MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Programmazzjoni Konġunta tar-riċerka għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, b’mod partikulari l-marda ta’ Alzheimer
4.11.2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Françoise Grossetête, Elena Oana Antonescu, f'isem il-Grupp PPE-DE
Patrizia Toia f'isem il-Grupp S&D
Jorgo Chatzimarkakis f'isem il-Grupp ALDE
Philippe Lamberts f'isem il-Grupp Verts/ALE
Giles Chichester f'isem il-Grupp ECR
Marisa Matias, Nikolaos Chountis, f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑B7‑0133/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Programmazzjoni Konġunta tar-riċerka għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, b’mod partikulari l-marda tal-Alzheimer
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-r-Rapport Dinji dwar l-Alzheimer 2009) maħruġ mill-organizzazzjoni Alzheimer’s Disease International (ADI) fil-kuntest tal-Jum Dinji tal-Alzheimer, il-21 ta' Settembru 2009[1],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, b’mod partikulari l-marda ta’ Alzheimer, permezz ta’ programmazzjoni konġunta tal-attivitajiet tar-riċerka (COM(2009)379 finali),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115 (5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer u l-Parkinson hu kontributur ewlenin għad-diżabbiltà fit-tul, u jaffettwa lil aktar minn 7 miljun Ewropew, għadd li probabbilment ser jirdoppja fis-snin li ġejjin minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ,
B. billi attwalment ma hemm l-ebda kura disponibbli għall-mard newrodiġenerattiv, u l-għarfien dwar il-prevenzjoni, it-trattament, u l-identifikazzjoni tal-fatturi ta' riskju huwa limitat ħafna,
C. billi l-ispiża tal-mard għad-disturbi tad-dimenzja fl-UE27 fl-2005 kienet stmata li tilħaq EUR 130 biljun, jiġifieri madwar EUR 21,000 kull sena għal kull persuna affettwata mid-dimenzja (dan it-total medju jinkludi l-ispejjeż diretti u l-ispejjeż li jintefqu f'kura informali),
D. billi l-mard tal-Alzheimer u tal-Parkinson u forom relatati ta' dimenzja huma studjati minn perspettivi multipli u minn oqsma differenti ta' riċerka, u dan jista' jikkontribwixxi għal frammentazzjoni ulterjuri tal-attivitajiet ta' riċerka,
E. billi ħafna mill-isforzi tar-riċerka f'dan il-qasam jitwettqu mill-Istati Membri, b'livell relattivament baxx ta' koordinazzjoni transnazzjonali, u dan iwassal għal frammentazzjoni u l-qsim limitat tal-għarfien u tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proġett pilota propost għall-programmazzjoni konġunta tar-riċerka f'dan il-qasam; jemmen li l-istrument tal-programmazzjoni konġunta jista' jkun ta' siwi kbir fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-isforz ta' riċerka, u dan iwassal għal ġbir flimkien ta' massa kritika ta' ħiliet, għarfien u riżorsi finanzjarji;
2. Iqis il-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer u l-Parkinson bħala waħda mill-akbar sfidi tal-Ewropa mil-lat ta' saħħa mentali, u hu tal-fehma li l-ġlieda kontra l-Alzheimer u Parkinson għandhom għalhekk jindirizzaw sfida doppja: li jipprovdu kura għal numru dejjem jikber ta' pazjenti fuq bażi ta' minn jum għall-ieħor u li jiżguraw aktar riżorsi b'tali mod li l-għadd ta' pazjenti fil-ġejjieni dejjem jonqos; konsegwentement jappoġġja r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill;
3. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi biex jindirizzaw l-effetti tal-mard newrodeġenerattiv, speċjalment tal-Alzheimer u l-Parkinson, fil-livell soċjali u fil-livell ta' saħħa pubblika, fil-kuntest ta' popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ u wkoll bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ġejjiena tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali;
4. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha sabiex jinvolvu ruħhom b'mod attiv fid-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' aġenda ta' riċerka komuni fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv;
5. Jistieden lill-Istati Membri sabiex itejbu d-data epidemoloġika dwar il-mard tal-Alzheimer u forom oħra ta' dimenzja, b'mod partikolari fil-fażijiet li ma jurux sintomi u qabel il-bidu tal-istat ta' inċapaċità;
6. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' approċċ multidixxiplinarju għall-riċerka f'dan il-qasam, li jinkludi fih dijanjosi, trattament, prevenzjoni u riċerka soċjali fil-benesseri tal-pazjenti u l-familji tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom; jemmen li t-testijiet dijanjostiċi bikrija, ir-riċerka fil-fatturi ta' riskju (bħall-ambjent), u l-kriterji għal dijanjosi bikrija huma kollha kruċjali; f'dan ir-rigward iqis li hemm valur miżjud ċar fit-twettiq ta' studji epidemjoloġiċi u kliniċi fuq skala kbira b' kollaborazzjoni transnazzjonali;
7. Jemmen li l-programmi ta' riċerka għandhom jikkonċentraw, bħala prijorità, fuq il-prevenzjoni, il-bijomarkaturi (inkluża s-suxxettibilità ġenetika), il-metodi tat-teħid ta' immaġnijiet dijanjostiċi, il-metodi ta' dijanjosi bikrija bbażati fuq approċċ multidixxiplinarju, l-istandardizzazzjoni tal-kriterji u tal-għodod dijanjostiċi u l-ħolqien ta' bażijiet tad-wiesgħa li jistgħu jintużaw għal studji dwar il-popolazzjoni, l-istrateġiji tat-trattamenti u studji kliniċi dwar sustanzi ġodda kimiċi u bijoloġiċi, vaċċini u teknoloġiji;
8. Jirrimarka dwar l-importanza tar-riċerka dwar il-konnessjoni bejn il-proċess tax-xjuħija u dimenzja u bejn id-dimenzja u d-dipressjoni fil-fażi tax-xjuħija; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu programmi ta' riċerka li jagħtu importanza kbira lill-għażla u lill-perspettiva tal-pazjent;
9. Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jibni fuq l-istrutturi eżistenti għall-istabbiliment ta' dan il-proġett pilota, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' strutturi burokratiċi ġodda, u li fejn huwa possibbli jikkollabora mal-industrija sabiex jibbenefika mir-riżorsi u mill-esperjenza disponibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-indipendenza u l-awtonomija;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jinkludu l-problemi tad-dimenzja fl-inizjattivi kollha eżistenti u ġejjieni tal-Unjoni Ewropea relatati mal-prevenzjoni tal-mard, b'mod partikolari d-dijanjosi bikrija, is-saħħa kardjovaskulari u l-attività fiżika;
11. Iqis li huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tadotta rakkomandazzjoni li tistieden lill-Istati Membri biex jinfurmaw l-opinjoni pubblika dwar il-bidliet fl-istil tal-ħajja li jistgħu jipposponu jew jevitaw li jibda l-mard newrodeġenerattiv, speċjalment l-Alzheimer u l-Parkinson, u li jippromwovu 'stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa tal-moħħ';
12. Jissuġġerixxi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tnedija ta' Sena Ewropea tal-Moħħ sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-moħħ assoċjat max-xjuħija u l-miżuri biex dan jiġi evitat;
13. Jistieden lill-Kunsill biex jinvolvi kif jixraq lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u ta' dawk li jieħu ħsiebhom u tal-fornituri tal-kura tas-saħħa b'mod xieraq fil-proġett pilota għall-Programmazzjoni Konġunta tar-riċerka f'dan il-qasam;
14. Jistieden lill-Kunsill sabiex jinforma lill-Parlament dwar il-progress u r-riżultati ta' dan il-proġett pilota;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-Parlament kif xieraq fi kwalunkwe deċiżjoni li tappoġġja lil dan il-proġett pilota, u kwalunkwe inizjattiva ġejjiena tal-programmazzjoni konġunta fil-qasam tar-riċerka, b'finanzjament mis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp (FP7);
16. Jemmen li l-Artikolu 182 (5) tat-Trattat ta' Lisbona, li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni taż-żona Ewropea tar-riċerka, jista' jipprevedi bażi legali aktar xierqa għal inizjattivi ġejjiena ta' programmazzjoni konġunta fil-qasam tar-riċerka; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra serjament li tuża din il-bażi legali għall-proposti kollha ġejjiena dwar il-programmazzjoni konġunta ta' attivitajiet ta' riċerka;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.