Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0024/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0024/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

13.1.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Angelika Niebler, Arnaud Danjean, Ioannis Kasoulides, Hans-Gert Pöttering, Filip Kaczmarek f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0021/2010

Proċedura : 2009/2813(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0024/2010
Testi mressqa :
B7-0024/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0024/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tas-27 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-27 ta' Ottubru 2009, magħmula mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Komunità Ewropea għall-Jemen għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra l-eżitu taż-żjara fil-Jemen tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Istati tal-Golf, inkluż il-Jemen, bejn it-22 u l-25 ta' Frar 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet tas-26 ta’ Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali globali fil-Jemen, li qed tmur għall-agħar, qed tqajjem tħassib kbir fil-komunità internazzjonali,

B.  billi Umar Farouk Abdulmutallab, it-terrorist Niġerjan li pprova jisplodi ajruplan fuq il-belt ta' Detroit fil-25 ta' Diċembru 2009, qal li kien imħarreġ u mgħammar minn taqsima Jemenita tal-grupp Al Qaeda; billi l-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Jemen dejjem qed tmur għall-agħar jista’ joffri lill-gruppi ta' terroristi u ribelli fir-reġjun, b'mod partikulari l-Al Qaeda, kenn sikur għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-appoġġ ta' operazzjonijiet terroristiċi sussegwenti,

C. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tiġi aggravata aktar minħabba l-gwerra ċivili kontra l-grupp għal qawmien mill-ġdid tax-Xiti Zaidi f'Sa'dah, fit-Tramuntana tal-Jemen, u l-bidu tal-vjolenza mill-moviment seċessjonista fin-Nofsinhar tal-pajjiż,

D. billi l-ġlied lokali fir-reġjun ta' Sa'dah ħa dimensjoni reġjonali meta l-forzi militari tal-Għarabja Sawdita kkonfrontaw lil ribelli wara inkursjoni fuq il-fruntiera bejn il-Jemen u l-Għarabja Sawdita u wettqu attakki fuq il-qagħdiet tar-ribell, li allegatament ħallew lil xi persuni ċivili midruba u oħrajn mejta; billi l-Gvern tal-Jemen allega li ċerti gruppi fl-Iran qegħdin jappoġġaw movimenti ribelli fit-Tramuntana tal-pajjiż,

E.  billi l-Jemen hu l-ifqar pajjiż tad-dinja Għarbija; billi l-kriżi tal-ikel tal-2008 kellha impatt kbir fuq l-ifqar partijiet tal-popolazzjoni Jemenita, filwaqt li l-kriżi finanzjarja dinjija, b'mod partikolari t-tnaqqis fid-dħul miż-żejt, kompla joħloq pressjoni mhux sostenibbli fuq il-finanzi pubbliċi, li kompliet tiggrava minħabba l-implimentazzjoni limitata ta' riformi ekonomiċi u fiskali li ilhom dovuti,

F.  billi r-riżervi taż-żejt tal-Jemen, is-sors ta' aktar minn 75% tad-dħul tal-pajjiż, waslu biex jispiċċaw, u billi l-pajjiż għandu ftit għażliet vijabbli għal ekonomija sostenibbli meta dan iseħħ,

G. billi problema oħra sinjifikanti li qed iħabbat wiċċu magħha l-Jemen hija n-nuqqas kbir ta' ilma, li huwa kkawżat minn diversi fatturi, fosthom il-fatt li l-konsum domestiku qed jikber, il-ġestjoni ħażina tal-ilma, il-korruzzjoni, in-nuqqas ta' ġestjoni tar-riżorsi u sistemi ta' tisqija li jagħtu lok għal ħafna ħela ta' ilma; billi skont l-istimi tal-gvern, 99% tal-estrazzjoni tal-ilma mhix liċenzjata,

H. billi s-sitwazzjoni li nħolqot minħabba l-problema tan-nuqqas ta' ikel u ilma fil-Jemen hija kkumplikata aktar minħabba l-fatt li l-popolazzjoni hija dipendenti fuq il-"qat", pjanta li titkabbar biex tinbiegħ u li tirrikjedi ħafna tisqija, u li tant qed titkabbar li madwar 40% tar-riżorsi tal-ilma tal-Jemen qegħdin jintużaw għat-tkabbir tagħha; billi l-pajjiż issa sar importatur nett tal-ikel,

I.   billi ż-żieda fil-piraterija fil-Golf ta' Aden u l-pressjoni migratorja kontinwa mill-Qarn tal-Afrika huma fatturi oħra li jolqtu l-istabilità tal-pajjiż,

J.   billi sa mill-2004 l-UE tat aktar minn € 144 miljun f'għajnuna lill-Jemen, li l-akbar parti minnhom marru għall-iżvilupp ekonomiku, u implimentat programmi ta' assistenza bilaterali biex tappoġġa lill-pulizija u lill-gwardja tal-kosta tal-Jemen,

K. billi l-elezzjonijiet parlamentari, li kienu se jsiru f'April 2009, ġew posposti biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi essenzjali tas-sistema elettorali; billi s'issa ma ttieħdu l-ebda passi konkreti lejn dan il-għan,

L.  billi għad baqa' tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Jemen fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-ġudikatura; billi kien hemm każijiet ta' persekuzzjoni ta' ġurnalisti; billi l-qagħda tan-nisa hi partikolarment diffiċli, bl-indikaturi tad-diskrepanzi bejn is-sessi, bħall-aċċess ugwali għall-edukazzjoni, vjolenza bbażata fuq is-sess u parteċipazzjoni politika attiva, dejjem imorru għall-agħar,

M. billi sitt ċittadini Ewropej - ħamsa Ġermaniżi u wieħed Britanniku - għadhom qed jinżammu ostaġġi wara li ġew maħtufa f'Ġunju 2009, filwaqt li tliet persuni oħra minn dak il-grupp instabu mejtin immedjatament wara li gew maħtufa; billi xi mexxejja tribali lokali indikaw li l-Al Qaeda hi responsabbli għall-ħtif ta' dawn il-persuni,

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen; jitlob li jsiru sforzi konsiderevoli mill-komunità internazzjonali sabiex ikun evitat li tikber il-kriżi attwali u sabiex nersqu lejn l-għan ta' Jemen magħqud, stabbli u demokratiku;

2.  Jappoġġa l-kooperazzjoni attiva bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Jemen, speċjalment fl-oqsma tal-iżvilupp, il-pulizija, il-ġustizzja, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-traffikar, is-sikurezza marittima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-bini ta’ istituzzjonijiet; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isaħħu aktar ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Jemen u jeżaminaw l-aktar modi effettivi li bihom l-UE tista' tikkontribwixxi għal titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà, politika u ekonomika fil-pajjiż;

3.  Jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Sa’dah u fin-Nofsinhar tal-Jemen u jesprimi l-opinjoni tiegħu li soluzzjoni politika komprensiva biss tista’ tikseb paċi dejjiema; ifakkar lill-partijiet kollha tal-kunflitt fl-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; jistieden lill-partijiet biex jippermettu liċ-ċivili li jixtiequ jaħarbu mill-kunflitti biex jaslu f'postijiet ta' sigurtà, biex jiffaċilitaw l-aċċess għan-NU u għall-NGOs għal persuni spostati internament, u biex jippermettu li l-għajnuna medika u umanitarja ta' emerġenza tilħaq lil dawk spostati internament bħala kwistjoni ta’ urġenza;

4.  Jistieden lill-Gvern tal-Jemen biex iwaqqaf id-diskriminazzjoni kontra kull grupp etniku jew reliġjuż fil-pajjiż u jqis l-interess komuni taċ-ċittadini kollha tiegħu fil-politiki tiegħu; jisħaq li azzjonijiet u miżuri kontra t-terroriżmu m'għandhomx jintużaw ħażin għal skopijiet politiċi, speċjalment kontra l-avversarji politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-preżenza tal-Al Qaeda fil-Jemen qed tikber u jenfasizza li n-nuqqas ta 'teħid ta’ azzjonijiet konkreti jista’ jwassal għal erożjoni ulterjuri tal-awtorità tal-gvern ċentrali u distabbilizzazzjoni fir-reġjun fuq il-livell tas-Somalja jew tal-Afganistan, u dan se joħloq opportunitajiet għal estremisti ggwidati jew imnebbħa mill-Al Qaeda sabiex jerġgħu jingħaqdu, jorganizzaw, jitħarrġu u jniedu operazzjonijiet ta' terroriżmu fit-territorju Jemenit kif ukoll barra minnu;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti sabiex jimplimentaw riformi istituzzjonali, ekonomiċi u fiskali li ilhom dovuti u jintroduċu r-riformi meħtieġa sabiex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, partikolarment billi jiżguraw il-libertà tal-midja, id-dritt għal proċess ġust u t-trattament indaqs tal-irġiel u tan-nisa;

7.  Jenfasizza l-importanza li jsiru l-elezzjonijiet fl-2011 u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jistipulaw il-miżuri meħtieġa biex titjieb is-sistema elettorali u tissaħħaħ id-demokrazija, b'mod partikulari billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE wara l-elezzjonijiet presidenzjali u lokali demokratiċi tal-2006; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament, jissorveljaw il-proċess ta' riforma kostituzzjonali u tal-liġi elettorali li ħolqot il-posponiment tal-elezzjonijiet parlamentari;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u, wara t-twaqqif tiegħu, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex minnufih jimplimentaw approċċ ikkoordinat u komprensiv tal-UE għall-Jemen, sabiex jiġi evitat l-irduppjar u r-ripetizzjoni tal-assistenza u tal-programmi tal-għajnuna għall-iżvilupp fost l-Istati Membri; jinnota li l-koordinazzjoni tal-UE hija fundamentali għall-koordinazzjoni tad-donaturi globali fil-Jemen, li hemm nuqqas kbir tagħha bħalissa; jilqa’ b’sodisfazzjon, għalhekk, il-laqgħa internazzjonali dwar il-Jemen li se ssir f'Londra fis-27 ta’ Jannar 2010;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu, b'kooperazzjoni ma' atturi internazzjonali oħra, aktar assistenza għall-iżvilupp lill-Jemen bil-għan li tkun stabbilizzata s-sitwazzjoni politika u li jittejbu s-sitwazzjoni ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fil-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf li jiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Jemen; jistieden lill-Gvern tal-Jemen sabiex jiżgura, b'kooperazzjoni mill-qrib mad-donaturi, effikaċja aqwa tal-għajnuna permezz ta' mekkaniżmi xierqa ta' koordinazzjoni, tqassim u implimentazzjoni;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżguraw li l-għajnuna mogħtija mill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, tiġi użata biex tiffinanzja proġetti li jgawdu minnhom direttament l-akbar għadd ta' persuni possibbli, u li l-effikaċja tagħhom se tiġi evalwata fuq il-post; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ delegazzjoni sħiħa tal-UE f’Sana’a;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimentaw programm speċjali ta' għajnuna għall-Jemen, li tkun tinkludi taħriġ barra mill-pajjiż għall-uffiċjali Jemeniti (bħalma wettqet l-EUJUST LEX fl-Iraq) u t-tqegħid ta’ nies li jagħtu t-taħriġ fil-ministeri ewlenin (bħalma għamlet l-UE fil-Bosnja-Ħerzegovina);

12. Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-ħelsien tas-sitt ostaġġi Ewropej li qed jinżammu fit-territorju tal-Jemen;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen.