MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati
23.11.2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Alejandro Cercas f'isem il-Grupp S&D
Marian Harkin f'isem il-Grupp ALDE
Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE
Gabriele Zimmer u Ilda Figueiredo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0165/2009
B7‑0165/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali dwar l-Impjiegi tal-2009 tal-ILO,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-aġenda soċjali mġedda (COM(2008)412 finali),
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-aġenda soċjali mġedda (2008/2330(INI)),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-valuri fundamentali tal-libertà, id-dinjità umana, il-ġustizzja soċjali, is-sigurtà soċjali u l-ugwaljanza huma elementi essenzjali tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli,
B. billi, fil-kriżi ekonomika u tal-impjiegi globali attwali, dawn il-prinċipji huma saħansitra aktar rilevanti,
C. billi għandha tiġi żgurata koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE u billi l-UE tinkoraġġixxi r-ratifikazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO esternament,
1. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-argumenti soċjali b'saħħithom favur ir-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati;
2. Jistieden lill-Presidenza fil-kariga biex tkun kemm jista' jkun ambizzjuża fil-mandat tagħha biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjonijiet aġġornati tal-ILO;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex tinkoraġġixxi r-ratifikazzjoni tal-Konvenzjonijiet kollha li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati u biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni tagħhom;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE.