Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0023/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0023/2010

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

    13.1.2010

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Adrian Severin, Hannes Swoboda, Véronique De Keyser, Claude Moraes, Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0021/2010

    Proċedura : 2009/2813(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0023/2010
    Testi mressqa :
    B7-0023/2010
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B7‑0023/2010

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,

    –   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tas-27 ta' Ottubru 2009,

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta maħruġ wara s-16-il laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Koperazzjoni KE-Jemen tas-27 ta' Ottubru 2009,

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Awwissu 2009, magħmula mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen,

    –   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Missjoni tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet dwar l-elezzjonijiet lokali u presidenzjali tal-2006 fil-Jemen,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi, wara każijiet riċenti fosthom l-attentat ta' splużjoni li ma rnexxiex fuq titjira lejn l-Istati Uniti, li ħa r-responsabbiltà għalih affiljat Jemenit ta' Al Qaeda, kif ukoll it-theddidiet kontra ambaxxati barranin f'Sana'a, il-Jemen sar prijorità fid-dibattiti dwar is-sigurtà internazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi l-attivitajiet terroristiċi, u l-attakki minn Al Qaeda b'mod partikulari fil-Peniżola Għarbija, intensifikaw aktar matul l-2009 u diversi ċittadini barranin inħatfu u għadhom qed jinżammu bħala ostaġġi fil-pajjiż;

    B.  billi s-sitwazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà li sejra għall-agħar qed iddgħajjef l-isforzi sabiex tinkiseb l-istabbiltà fil-pajjiż, li hija kruċjali għall-poplu tal-Jemen u għar-reġjun kollu,

    C. billi l-President tal-Istati Uniti, Barack Obama kkonferma kemm-il darba li m'għandu l-ebda intenzjoni li jibgħat suldati fil-Jemen, iżda li jrid jaħdem mas-sħab internazzjonali fil-ġlieda kontra l-attivitajiet terroristiċi fil-pajjiż,

    D. billi l-Gvern tal-Jemen ħa azzjoni kontra gruppi terroristiċi fil-ġimgħat li għaddew u jirrifjuta kull preżenza ta' suldati barranin fil-pajjiż, iżda qed jitlob li tingħata aktar għajnuna mill-komunità internazzjonali lill-forzi tas-sigurtà tiegħu fir-rigward ta' taħriġ, appoġġ tekniku u skambju ta' informazzjoni,

    E.  billi l-ġlied bejn l-armata Jemenita u ribelli Xiiti fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Sa'dah, li beda fl-2004, ħalla aktar minn 175 000 persuna spustata internament u ħoloq kriżi umanitarja fiż-żona,

    F.  billi l-gruppi separatisti fin-Nofsinhar tal-Jemen, fejn jinstabu l-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet taż-żejt tal-pajjiż, jikkonfina mal-Istrett strateġiku ta' Bab al-Mandab u jservi bħala passaġġ għas-Somalja, qed jitolbu li l-pajjiż jinfired,

    G. billi l-Jemen għadu wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, b'popolazzjoni li qed tiżdied b'rata enormi, riżorsi tal-ilma li qed jonqsu b'rata mgħaġġla, ekonomija li tiddependi ferm minn dħul miż-żejt li qed jonqos, u rata għolja ta' qgħad; billi l-Gvern tal-Jemen impenja ruħu fil-konferenza internazzjonali tad-donaturi tal-2006 favur riformi politiċi u ekonomiċi; billi l-Parlament tal-Jemen riċentement ippospona l-elezzjonijiet ġenerali għall-2011 sakemm isiru r-riformi elettorali,

    H. billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jirrappurtaw b'mod regolari r-repressjoni ta' rappreżentanti tal-oppożizzjoni politika, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll id-diskriminazzjoni kontra diversi gruppi etniċi u reliġjużi fil-Jemen, speċjalment fiż-żoni tal-kunflitti fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż,

    1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen; jitlob li jsiru sforzi konsiderevoli mill-komunità internazzjonali sabiex ikun evitat li tikber il-kriżi attwali u sabiex nersqu lejn l-għan ta' Jemen magħqud, stabbli u demokratiku;

    2.  Jappoġġja l-koperazzjoni attiva bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Jemen, speċjalment fl-oqsma tal-iżvilupp, il-pulizija, il-ġustizzja, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-traffikar, is-sikurezza marittima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jsaħħu aktar ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Jemen u jeżaminaw l-aktar modi effettivi li bihom l-UE tista' tikkontribwixxi għat-titjib tas-sitwazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà fil-pajjiż; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-preżenza tagħha fil-Jemen għal delegazzjoni stabbilita;

    3.  Jistieden lill-Gvern tal-Jemen jieħu passi effettivi sabiex ikun żgurat il-ħelsien immedjat ta' ċittadini barranin maħtufa li qed jinżammu bħala ostaġġi mill-milizzji fil-pajjiż;

    4.  Jenfasizza li m'hemmx soluzzjoni militari għall-kunflitti u t-tensjonijiet fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Jemen; jistieden lill-partijiet kollha jieqfu mill-ġlied minnufih u jibdew djalogu politiku bil-għan li tinstab soluzzjoni nnegozjata u komprensiva għall-kunflitt fit-Tramuntana tal-pajjiż u li jkunu evitati każijiet vjolenti oħra fin-Nofsinhar;

    5.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fit-Tramuntana tal-Jemen; jistieden lill-partijiet kollha jissodisfaw l-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali biex jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili fiż-żona u jippermettu l-aċċess għat-territorji konċernati għall-forniment ta' għajnuna u ta' assistenza umanitarja;

    6.  Jistieden lill-Gvern tal-Jemen iwaqqaf id-diskriminazzjoni kontra kull grupp etniku jew reliġjuż fil-pajjiż u jqis l-interess komuni taċ-ċittadini kollha tiegħu fil-politiki tiegħu; jisħaq li azzjonijiet u miżuri kontra t-terroriżmu m'għandhomx jintużaw ħażin għal skopijiet politiċi, speċjalment kontra l-avversarji politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

    7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluża s-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tan-nisa; jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen jonoraw l-obbligi tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem u ma jibqgħux jippersegwitaw u jagħtu fastidju lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikulari;

    8.  Huwa konvint li l-istabbiltà fil-Jemen tista' tinkiseb biss permezz ta' riformi politiċi u ekonomiċi; għalhekk, jistieden lill-Gvern tal-Jemen jonora l-impenji li daħal għalihom fil-konferenza internazzjonali tad-donaturi tal-2006 u jħaffef il-proċess ta' riforma nazzjonali, politika u ekonomika bil-għan li tissaħħaħ id-demokrazija u li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies;

    9.  Jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Jemen jegħlbu s-sitwazzjoni attwali ta' staġnar tan-negozjati dwar ir-riformi politiċi, u b'mod partikulari dwar ir-riforma elettorali, u jenfasizza l-importanza li l-elezzjonijiet ġenerali jsiru fl-2011;

    10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu, b'koperazzjoni ma' atturi internazzjonali oħra, aktar assistenza għall-iżvilupp lill-Jemen bil-għan li tkun stabbilizzata s-sitwazzjoni politika u li jittejbu s-sitwazzjoni ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fil-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tal-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf li jiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Jemen; jistieden lill-Gvern tal-Jemen jiżgura, b'koperazzjoni mill-qrib mad-donaturi, effikaċja aqwa tal-għajnuna permezz ta' mekkaniżmi xierqa ta' koordinazzjoni, tqassim u implimentazzjoni;

    11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen.