Proċedura : 2009/2751(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0164/2009

Testi mressqa :

B7-0164/2009

Dibattiti :

PV 25/11/2009 - 15
CRE 25/11/2009 - 15

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2009 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0100

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kWORD 96k
23.11.2009
PE432.780v01-00
 
B7-0164/2009

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0225/2009 – O-0119/2009

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ambjenti bla tipjip


Theodoros Skylakakis f'isem il-Grupp PPE-DE
Edite Estrela f'isem il-Grupp S&D
Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE
Carl Schlyter f'isem il-Grupp Verts/ALE
Jiří Maštálka u Eva-Britt Svensson f'isem il-Grupp GUE/NGL
Marina Yannakoudakis f'isem il-Grupp ECR
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ambjenti bla tipjip  
B7‑0164/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 152(4),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2009 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip (COM(2009)0328),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2007 bit-titlu "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell tal-UE" (COM(2007)0027),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-Green Paper 'Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta’ l-UE'(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Frar 2005 u tal-4 ta' Settembru 2008 dwar 'Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010',

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tal-2003 tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), b'mod partikolari l-Artikolu 8 (protezzjoni mill-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk) u l-Artikolu 14 (miżuri ta' tnaqqis tad-domanda fir-rigward tad-dipendenza fuq it-tabakk u l-waqfien mit-tipjip),

–   wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropea tal-WHO tal-2004 dwar il-politika għall-waqfien mit-tipjip,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO għall-politiki tal-2007 dwar il-ħarsien mill-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk "second-hand" (tipjip passiv),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-tabakk waħdu huwa l-ikbar kawża ta' mwiet li jistgħu jiġu evitati, responsabbli għal iktar minn nofs miljun mewt kull sena fl-UE(2),

B.  billi huwa stmat li 25% tal-imwiet kollha mill-kankru u 15% tal-imwiet kollha fl-UE jistgħu jiġu attribwiti lit-tipjip(3); billi skont stimi konservattivi, 7 300 adult, inkluż 2 800 persuna li ma jpejpux, mietu bħala konsegwenza tal-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk fl-ambjent (ETS) fil-post tax-xogħol tagħhom fl-UE fl-2002; u 72 000 mewt oħra ta' adulti, inklużi dawk ta' 16 400 persuna li ma jpejpux, ġew konnessi mal-espożizzjoni għall-ETS fid-dar(4),

C. billi, skont is-servej tal-Eurobarometer ta' Marzu 2009, 70% tal-popolazzjoni tal-UE huma persuni li ma jpejpux u maġġoranza kbira taċ-ċittadini huma favorevoli għal projbizzjoni fil-postijiet pubbliċi kollha (postijiet tax-xogħol, ristoranti, bars u pubs),

D. billi, minkejja l-fatt li huwa ovvju li t-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-ETS, id-data rispettiva speċifikament iffukata fuq il-konsegwenzi tal-espożizzjoni tat-tfal fuq perjodi twal ta' żmien u b'mod sistematiku għall-ETS jew mhijiex suffiċjenti jew mhijiex disponibbli, u studju li jipprovdi d-data rilevanti jista' jitħejja b'mod aktar effettiv f'livell pan-Ewropew u huwa preferibbli għal 27 studju differenti fis-27 Stat Membru differenti;

E.  billi l-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk fl-ambjent (ETS) – magħruf ukoll bħala duħħan passiv tat-tabakk – huwa kawża addizzjonali sinifikanti ta' mortalità, morbożità u diżabilità fl-UE,

F.  billi d-dħaħen tat-tabakk huma taħlita tossika kumplessa ta' iktar minn 4 000 komponenti tal-gass u tal-partikolati, inklużi 69 karċinoġeniku magħruf u diversi aġenti tossiċi,

G. billi l-ETS ġie kklassifikat bħala karċinoġeniku magħruf tal-bniedem mill-aġenzija Internazzjonali tal-WHO għar-Riċerka dwar il-Kankru,

H. billi m'hemmx livell sikur ta' espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk; billi kulħadd għadu d-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u għandu jiġi protett minn espożizzjoni bħal din, u billi t-tfal huma partikolarment vulnerabbli għat-tniġġis tat-tabakk,

I.   billi min ipejjep jieħdu aktar ġranet ta' waqfien mix-xogħol minħabba mard fuq perjodi qosra u twal meta mqabbel ma' dawk li ma jpejpux u dawk li waqfu jpejpu, b'mod li jżid mal-ispiża kbira ħafna tal-konsum tat-tabakk għall-individwi, għal min iħaddem, għan-negozji u għall-ekonomija kollha kemm hi,

J.   billi t-tfal ma jistgħux jagħtu l-kunsens tagħhom għall-espożizzjoni tagħhom għall-ETS fi spazji magħluqa, u għandhom id-dritt li jiġu protetti u li ma ssirilhomx ħsara permezz ta' prattiki li huma ta' ħsara għas-saħħa tagħhom,

K. billi l-espożizzjoni għat-tniġġis mid-dħaħen tat-tabakk waqt it-tqala tista' twassal għal żieda fir-riskju ta' malformazzjonijiet, ta' korrimenti, ta' ħlas prematur u mortalità fit-twelid, waqfien fl-iżvilupp tal-fetu, ċirkonferenza iżgħar tar-ras u piż anqas fit-twelid, u billi teżisti relazzjoni bejn it-tipjip passiv u l-infjammazzjoni tan-naħa ta' ġewwa tal-widna, iffunzjonar difettuż tal-pulmuni, l-ażma kif ukoll il-mewt għal għarrieda tat-trabi,

L.  billi l-evidenza turi li l-introduzzjoni ta' politiki kontra t-tabakk irriżultat f'titjib ġenerali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u f'inċidenza mnaqqsa ta' morbożità relatata mat-tipjip (pereżempju inċidenti koronarji akuti, kundizzjonijiet respiratorji jew infezzjonijiet tal-mijokardju),

M. billi l-ispejjeż għas-sistemi tas-saħħa li jirriżultaw mill-konsum tat-tabakk jitħallsu mill-popolazzjoni b'mod ġenerali u mhux minn dawk li kienu responsabbli biex dawn l-ispejjeż jinħolqu,

N. billi l-UE u 26 mis-27 Stat Membru diġà ffirmaw u rratifikaw l-FCTC; filwaqt li jfakkar ukoll fil-preambolu tal-Kostituzzjoni tal-WHO, li jgħid li t-tgawdija tal-ogħla standard ta' saħħa li jista' jintlaħaq hija wieħed mid-drittijiet fundamentali ta' kull bniedem,

O. billi l-Artikolu 8 tal-FCTC joħloq obbligu legali għall-Partijiet tiegħu li jadottaw u jimplimentaw, f'oqsma ta' ġurisdizzjoni nazzjonali eżistenti kif determinata bil-liġi nazzjonali, u biex jippromwovu b'mod attiv, f'livelli ġurisdizzjonali oħra, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi biex jipproteġu lill-persuni mill-espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk fil-postijiet kollha tax-xogħol li jinsabu ġewwa, fit-trasport pubbliku u postijiet pubbliċi li jinsabu ġewwa u, skont kif ikun xieraq, f'postijiet pubbliċi oħra,

P.  billi l-Parlament stieden lill-Istati Membri biex jintroduċu, sa Ottubru 2009, projbizzjoni mingħajr restrizzjonijiet fuq it-tipjip fil-postijiet tax-xogħol magħluqa kollha, inklużi stabbilimenti tal-ikel u tax-xorb, u fil-bini pubbliku magħluq u fil-mezzi ta' trasport pubbliku magħluqa kollha fl-Unjoni Ewropea,

Q. billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija ferm differenti fost l-Istati Membri,

1.  Jiddispjaċih li l-Presidenza ddeċidiet li tadotta r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill mingħajr l-opinjoni tal-Parlament;

2.  Jiddispjaċih, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li fil-livell tal-UE, minkejja l-kompetenza tal-Komunità fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar il-post tax-xogħol, il-kwistjoni tal-ambjenti bla tipjip s'issa ġiet indirizzata f'riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ma jorbtux;

3.  Jiddispjaċih għall-fatt li n-nuqqas ta' regolamenti komprensivi dwar ambjenti bla tipjip fil-maġġoranza tal-Istati Membri (b'mod partikolari fis-setturi tal-ospitalità u tad-divertiment) jirriżulta f'inugwaljanzi bejn gruppi ta' ħaddiema u gruppi soċjoekonomiċi differenti, bil-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità li għandhom probabilità tliet darbiet aktar li jkunu esposti għad-dħaħen tat-tabakk għal iktar minn ħames sigħat kuljum meta mqabbla ma' ħaddiema li jaħdmu f'uffiċċju;

4.  Jirrimarka li l-Parlament ippromwova b'mod konsistenti miżuri aktar b'saħħithom biex tiġi indirizzata d-dipendenza fuq it-tabakk u biex jitnaqqas l-espożizzjoni fost iż-żgħażagħ għad-duħħan passiv tat-tabakk;

5.  Jenfasizza l-effetti serji ta' ħsara li għandhom id-duħħan passiv tat-tabakk, l-effetti partikolari li l-espożizzjoni għal sustanzi ta' ħsara jista' jkollha matul il-perjodu vulnerabbli tat-tfulija, u l-fatt li t-tfal m'għandhomx il-kapaċità legali li jagħtu l-kunsens tagħhom għal espożizzjoni sistematika u fuq perjodu twil ta' żmien għal ambjenti mimlijin bid-dħaħen tat-tabakk;

6.  Jenfasizza li l-liġijiet nazzjonali differenti jirriżultaw f'differenzi kbar fil-protezzjoni minn espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk bejn l-Istati Membri;

7.  Iqis li hu essenzjali li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-projbizzjonijiet tat-tipjip fl-Istati Membri għandha, filwaqt li tipprovdi ċertezza legali, tirrispetta l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn tipi differenti ta' stabbilimenti fis-settur tal-ospitalità;

8.  Jilqa' l-fatt li l-UE qed tiżviluppa b'mod attiv politika komprensiva ta' kontroll tat-tabakk ikkaratterizzata minn mizuri legizlattivi, appogg ghal attivitajiet ta' prevenzjoni tat-tipjip u waqfien mit-tipjip madwar l-UE kollha, l-integrazzjoni sistematika tal-kontroll tat-tabakk f'firxa ta' politiki Komunitarji oħra u l-għoti ta' rwol ewlieni lill-UE fil-kontroll tat-tabakk fil-livell globali;

9.  Jilqa' r-rieda tal-UE li tiġġieled kontra l-konsum tat-tabakk, kif ukoll il-koerenza murija reċentament fil-politiki tagħha, bit-twaqqif sal-2010 tas-sussidji diretti għat-tkabbir tat-tabakk marbuta mal-produzzjoni, wara r-riforma tal-2004 tas-settur tat-tabakk (Regolament (KE) Nru 864/2004 tad-29 ta' April 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003);

10. Jenfasizza li leġiżlazzjoni li torbot ibbażata fuq l-Artikoli 137 u 152 tat-Trattat tista' potenzjalment iġġib l-ikbar tnaqqis fil-prevalenza tal-ETS u fl-ispejjeż għas-saħħa u għall-ekonomija relatati miegħu; jirrikonoxxi, madankollu, li dawn l-artikoli, u b'mod partikolari l-Artikolu 137, ma jindirizzawx b'mod dirett il-problemi speċifiċi tat-tfal;

11. Jenfasizza li hija biss projbizzjoni sħiħa tat-tipjip fl-ambjenti tax-xogħol magħluqin kollha, inklużi l-istabbilimenti tal-ikel u tax-xorb, u fil-bini pubbliku kollu kif ukoll fil-mezzi ta' trasport pubbliku kollha, li tista' tħares is-saħħa tal-ħaddiema u ta' dawk li ma jpejpux u li tagħmilha kunsiderevolment aktar faċli għal dawk li jpejpu biex jieqfu jpejpu;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni ta' dawk l-Istati Membri li diġà adottaw miżuri effettivi biex jiżguraw il-ħarsien mill-espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk; jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jdaħħlu regoli għall-protezzjoni ta' dawk li ma jpejpux fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u biex isaħħu l-isforzi kontinwi biex jiġu mħarsa dawk li ma jpejpux;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal leġiżlazzjoni dwar projbizzjoni tat-tipjip sal-2011 fil-postijiet kollha tax-xogħol magħluqin, inklużi l-bini pubbliku u t-trasport pubbliku kollu fl-UE, fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport dwar l-ispejjeż ikkawżati mit-tipjip, li għalihom iħallsu s-sistemi tas-saħħa nazzjonali u l-ekonomija tal-UE, u l-effetti tat-tniġġis mid-dħaħen tat-tabakk;

15. Jipproponi li l-Kunsill jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu u konsultazzjoni kontinwi mal-partijiet interessati rilevanti kollha f'konformità mal-linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5.3 adottati waqt il-Konferenza tal-Partijiet fl-2009, biex jiġi żgurat li jingħata appoġġ lill-parteċipanti kollha għall-implimentazzjoni ta' strateġiji u programmi nazzjonali ta' kontroll tat-tabakk;

16. Iġedded l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għall-emenda tad-Direttiva 2001/37/KE(5) dwar il-prodotti tat-tabakk, li tkun tinkludi mill-inqas il-modifiki li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-2007 tal-Parlament(6);

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi studju komprensiv tal-effetti tal-espożizzjoni sistematika u fuq perjodu twil ta' żmien tat-tfal għal duħħan passiv u r-residwi tad-duħħan tat-tabakk fil-postijiet kollha tal-attività tagħhom;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timplimenta miżuri ta' appoġġ fil-livell tal-UE, bħal pereżempju miżuri ta' ħolqien ta' kuxjenza;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw kemm ir-Rakkomandazzjoni kif ukoll l-aħjar prattiki tal-Istati Membri bħala bażi għal kontribuzzjonijiet fil-formulazzjoni ta' linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 ('Miżuri ta' tnaqqis tad-domanda fir-rigward tad-dipendenza fuq it-tabakk u l-waqfien mit-tipjip'), li għandhom jiġu adottati waqt il-Konferenza li jmiss tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk;

20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timplimenta miżuri ta' appoġġ fil-livell tal-UE, pereżempju miżuri ta' ħolqien ta' kuxjenza inkluża informazzjoni fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk, li jkunu integrati mal-kampanji nazzjonali ta' komunikazzjoni li jkollhom l-għan li jiskoraġġixxu t-tipjip;

21. Iqis li hu kruċjali li, bħal fil-każ tal-miżuri favur 'Ewropa mingħajr tabakk', il-Kummissjoni, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tipprovdi lilha nnifisha b'mezzi ġodda biex tiġġieled kontra t-tipi differenti ta' traffikar u falsifikazzjoni tal-prodotti tat-tabakk, l-iktar fuq l-Internet, minħabba l-perikli immedjati u li qed jiżdiedu li dawn jinvolvu għas-saħħa tal-konsumaturi;

22. Filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa ta' miżuri b'saħħithom biex jiġu żgurati monitoraġġ u implimentazzjoni sħaħ u preċiżi, jistieden lil dawk l-Istati Membri li diġà rratifikaw biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet proposti, skont l-obbligi tagħhom tal-Artikolu 8 tal-FCTC, kif ukoll biex jirrapportaw lill-Kummissjoni darbtejn fis-sena dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħhom;

23. Jistieden, għal darba oħra, lill-President u l-Bureau tiegħu, fid-dawl tad-dmir tagħhom li jagħtu eżempju lill-Istati Membri, biex jadottaw projbizzjoni tat-tipjip mingħajr eżenzjonijiet fil-partijiet kollha tal-Parlament Ewropew u b'effett immedjat; jitlob li jkun hemm infurzar rigoruż ta' din il-projbizzjoni;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-WHO.

(1)

ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 447

(2)

P6_TA(2005)0045 u P6_TA(2008)0410

(3)

http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/Tobacco/tobacco_en.htm

 

 

(4)

The Smoke Free Partnership (2006). Lifting the smokescreen: 10 reasons for a smoke free Europe, Brussell, il-Belġju: Is-Soċjetà Ewropea dwar ir-Respirazzjoni.

(5)

Id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkoċernaw il-manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 194, tat-18.7.2001, p. 26).

(6)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-Green Paper 'Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell tal-UE" (2007/2105(INI)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza