Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0025/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0025/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

13.1.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar l-istqarrija mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Patrick Le Hyaric, Marie-Christine Vergiat, Rui Tavares, Sabine Wils f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2009/2813(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0025/2010
Testi mressqa :
B7-0025/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0025/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Jemen hu wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati fid-dinja, b'livelli dejjem jikbru ta' faqar, ġuħ u nuqqas ta' ikel sustanzjuż; billi l-pajjiż qed isofri minn qgħad dejjem jikber u minn rati ta' faqar għolja, b'aktar minn 45% tal-popolazzjoni jaqilgħu anqas minn USD 2 kuljum; billi l-livelli baxxi ta' edukazzjoni wasslu għal rati għolja ta' illitteriżmu - 66% għan-nisa u 27% għall-irġiel; billi s-sitwazzjoni tan-nisa hi ta' tħassib u d-diskrepanzi bejn is-sessi fil-Jemen huma fost l-ogħla fid-dinja,

B.  billi l-Jemen għadda minn bosta kunflitti militari; billi sa mit-12 ta' Awwissu 2009, kien hemm mewġa ġdida ta' ġlied aħrax fir-reġjun tat-Tramuntana li temm il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat f'nofs Lulju 2008 b'konsegwenzi diżastrużi għall-popolazzjoni ċivili,

C. billi skont sorsi tan-NU in-numru ta' persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs) hu stmat li laħaq 175 000 ruħ filwaqt li madwar 800 000 intlaqtu indirettament mill-kunflitt, fosthom il-komunitajiet li jospitaw l-IDPs u r-residenti li tilfu l-aċċess għas-servizzi bażiċi,

D. billi l-ġlied bejn il-forzi tal-Gvern tal-Jemen u dawk li jappoġġjaw lill-ex kjeriku Shi'a, Hussein al-Houthi, infirex fl-Arabja Sawdija f'Novembri 2009; billi l-ajruplani tal-gwerra Sawdi bbumbardjaw irħula Jemeniti f'żoni kkontrollati mir-ribelli Houthi,

E.  billi, minkejja l-ġlied kontinwu u s-sitwazzjoni umanitarja diżastruża fil-Jemen, l-Arabja Sawdija qed tkompli bir-ritorn furzat ta' Jemeniti bi ksur tal-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali,

F.  billi l-forzi tas-sigurtà tal-gvern irritaljaw b'repressjoni brutali għat-talbiet ta' seċessjoni tan-Nofsinhar minn dak magħruf bħala l-Moviment tan-Nofsinhar (Southern Movement); billi l-forzi tas-sigurtà wettqu firxa ta' abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem – qtil mhux ġustifikat, detenzjonijiet arbitrarji, swat, trażżin tad-dritt tal-libertà ta' laqgħat pubbliċi u ta' espressjoni kif ukoll arresti ta' ġurnalisti – li kebbsu l-kunflitt minflok ma nstabu soluzzjonijiet ċivili għall-problemi politiċi, ekonomiċi u soċjali,

G. billi għal ħafna snin il-komunità internazzjonali għalqet għajnejha għas-sitwazzjoni fil-Jemen; billi wara l-attakk terrorista reċenti fallut fuq l-ajruplan tad-Delta, il-ħarsa tad-dinja ntefgħet fuq il-Jemen, u dan ċekken il-problema għal rabta allegata mal-Al-Qaeda,

H. billi l-Gvern tal-Jemen ilu għal ħafna snin jirċievi għajnuna finanzjarja li qed tintuża għal dik magħrufa bħala l-"ġlieda kontra t-terroriżmu",

1.  Jesprimi tħassib qawwi dwar is-sitwazzjoni interna dejjem aktar imwiegħra tal-Jemen u l-effetti tagħha fuq il-paċi u l-istabilità tar-reġjun; josserva li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitti differenti fil-pajjiż u li hi biss it-tfittxija għal soluzzjonijiet paċifiċi li tagħti l-frott mixtieq; jikkundanna l-użu tal-forza min-naħat kollha kkonċernati;

2.  Jirrifjuta bil-qawwi kull intervent militari barrani fil-Jemen kif ukoll il-kunċett sħiħ ta' "gwerer ta' prevenzjoni'';

3.  Jitlob lill-Gvern tal-Jemen sabiex iżid fl-isforzi tiegħu biex itaffi t-tensjoni fil-pajjiż billi joħloq djalogu politiku wiesa' u billi jindirizza t-tilwim dejjiemi u l-għeruq tiegħu, permezz ta' soluzzjoni negozjata u politika li tinkludi r-reġjuni u l-elementi kollha tas-soċjetà tal-Jemen;

4.  Jitlob għal waqfien mill-ġlied immedjat f'Sa'dah; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija u pajjiżi oħrajn biex ma jsaħħnux il-kunflittli fil-Jemen iżda biex jagħtu l-kontribut tagħhom għal soluzzjoni paċifika tal-problemi;

5.  Ifakkar lill-partijiet kollha dwar l-obbligu tagħhom li jirrispettaw il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; b'mod partikolari, jistieden lill-partijiet kollha biex iħallu lill-persuni pajżana li jixtiequ jaħarbu mill-kunflitt jaslu f' postijiet ta' sikurezza, biex jiffaċilitaw l-aċċess għan-NU u għall-NGOs għal żoni fejn inġabru l-IDPs, u biex iħallu b'urġenza l-għajnuna medika u umanitarja ta' emerġenza tilħaq lill-IDPs;

6.  Jitlob lill-Arabja Sawdija biex minnufih twaqqaf ir-ritorn furzat ta' Jemeniti lejn iż-żona ta' gwerra u biex tikkopera mill-qrib mal-aġenziji ta' għajnuna fl-assistenza ta' persuni pajżana li jkunu fil-periklu mal-fruntiera;

7.  Jitlob lill-Gvern tal-Jemen sabiex jiżgura li l-forzi tas-sigurtà tiegħu jwaqqfu l-użu tal-forza kontra min jipprotesta, biex iwaqqaf l-arrest arbitrarju ta' min jipprotesta u tal-kritiċi u sabiex jeħles lil kull min kien arrestat arbitrarjament, fosthom it-tfal; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Jemen sabiex itemm l-impunità tal-forzi tas-sigurtà u biex dawk kollha li użaw din il-forza illegalment jagħtu kont ta' għemilhom;

8.  Iqis li l-għajnuna internazzjonali għall-Jemen għandha tkun orjentata mill-ġdid u kkonċentrata fuq l-għajnuna umanitarja ċivili, ir-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi kif jixraq;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-UE, lill-Gvern u l-Kungress tal-Istati Uniti, lill-Gvernijiet tal-Jemen u tal-Arabja Sawdija u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.