Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0162/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0162/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar soluzzjoni politika rigward il-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

23.11.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sabine Lösing, Willy Meyer, Ilda Figueiredo f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2009/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0162/2009
Testi mressqa :
B7-0162/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0162/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1816 tat-2 ta’ Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 20008, u ta’ Lulju 2009;

–   wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali b’appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Sigurtà tas-Somalja u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) li saret fi Brussell fit-23 ta’ April 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Uffiċċju Marittimu tal-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali (IMB) fl-2009 dwar “il-Piraterija u s-Serq bl-armi kontra l-vapuri”,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) tas-17 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-qagħda politika, soċjali, ekonomika u umanitarja fis-Somalja titlob attenzjoni partikolari u sostnuta mill-komunità internazzjonali, sabiex tappoġġa l-proċess ta' paċi, u r-ristawr u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż,

B.  billi 1.5 miljun ruħ jiddependu fuq id-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) għall-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum,

C. billi fil-Konferenza li saret fi Brussell f'April 2009 kważi $ 213 miljun ġew imwiegħda biex jgħinu l-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni (TFG) l-ġdid tas-Somalja jġib il-paċi u l-istabilità, li minnhom $ 40 miljun biss ingħataw;

D. billi l-Riżoluzzjoni 1816 tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU ppermettiet lill-Istati li jikkooperaw mal-gvern ta' tranżizzjoni tal-pajjiż biex jidħlu fl-ibħra territorjali tas-Somalja bl-iskop li joħonqu atti ta' piraterija u serq bl-armi fuq il-baħar, b'mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi internazzjonali,

E.  billi l-operazzjoni ATALANTA/EUNAVFOR kienet imnedija fit-8 ta' Diċembru 2008 u saret kompletament operattiva fi Frar 2009 bil-mandat li tgħin fil-protezzjoni tal-bastimenti tad-WFP li jwassli għajnuna ta' ikel lill-persuni spustjati fis-Somalja, u biex tipproteġi bastimenti vulnerabbli li jbaħħru fil-Golf ta' Aden u barra mill-kosta tas-Somalja u biex tipprevjeni u trażżan atti ta' piraterija u serq armat 'il barra mill-kosta tas-Somalja,

F.  billi l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) hija prinċipalment iffinanzjata mill-Faċilità Afrikana għall-Paċi li hija ffinanzjata mir-riżorsi mill-pakkett ta' żvilupp fit-tul tad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF);

G. billi minħabba s-sitwazzjoni kritika fis-Somalja l-Ministri tad-Difiża tal-UE ddeċidew fil-laqgħa tagħhom ta' Gothenburg fl-aħħar ta' Settembru 2009 li jibagħtu missjoni tal-UE sabiex timplimenta riforma tas-settur tas-sigurtà fis-Somalja; u billi fis-17 ta' Novembru 2009, approvaw Kunċett għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet bil-possibilità li ssir missjoni tal-ESDP li tagħti kontribut għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà TFG u talbu li ssir aktar ħidma ta' ppjanar, bla ma ssir ħsara lil deċiżjonijiet sussegwenti dwar il-possibilità ta' azzjoni tal-ESDP,

H. billi l-attakki fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja żdiedu għal ħames darbiet u nfirxu għal żona tal-baħar ħafna akbar mit-tnedija tal-operazzjoni ATALANTA/EUNAVFOR,

I.   billi, skont rapport tal-IMB, l-attakki żdiedu minn 19 fl-ewwel nofs tal-2008 għal 100 fl-ewwel nofs tal-2009;

J.   billi l-Gvern tas-Somalja kien sfurzat ikeċċi gwardja tal-kosta tiegħu minħabba nuqqas ta' riżorsi finanzjarji minħabba l-kriżi tad-dejn internazzjonali; billi dan ħoloq vojt li ġie sfruttat għas-sajd illegali fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja u din huwa waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex is-sajjieda Somali tilfu l-għajxien tagħhom;

1.  Jiddikjara li ma jista’ jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kriżi fis-Somalja;

2.  Jistieden lill-pajjiżi ġirien kollha jżommu lura milli jintervjenu fis-Somalja;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkuraġġixxu l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet involuti fil-gwerra ċivili fis-Somalja; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw l-appoġġ tekniku u finanzjarju tagħhom għal proċess ta’ rikonċiljazzjoni bħal dan u l-medjazzjoni bejn il-partijiet tal-gwerra ċivili;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrevedu l-istrateġija politika tagħhom dwar is-Somalja u l-operazzjoni-ATALANTA/EUNAVFOR, għax dan ma jistax jitqies bħala suċċess minħabba n-numru dejjem jiżdied ta' attakki u l-vjolenza dejjem tikber;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffokaw fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż b’mod ġenerali, u l-iktar importanti l-ħtieġa li jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja fuq l-art u biex jeqirdu l-kawżi reali tas-sitwazzjoni diżastruża li tikkawża tbatija lil miljuni ta’ Somali;

6.  Jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-missjoni ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà tal-UE u ma’ kwalunkwe missjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Ewropea (ESDP) possibbli fis-Somalja jew fir-reġjun;

7.  Jenfasizza li r-riżorsi għall-għajnuna għall-iżvilupp, jiġifieri, l-EDF, m’għandhomx jintużaw għall-ebda skop militari; joġġezzjona bil-qawwa għall-użu tal-EDF fit-taħriġ ta’ forzi militari fir-riforma tas-settur ta’ sigurtà fis-Somalja; jiddikjara li l-EDF għandu jibqa’ rigorożament strument biex tiġi ffinanzjata l-ġlieda biex jinqerdu l-faqar u l-ġuħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni u lill-Parlament Federali ta’ Tranżizzjoni tas-Somalja.