Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0021/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0021/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

13.1.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fiorello Provera, Lorenzo Fontana, William (The Earl of) Dartmouth f’isem il-Grupp EFD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0021/2010

Proċedura : 2009/2813(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0021/2010
Testi mressqa :
B7-0021/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0021/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tas-27 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Ottubru 2009, magħmula mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Komunità Ewropea għall-Jemen għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Tobias Pflüger, l-Aġent President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Istati tal-Golf, inkluż il-Jemen, magħmula wara ż-żjara mill-Bureau tad-Delegazzjoni fil-Jemen bejn it-22 u l-25 ta' Frar 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Umar Farouk Abdulmutallab, it-terrorist Niġerjan li pprova jisplodi ajruplan fuq il-belt ta' Detroit fil-25 ta' Diċembru 2009, tħarreġ f'taqsima Jemenita tal-Al Qaeda,

B.  billi l-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Jemen dejjem qed tmur għall-agħar jista’ joffri lill-gruppi ta' terroristi u ribelli fir-reġjun, b'mod partikulari lill-Al Qaeda, kenn sikur għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-appoġġ ta' operazzjonijiet terroristiċi sussegwenti,

C. billi mill-2007 'l hawn saru aktar minn 30 attakk terroristiku fuq pipelines, faċilitajiet taż-żejt, bini tal-gvern, ambaxxati (inklużi dawk tal-Italja u tal-Istati Uniti), bastimenti u turisti fil-Jemen; billi, wara l-attakk fuq il-USS Cole fl-2000, l-awtoritajiet Jemeniti naqsu milli investigaw dan l-att terroristiku u ppermettew li persuni ssuspettati marbuta ma' Al Qaeda, inklużi Jamal al-Badawi li fassal l-attakk, jevadu d-detenzjoni,

D. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tkun aggravata aktar minħabba l-gwerra ċivili kontra l-grupp għal qawmien mill-ġdid tax-Xiiti Zaidi f'Sa'dah, fit-Tramuntana tal-Jemen, kif ukoll minħabba li faqqgħet il-vjolenza mill-moviment seċessjonista fin-Nofsinhar tal-pajjiż,

E.  billi l-ġlied lokali fir-reġjun ta' Sa'dah ħa dimensjoni reġjonali meta l-forzi militari tal-Arabja Sawdija kkonfrontaw lir-ribelli fiż-żona tal-fruntiera ta' bejn iż-żewġ pajjiżi u wettqu mill-inqas żewġ attakki punittivi fuq il-qagħdiet tar-ribelli,

F.  billi l-kriżi tal-ikel tal-2008 kellha impatt kbir fuq l-ifqar setturi tal-popolazzjoni Jemenita, filwaqt li l-kriżi finanzjarja dinjija, b'mod partikolari t-tnaqqis fid-dħul miż-żejt, kompla joħloq pressjoni mhux sostenibbli fuq il-finanzi pubbliċi, li kompliet taggrava minħabba l-implimentazzjoni limitata ta' riformi ekonomiċi u fiskali li ilhom biex isiru,

G. billi r-riżervi taż-żejt tal-Jemen, is-sors ta' aktar minn 75% tad-dħul tal-pajjiż, waslu biex jispiċċaw, u billi l-pajjiż għandu ftit għażliet vijabbli għal ekonomija sostenibbli meta dan iseħħ,

H. billi problema oħra sinifikanti li qed iħabbat wiċċu magħha l-Jemen hija n-nuqqas kbir ta' ilma, li huwa kkawżat minn diversi fatturi, fosthom il-fatt li l-konsum domestiku qed jikber, il-ġestjoni ħażina tal-ilma, il-korruzzjoni, in-nuqqas ta' ġestjoni tar-riżorsi u sistemi ta' tisqija li jagħtu lok għal ħafna ħela ta' ilma; billi skont l-istimi tal-gvern, 99% tal-estrazzjoni kollha tal-ilma ssir bla liċenzja,

I.   billi s-sitwazzjoni maħluqa minħabba n-nuqqas ta' ikel u ilma fil-Jemen hija kkumplikata aktar minħabba l-fatt li l-popolazzjoni hija dipendenti fuq il-"qat", pjanta li titkabbar biex tinbiegħ u li tirrikjedi ħafna tisqija, u li tant qed titkabbar li l-Jemen sar importatur nett tal-ikel,

J.   billi l-Jemen hu l-ifqar pajjiż tad-dinja Għarbija, bi dħul annwali per capita ta' inqas minn €650, kważi nofs il-popolazzjoni taqla' inqas minn €2 kuljum, u rata ta' qgħad ta' 35 fil-mija; billi fl-istess ħin għandu waħda mill-ikbar rati tat-tkabbir tal-popolazzjoni fid-dinja, u dan joħloq aktar problemi ekonomiċi, edukattivi u soċjali,

K.  billi ż-żieda fil-piraterija fil-Golf ta' Aden u l-pressjoni migratorja kontinwa mill-Qarn tal-Afrika huma fatturi oħra li jolqtu l-istabilità tal-pajjiż,

L.  billi sa mill-2004 l-UE tat aktar minn € 144 miljun f'għajnuna lill-Jemen, li l-akbar parti minnhom intużaw għall-iżvilupp ekonomiku, u implimentat programmi ta' assistenza bilaterali biex tappoġġa lill-pulizija u lill-gwardja tal-kosta Jemeniti, bħall-programm ta' €7.5 miljun f'għajnuna għall-immodernizzar tal-akkademja tal-pulizija tal-pajjiż,

M. billi s-sistema edukattiva Jemenita għadha mhix żviluppata u r-rata nazzjonali ta' persuni illitterati hi ta' madwar 50 fil-mija, u 70 fil-mija fost in-nisa, u m'hemmx biżżejjed għalliema kwalifikati,

N. billi r-riformi fil-governanza ġew rikonoxxuti bħala prijorità mill-Gvern Jemenit fl-Aġenda tar-Riforma Nazzjonali,

O. billi l-elezzjonijiet parlamentari, li kienu se jsiru f'April 2009 ġew posposti biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi essenzjali tas-sistema elettorali; billi l-President tal-Jemen, Ali Abdullah Saleh, huwa l-aktar kap ta' stat li ilu fil-kariga fil-Lvant Nofsani, wara l-President Muammar Gaddafi tal-Libja,

P.  billi għad baqa' tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Jemen fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-ġudikatura, speċjalment proċessi inġusti quddiem il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, li hija magħrufa għal dan, u l-użu tat-tortura sabiex jinkisbu konfessjonijiet foloz ta' ħtija; billi kien hemm każijiet li jinvolvu l-persekuzzjoni ta' ġurnalisti; billi l-qagħda tan-nisa hi speċjalment diffiċli, u kkaratterizzata minn żwiġijiet furzati u trattament inugwali tal-irġiel u tan-nisa quddiem il-liġi,

Q. billi sitt ċittadini Ewropej - ħamsa Ġermaniżi u wieħed Brittanniku - għadhom qed jinżammu ostaġġi wara li ġew maħtufa f'Ġunju 2009, filwaqt li tliet persuni oħra minn dak il-grupp insabu mejtin immedjatament wara li ġew maħtufa; billi xi mexxejja tribali lokali indikaw li l-Al Qaeda hi responsabbli għall-ħtif ta' dawn il-persuni,

 

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-preżenza ta'l- Al Qaeda fil-Jemen qed tikber u jenfasizza li n-nuqqas ta' teħid ta’ azzjonijiet konkreti jista’ jwassal għal erożjoni ulterjuri tal-awtorità tal-gvern ċentrali u distabbilizzazzjoni fir-reġjun fuq il-livell tas-Somalja jew tal-Afganistan, u dan se joħloq opportunitajiet għal estremisti ggwidati jew imnebbħa mill-Al Qaeda sabiex jerġgħu jingħaqdu, jorganizzaw, jitħarrġu u jniedu operazzjonijiet ta' terroriżmu ġiħadist fid-dinja kollha mit-territorju Jemenit;

2.  Jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Sa’dah u fin-Nofsinhar tal-Jemen u jesprimi l-opinjoni tiegħu li soluzzjoni politika komprensiva biss tista’ tikseb paċi dejjiema;

3.  Ifakkar lill-partijiet kollha tal-kunflitti fl-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-partijiet biex jippermettu liċ-ċivili li jixtiequ jaħarbu mill-kunflitt biex jaslu f'postijiet sikuri, biex jiffaċilitaw l-aċċess lin-NU u lill-NGOs għal żoni fejn inġabru persuni spostati internament, u biex jippermettu li l-għajnuna medika u umanitarja ta' emerġenza tilħaq lil dawk spostati internament bħala kwistjoni ta’ urġenza;

4.  Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għal Jemen magħqud, stabbli u demokratiku;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti sabiex jimplimentaw ir-riformi istituzzjonali, ekonomiċi u fiskali li ilhom biex isiru, jiġifieri t-tisħiħ tar-rwoli u tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet eletti b'mod demokratiku fil-livell ċentrali u lokali, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-istat, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, it-trawwim tal-integrazzjoni tal-Jemen fl-ekonomija dinjija u reġjonali, l-espansjoni tal-provvediment ta' servizzi soċjali, it-tisħiħ tal-opportunitajiet tax-xogħol u tal-edukazzjoni, l-indirizzar tal-korruzzjoni, l-inflazzjoni u l-qgħad, u t-tnaqqis fis-sussidji tal-gvern;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti sabiex jintroduċu r-riformi meħtieġa sabiex itejbu l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari billi jiżguraw il-libertà tal-midja, id-dritt għal proċess ġust, trattament indaqs tal-irġiel u tan-nisa u l-abolizzjoni taż-żwiġijiet furzati; jilqa' f'dan ir-rigward, liġi riċenti li ffissat l-età minima taż-żwieġ għal 17-il sena;

7.  Jenfasizza l-importanza li ssir elezzjoni fl-2011 u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jistipulaw il-miżuri meħtieġa biex titjieb is-sistema elettorali u tissaħħaħ id-demokrazija, b'mod partikulari billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE wara l-elezzjonijiet demokratiċi presidenzjali u lokali tal-2006; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jissorveljaw il-proċess ta' riforma kostituzzjonali u tal-liġi elettorali li wasslet għall-posponiment tal-elezzjonijiet parlamentari;

8.  Jilqa' l-passi li ttieħdu diġà mill-awtoritajiet sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jiġifieri t-twaqqif ta' Organizzazzjoni Ċentrali għall-Kontroll u l-Verifika u l-Awtorità Nazzjonali Suprema għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni;

9.  Jistieden lill-Istati tal-Golf biex jibqgħu lura mill-prospett li jagħtu sħubija fil-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf lill-Jemen qabel ma jsiru r-riformi meħtieġa, fosthom progress fuq tnaqqis fis-sussidji tal-gvern, l-indirizzar tal-korruzzjoni, u t-teħid ta' miżuri biex jiġi trattat it-tħassib dwar is-sigurtà; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkoraġġixxi lill-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf biex isir medjatur kapaċi li jiġbor lid-diversi partijiet Jemeniti fuq mejda tan-negozjati u jibda djalogu politiku komprensiv;

10. Jilqa' s-sehem attiv tal-Jemen fi strateġiji ta' sigurtà koordinati internazzjonalment, bħal 'Operation Atalanta';

11. Jitlob li titwaqqaf Delegazzjoni tal-Kummissjoni komprensiva għall-Jemen, b'responsabbiltà għall-ġestjoni tal-għajnuna u b'riżorsi umani addizzjonali bbażati lokalment; jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżguraw li l-għajnuna mogħtija mill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, tintuża biex tiffinanzja proġetti li jgawdu minnhom direttament l-akbar għadd ta' persuni possibbli, u li l-effikaċja tagħhom tiġi evalwata fuq il-post;

13. Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti biex isaħħu l-unitajiet tal-gwarda tal-kosta u tal-fruntieri u jintroduċu taħriġ aħjar għall-pulizija u programmi biex is-servizz tal-ħabsijiet isir aktar professjonali, biex titjieb is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u l-ħila tiegħu li jiġġieled it-terroriżmu;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimenta programm speċjali ta' għajnuna għall-Jemen li tkun tinkludi taħriġ barra mill-pajjiż għall-uffiċjali Jemeniti (bħalma wettqet l-EUJUST LEX fl-Iraq) u t-tqegħid ta’ nies li jagħtu t-taħriġ fil-ministeri ewlenin (bħalma għamlet l-UE fil-Bosnja-Ħerzegovina);

15. Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-ħelsien tas-sitt ostaġġi Ewropej li qed jinżammu fit-territorju tal-Jemen;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Jemen u lill-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf.