijiet politiċi u ċivili, imma wkoll drittijiet ekonomiċi, kulturali u soċjali, inkluża s-solidarjetà;

 

5.   Iqis li l-istabbiliment tad-demokrazija u l-proċessi demokratiċi f'pajjiżi terzi joffri l-aqwa prospetti għall-iżvilupp ta' politiki effettivi marbuta ma' kwistjonijiet globali li jikkonċernaw ukoll liċ-ċittadini tal-UE; Is-sistemi demokratiċi jistgħu, pereżempju, jiġġieldu l-kriminalità transnazzjonali, l-immigrazzjoni u lt-traffikar illegali, jipproteġu l-ambjent, iżommu sistema miftuħa ta' kummerċ globali, u jiżguraw provvisti tal-enerġija sostenibbli u kompetittivi;

 

6.   Jirrakkomanda li l-UE, sabiex issaħħaħ azzjonijiet konġunti mad-dinja kollha biex tħeġġeġ id-demokrazija, għandha tilqa' b'mod pubbliku d-definizzjoni tad-demokrazija tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bħala l-punt ta' referenza tal-ħidma ta' demokratizzazzjoni tagħha stess;

 

7.   Jenfasizza li d-demokrazija ma tistax tkun esportata jew imponuta minn barra; jenfasizza l-impenn kontinwu tal-UE għall-prinċipju ta' pussess ta' strateġiji u programmi ta' żvilupp minn pajjiżi msieħba; iqis li dawn il-proċessi jistgħu jkunu appoġġjati mill-istrumenti differenti kollha tal-UE, adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull pajjiż;

 

8.   Jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jipproċedu b'analiżi komprensiva u dettaljata tal-appoġġ kollu tad-demokrazija tal-UE f'kampjun ta' pajjiżi msieħba, hekk li jkunu jistgħu jitressqu rakkomandazzjonijiet prattiċi;

 

9.   Jirrakkomanda li l-Kunsill u l-Kummissjoni jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda ta' Akkra għal Azzjoni dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fil-ħidma tagħhom ta' appoġġ għad-demokrazija. jssuġġerixxi b'mod partikulari li jitwettqu evalwazzjonijiet konġunti tal-UE dwar id-demokrazija, programmazzjoni konġunta tal-UE u qsim tal-piżijiet sabiex jiżdiedu l-impatt u l-viżibilità tal-ħidma tal-UE ta' appoġġ għad-demokrazija;

 

10. Jenfasizza l-importanza ta' klawsoli li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem li diġà jinsabu fit-trattati tal-UE; f'dan il-kuntest, jerġa' jisħaq li klawsoli bħal dawn għandhom l-ewwel jiġu applikati b'mod konsistenti fit-trattati eżistenti, aktar milli jitfasslu trattati ġodda b'aktar kundizzjonijiet;

 

11. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tinkorpora sistematikament taqsima dwar 'l-istat tad-demokrazija' fid-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi, li tinkludi u tintegra rakkomandazzjonijiet minn missonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet tal-EU li jkunu relevanti, u għandha wkoll, meta jkun xieraq, tintegra l-appoġġ għad-demokrazija fil-programmi ta' koperazzjoni ma' pajjizi msieħba;

 

12. Jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet imwettqa skont l-istrumenti finanzjarji differenti, sabiex tkun esplorata bis-sħiħ il-komplementarjetà bejn l-istrumenti ġeografiċi u tematiċi;

 

13. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu konsultazzjoni wiesgħa u komprensiva mal-partijiet interessati kollha tal-UE u ta' pajjiżi terzi, inklużi l-atturi lokali, reġjonali u istituzzjonali u gruppi indipendenti tas-soċjetà ċivili, qabel ma jniedu inizjattivi ġodda ta' bini tad-demokrazija;

 

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkun aktar sistematika fl-involviment ta' istituzzjonijiet demokratiċi fil-livelli kollha, partikularment il-parlamenti u awtoritajiet reġjunali u lokali, fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta’ strumenti speċifiċi għal pajjiż, bħal ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll id-Dokumenti ta' Strateġija għall-Pajjiżi;

 

15. Jenfasizza l-ħtieġa li l-appoġġ tal-UE għad-demokrazija ikun komprensiv, filwaqt li jittratta l-kwistjonijiet kollha koperti mir-riżoluzzjoni tal-2005 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u li jintuża approċċ fit-tul fil-għoti tiegħu; iqis li l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa strument ewlieni ta' għajnuna finanzjarja f'dan il-kuntest u jitlob li l-appoġġ relevanti jinżamm u jissaħħaħ;

 

16. Jilqa’ bi pjaċir il-kontribuzzjoni pożittiva tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE għat-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi, it-titjib fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tat-tmexxija tajba u tal-istat tad-dritt, u b’mod partikulari, fit-tisħiħ mill-ġdid tal-proċessi elettorali fid-dinja kollha; jisħaq madankollu fuq il-ħtieġa li tkun żgurata politika post-elettorali koerenti, li tagħti attenzjoni speċjali għall-konverġenza bejn is-segwitu tekniku u politku, fejn l-appoġġ għall-iżvilupp ikun konsistenti mal-prinċipji demokratiċi u l-valuri tal-governanza demokratika;

 

17. Jenfasizza li l-isforzi ta' bini tad-demokrazija tal-UE għandhom jinkludu b'mod aktar sistematiku enfasi speċjali fuq l-irwol tar-rappreżentanti eletti u tal-partiti politiċi, u tal-midja indipendenti, kif ukoll enfasi fuq it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u pubblika;

 

18. Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' strateġija speċifika li tappoġġja parlamenti ġodda li jkunu ġew eletti demokratikament bil-ħsieb li jiġu msaħħa b’mod permanenti d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba u li tiżviluppa aktar strument "peer-to-peer" bejn parlamentarji tan-nazzjonalitajiet differenti dwar x'jikkostitwixxi rappreżentanza effiċjenti u effettiva tal-interessi tal-elettorat, monoteraġġ effiċjenti u effettiv tal-eżekuttiv u mezzi sabiex jinżamm l-fluss ta' informazzjoni bejn il-partijiet kollha tas-sistema ta' governanza;

 

19. Jikkonferam d-determinazzjoni tiegħu stess li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi billi jtejjeb l-involviment tiegħu fl-osservazzjoni ta' elezzjonijiet, permezz ta' segwitu għall-missjoinijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet tal-UE u tal-bini tal-kapaċitajiet parlamentari permezz tal-Uffiċċju tiegħu għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari (OPPD), li jistgħu jikkontribwixxu għall-bini ta' kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi ta' parlamenti ta' demokraziji ġodda u emerġenti permezz ta' konsulenza, taħriġ, internships, skambji ta' prattiċi tajbin u netwerking; jenfasizza wkoll l-importanza li jkunu involuti assembleji parlamentari bħalma huma l-Assemblea ACP-EU, EUROLAT, EUROMED u EURONEST;

 

20. Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex jissieħbu mal-OPPD meta jkunu qed jikkunsidraw jew iniedu programmi parlamentari ta' appoġġ;

 

21. Jirrakkomanda li l-konklużjoni tal-Kunsill ta' Novembru jinkludi pjan ta' azzjoni u li jkun hemm rapport tal-progress miksub sa tmiem l-2010;

 

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri.

(1)

A5-0219/2004

Avviż legali - Politika tal-privatezza