Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0161/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0161/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar soluzzjoni politika rigward il-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

23.11.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Reinhard Bütikofer, Franziska Katharina Brantner, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2009/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0161/2009
Testi mressqa :
B7-0161/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0161/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar soluzzjoni politika rigward il-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja u NAVFOR,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-instabilità tas-Somalja, li ilha stat fallimentari għal kważi għoxrin sena, eskalat u holqot kriżi umanitarja profonda u kriżi tas-sigurtà,

B.  billi s-Somalja ma’ kellha l-ebda gvern li jiffunzjona mill-waqa’ tar-reġim ta’ Barre Siad fl-1991, minn meta saret instabbli u kkaratterizzata mill-anarkija, mill-ġlied bejn il-clans, mill-estremiżmu Islamiku, mill-kriminalità organizzata u mill-brigantaġġ,

C. billi l-gwerra ċivili ħalliet għadd kbir ta’ ċivili mejta, u s-sigurtà tal-popolazzjoni hija ta’ tħassib serju ħafna,

D. billi fis-Somalja għadhom qed jitwettqu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-partijiet kollha tal-kunflitt fis-Somalja – speċifikament it-tortura u trattament ħażin ieħor, stupri, eżekuzzjonijiet extra-ġudizzjarji, detenzjoni arbitrarja u attakki fuq ċivili, ġurnalisti u fuq infrastruttura ċivili;

E.  billi s-sitwazzjoni fis-somalja hija kkumplikata ulterjorment minn atti ta’ piraterija u serq armat kontra vapuri, inklużi attakki fuq vapuri li jittrasportaw l-għajnuna umanitarja,

F.  billi l-bastimenti tas-sajd minn ħafna pajjiżi ħadu vantaġġ mill-kaos fis-Somalja biex jistadu fiż-żona ta’ 200 mil nawtiku tas-Somalja mill-1990, u b’hekk imminaw l-għajxien tas-sajjieda Somali,

G. billi l-piraterija fl-ibħra miftuħa ’l barra mis-Somalja hija theddida dejjem tikber għall-ħajja u s-sigurtà umana, u għall-provvista tal-għajnuna umanitarja, partikolarment fl-ibħra ’l barra mill-kosta tas-Somalja u l-pajjiżi l-oħra tal-Qarn tal-Afrika;

H. billi fit-8 ta' Diċembru 2008, l-UE nidiet l-operazzjoni marittima tagħha EU NAVFOR Somalia (jew Operation Atalanta) bil-għan li tipproteġi l-convoys marittimi tal-Programm Dinji tal-ikel (WFP) u vapuri merkantili oħra li jkunu qed ibaħħru fl-ibħra lilhinn mis-Somalja;

I.   billi, skond rapport mill-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP), għadd kbir ta' vjaġġi illegali bi skart tossiku, li l-kontenut tagħhom qed inixxi, ġew depożitati matul il-kosta tas-Somalja, fejn is-saħħa tal-popolazzjoni lokali u l-konservazzjoni tal-ambjent ġew totalment injorati,

J.   billi, skond l-istess rapport, parti mill-iskart mormi fil-baħar oriġina fl-Unjoni Ewropea, u billi dan l-iskart qed jagħmel ħsara irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fir-reġjun, bi ksur flagranti tad-drittijiet tal-bniedem,

1.  Jistieden lill-fazzjonijiet Somali kollha biex itemmu l-vjolenza, biex jirrispettaw b'mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet individwali, u biex jobbligaw ruħhom serjament għall-paċi u l-proċess ġenwin ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali billi jistabbilixxu djalogu politiku kostruttiv bejniethom;

2.  Jikkundanna bil-qawwa kull att ta’ piraterija jew serq armat;

3.  Jikkunsidra li l-ħtif fuq il-baħar tas-snin reċenti jiddependi minn organizzazzjonijiet internazzjonali sofistikati; jiċħad l-isforzi biex it-tort jingħata lis-sajjieda Somali, li huma stess huma vittmi tan-nuqqas ta’ governanza u mmaniġġjar tas-sajd fis-Somalja li ilhom kważi għoxrin sena;

4.  Jinnota bi tħassib li l-bastimenti tas-sajd tal-UE issa qed iġorru jew suldati jew forzi tas-sigurtà privati, u jwissi kontra eskalazzjoni possibbli tal-konflitt;

5.  Jirrakkomanda bil-qawwa lill-UE biex tappoġġja l-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni (TFG) l-ġdid tas-Somalja u l-awtoritajiet lokali rilevanti biex itejbu l-infrastruttura bażika u jerġgħu jibdew l-attivitajiet ekonomiċi fir-rigward, b'mod partikolari, l-attivitajiet tas-sajd, il-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar u l-ġestjoni tal-iskart, biex joħolqu l-impjiegi għaż-żgħażagħ b'mod partikolari;

6.  Huwa tal-fehma li l-involviment tal-organizzazzjonijiet tan-nisa Somali u s-soċjetà ċivili Somala jista’ jkollu rwol pożittiv fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali;

7.  Ifakkar li l-komunità internazzjonali u l-partijiet kollha fil-konflitt preżenti għandhom responsabilità li jipproteġu lill-persuni ċivili;

8.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana u lill-UE sabiex jeżaminaw modi u mezzi dwar kif jassistu lill-poplu tas-Somalja biex jikseb il-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u sabiex itemmu s-sitwazzjoni li qed toħloq tant miżerja u tbatija fost il-popolazzjoni ċivili;

9.  Jistieden lill-Istati tal-bandiera tal-UE, lill-Kummissjoni u lill-Organizzazzjonijiet tat-Tmexxija tas-Sajd Reġjonali biex jevitaw l-ispustament ta’ bastimenti tas-sajd mill-Oċejan Indjan għal oċejani oħra li jista' jwassal għall-kapaċità eċċessiva ta’ sajd u ta’ sajd żejjed;

10. Jistieden lill-Parlament Federali ta’ Tranżizjoni u lit-TFG ġdid biex, b’kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, iqisu l-piraterija u s-serq bl-armi li jsiru mill-kosta tas-Somalja fuq bastimenti li jġorru għajnuna umanitarja bħala atti kriminali, li l-awturi tagħhom għandhom jinġiebu quddiem il-ġustizzja skont il-liġi internazzjonali eżistenti;

11. Jinnota, f’dan ir-rigward, il-ftehimiet iffirmati mal-Kenja u mar-Repubblika tas-Seychelles dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti li jmexxu t-trasferiment min-NAVFOR tal-UE ta’ persuni suspettati b’atti ta’ piraterija u serq armat, u t-trattament tagħhom wara t-trasferiment; jistieden lill-Kunsill sabiex jassigura li d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt ikunu rispettati b’mod sħiħ;

12. Jiddubita jekk it-TFG għandux leġittimità suffiċjenti biex jingħata l-appoġġ ta’ missjoni ta’ taħriġ tal-UE li jkollha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet militari tat-TFG; jiddubita wkoll mill-effikaċja ta’ ftit eluf ta’ suldati addizzjonali li jkollhom impatt sinifikattiv fuq il-bini ta' stat sostenibbli; jinsab imħasseb dwar il-possibilità li l-forzi tas-sigurtà tas-Somalja, imħarrġa u mgħammra b’mod professionali, jistgħu jbiddlu l-lealtà tagħhom u jingħaqdu mal-milizja ta’ kmandant militari;

13. Jesprimi r-riservi tiegħu dwar il-Kunċett tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet (CMC) adottata mill-Ministri tad-Difiża tal-UE fis-17 ta’ Novembru 2009, li tinkludi l-possibilità ta’ missjoni ta’ taħriġ tal-ESPD fl-Uganda għal 2000 forza tas-sigurtà tas-Somalja, u jħeġġeġ lill-Kunsill jippreżenta strateġija politika kredibbli għas-Somalja li tirrefletti b’mod realistiku l-prospetti tal-bini ta’ stat għas-Somalja u jiġbor fil-qosor il-kontribut tal-UE li jġib valur reali miżjud għall-missjoni eżistenti tal-Unjoni Afrikana (AMISOM) u l-isforzi ta’ atturi oħra;

14. Jitlob lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE sabiex iżidu l-provvista tal-għajnuna umanitarja għall-persuni internament spustjati u l-popolazzjoni fil-bżonn;

15. Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jagħmlu investigazzjoni sħiħa dwar ir-rimi ta’ skart tossiku u s-sajd illegali tul il-kosta tas-Somalja, sabiex jistabbilixxu r-responsabilitajiet fil-livelli kollha, jappoġġjaw l-isforzi sabiex dawk responsabbli għal dawn l-atti kriminali jitressqu quddiem il-qorti u sabiex jiżguraw li t-tniġġis ambjentali jkun indirizzat b’mod komprensiv;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni u lill-Unjoni Afrikana.