Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0128/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0128/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009

4.11.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Procedura

Annemie Neyts-Uyttebroeck f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0128/2009

Proċedura : 2009/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0128/2009
Testi mressqa :
B7-0128/2009
Testi adottati :

B7‑0128/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fit-18 ta' Novembru 2009 fi Stokkolma

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li skada fl-2007, għalkemm għadu fis-seħħ sakemm jiġu konklużi n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja u r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, ir-riżoluzzjoni dwar l-aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija tas-17 ta' Settembru 2009 u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar is-Samit UE-Russja f'Khanty-Mansiysk li sar fis-26 u s-27 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra dak li rriżulta mill-Kunsill ta’ Sħubija Permanenti bejn l-UE u r-Russja li sar fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ aġenda tas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jsir dalwaqt fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea qed tkompli bl-impenn tagħha sabiex ikomplu jissaħħu u jiżdiedu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja, sforz li jidher biċ-ċar fl-impenn tal-UE biex tidħol b'mod serju f'negozjati għal ftehim ta' qafas ġdid biex ikomplu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

B.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja qed jiffaċċjaw numru ta’ sfidi serji li m’humiex ġejjin min-naħa tal-UE, partikolarment fir-rigward tat-tħassib ġenerali dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, dwar kontroll ikbar tal-midja, dwar in-nuqqas ta’ ħila tal-pulizija Russa u tal-awtoritajiet ġudizzjarji biex isibu lill-persuni responsabbli tal-qtil ta’ ġurnalisti, dwar miżuri repressivi meħuda kontra l-oppożizzjoni, dwar l-applikazzjoni selettiva tal-liġi mill-awtoritajiet u dwar kemm kienu ġusti l-elezzjonijiet, inklużi dawk li saru reċentement fil-livell reġjonali u lokali,

C. billi l-Unjoni Ewropea għandha titkellem b’vuċi waħda fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja u għandha tibbaża r-relazzjonijiet tagħha mar-Russja fuq is-solidarjetà u l-konformità mal-valuri tal-UE, minkejja l-insistenza tar-Russja li tiffoka fuq relazzjonijiet bilaterali ma’ xi wħud mill-Istati Membri tal-UE,

D. billi l-l-enfasi attwali fuq ''sħubija strateġika bbażata fuq valuri komuni'' għandha tiġi sostitwita b'politika aktar realistika bbażata fuq koperazzjoni prammatika u b'pożizzjoni soda u magħquda min-naħa tal-Istati Membri kollha li tkun wara l-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja,

E.  billi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Russja huma xhieda tal-interdipendenza reċiproka li qed tikber bejn l-UE u r-Russja, li tirrikjedi sforz u impenn konġunt sabiex jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli tagħha,

1.  Jinnota li s-Samit fi Stokkolma se jiffoka fuq il-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-bidla fil-klima, l-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija u jilqa' l-progress li sar fin-negozjati għal ftehim ta' qafas ġdid;

2.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet futuri mar-Russja b’mod iktar prammatiku, filwaqt li tingħata attenzjoni kontinwa lill-Erba’ Żoni Komuni u lill-bżonn ta’ ftehim ta’ qafas ġdid, u billi wieħed jiffoka fuq koperazzjoni konkreta, proġetti konġunti u fuq l-implimentazzjoni tal-impenji u l-ftehimiet li saru s’issa;

3.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehim ġdid li jmur lil hinn minn koperazzjoni purament ekonomika u li jkun jinkludi wkoll l-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, għalkemm is-sitwazzjoni attwali fir-Russja tqajjem tħassib serju fir-rigward tal-impenji u l-kapaċità tagħha li tħares dawn il-prinċipji u valuri;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv li r-Russja tissieħeb fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex tkun tista' tattira iktar investiment barrani u toħloq diversifikazzjoni fl-ekonomija tagħha; għandu dubji madankollu dwar jekk id-deċiżjoni reċenti min-naħa tar-Russja li toħloq unjoni doganali mal-Kazakistan u mal-Belarus tistax ittawwal il-proċess, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiċċaraw jekk din l-unjoni doganali ġdida hijiex konformi mal-obbligi tar-Russja li tilħaq il-kriterji ta' sħubija tad-WTO;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problemi fil-fruntieri bejn l-UE u r-Russja u biex jinvolvu ruħhom fi proġetti konkreti u jagħmlu użu sħiħ mill-Istrument ta' Viċinat u Sħubija l-ġdid u mill-fondi INTERREG għall-koperazzjoni transkonfinali, kif ukoll biex jimplimentaw il-ftehim preċedenti dwar it-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja;

6.  Jistenna bil-ħerqa l-iffirmar ta' ftehim dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' twissija bikrija dwar is-sigurtà tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja biex ikopri n-notifika, il-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni u jistieden lill-Presidenza Svediża u lill-Kummissjoni biex jaħdmu mal-awtoritajiet Russi, mal-Gazprom, mal-awtoritajiet tal-Ukraina u man-Naftohaz Ukrainy biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-qtugħ tal-provvista li seħħ dawn l-aħħar snin;

7.  Jistieden lill-Presidenza Svediża biex tuża s-Samit sabiex tiċċara lill-kontropartijiet Russi tal-UE ż-żieda fil-miżuri li l-Unjoni qed tieħu dwar is-solidarjetà interna tal-enerġija u l-konsegwenzi negattivi fuq medda twila ta' żmien li jistgħu jiġu kkawżati minn problemi fil-provvista Russa;

8.  Itenni li l-koperazzjoni fl-enerġija bejn l-UE u r-Russja trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tal-Enerġija, li trid tkun inkorporata fil-ftehim ta’ qafas il-ġdid bejn l-UE u r-Russja sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ta’ investiment reċiproku trasparenti u ġusti, aċċess ugwali u suq ibbażat fuq ir-regoli;

9.  Jitlob lill-Presidenza Svediża u lill-Kunsill biex jaħdmu bis-saħħa mal-parti Russa sabiex jintlaħaq ftehim globali fis-Samit dwar il-Bidla fil-Klima f'Kopenħagen f'Diċembru li jkun jiżgura impenn vinkolanti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju;

10. Itenni t-talba tiegħu biex tingħata spinta lid-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma tal-Istat u mis-soċjetà ċivili u minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

11. Jenfasizza li implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-ftehim attwali ta' faċilitazzjoni tal-kisba ta' visa hija ta' importanza fundamentali u tikkostitwixxi prerekwiżit għal kwalunkwe sforz lejn liberalizzazzjoni ulterjuri tal-visa;

12. Jitlob lill-Presidenza Svediża biex tuża s-Samit sabiex tesprimi b'mod ċar it-tħassib tal-UE dwar numru ta' kwistjonijiet internazzjonali li fihom koperazzjoni kostruttiva min-naħa tar-Russja hija essenzjali; jinnota b'mod partikolari l-bżonn li tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet pendenti fil-Kawkasu tan-Nofsinhar iżda wkoll, minħabba l-pożizzjoni tar-Russja fil-politika internazzjonali, il-bżonn ta' koperazzjoni ikbar fit-trattament tal-kwistjonijiet tal-Iran, l-Afganistan u l-Lvant Nosfani u ta' kwistjonijiet kruċjali oħra fl-aġenda internazzjonali;

13. Jitlob lill-Presidenza fil-kariga biex tesprimi l-appoġġ tal-UE għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti dwar Trattat għat-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.