Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0167/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0167/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO aġġornati

23.11.2009

imressqa wara l-mistoqsija/iet b’talba għal tweġiba orali B7‑0228/2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Milan Cabrnoch f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2009/2775(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0167/2009
Testi mressqa :
B7-0167/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0167/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO aġġornati

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-ILO aġġornati,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta,

–   wara li kkunsidra l-Patt Globali tax-Xogħol approvat mill-ILO f'Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 5, 10 u 300 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-ILO,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-AETR fil-kawża Nru C4507 rigward il-kompetenza esterna tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit ta' Pittsburgh tan-NU tal-24 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Rkupru Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-aġenda soċjali mġedda (2008/2330(INI)),

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi, mill-1919, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) żammet u żviluppat sistema ta' standards internazzjonali dwar ix-xogħol li jkopru firxa wiesgħa ta' suġġetti li jinkludu x-xogħol, l-impjiegi, is-sigurtà soċjali, il-politika soċjali u d-drittijiet tal-bniedem relatati;

B.  billi l-proċess tal-irkupru għadu mhux komplut u għad jeħtieġ isiru sforzi maġġuri,

C. billi jeħtieġ azzjoni koordinata li tinvolvi l-partijiet interessati, nazzjonali u internazzjonali, ħalli jingħata kontribut biex l-ekonomija tieħu ħajja ġdida u niksbu l-prosperità u l-ġustizzja soċjali fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja,

D  billi l-Komunità Ewropea taġixxi fil-limiti tal-poteri li jagħtuha t-Trattati tal-UE u tal-miri li ġew assenjati lilha fihom,

E   billi l-Unjoni Ewropea ma tistax tirratifika konvenzjonijiet tal-ILO, ġaladarba huma biss l-Istati Membri li jistgħu jkunu partijiet fihom,

F.  billi ċerti konvenzjonijiet tal-ILO jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità,

1.  Jilqa' l-lista ta' konvenzjonijiet tal-ILO aġġornati, ir-riżultat tal-proċess tripartitiku tal-ILO li involva 'l min jimpjega, il-ħaddiema u l-gvernijiet;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-konvenzjonijiet tal-ILO aġġornati u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirratifikaw dawk li huma xierqa, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u t-Trattati tal-UE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tindika lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri liema Konvenzjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea, u liema minnhom jaqgħu taħt il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE.