Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0026/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0026/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

13.1.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Holger Krahmer, Graham Watson f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0021/2010

Proċedura : 2009/2813(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0026/2010
Testi mressqa :
B7-0026/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0026/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret mill- Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea tas-27 ta' Ottubru 2009 dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen,

–   - wara li kkunsidra l-Komunikazjzoni Konġunta b'segwitu għas-16-il laqgħa tal-Il-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni KE-Jemen tas-27 ta' Ottubru 2009,

–   - wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet mill-Missjoni għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE dwar l-elezzjonijiet lokali u presidenzjali tal-2006 fil-Jemen,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Komunità Ewropea għall-Jemen għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Umar Farouk Abdulmutallab, it-terrorist Niġerjan li pprova jisplodi ajruplan fuq il-belt ta' Detroit f'Diċembru 2009, kien imħarreġ minn taqsima Jemenita tal-grupp Al- Qaeda,

B.  billi aktar deterjorament fis-sigurtà fil-Jemen joffri lill-gruppi ta' terroristi u ribelli fir-reġjun, b'mod partikulari l-Al-Qaeda, kenn sikur għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-appoġġ ta' operazzjonijiet terroristiċi sussegwenti,

C. billi mill-2007 saru aktar minn 30 attakk terroristiku fuq pipelines, faċilitajiet taż-żejt, bini tal-gvern, ambaxxati (inklużi dawk tal-Italja u tal-Istati Uniti), vapuri u turisti fil-Jemen,

D. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà hija aggravata aktar minħabba l-gwerra ċivili kontra l-grupp għal qawmien mill-ġdid tax-Xiti Zaidi f’Sa’dah fit-Tramuntana u l-bidu tal-vjolenza bil-parteċipazzjoni tal-moviment seċessjonista fin-Nofsinhar;

E.  billi l-ġlied lokali fir-reġjun Sa'dah laħaq dimensjoni reġjonali meta l-forzi militari tal-Għarabja Sawdita attakkaw lir-ribelli fil-fruntiera bejn il-Jemen u l-Għarabja Sawdita u wettqu tal-anqas żewġ attakki fuq l-qagħdiet tar-ribelli, fejn ingħad li kien hemm persuni midruba fost il-popolazzjoni ċivili,

F.  billi ż-żieda fil-piraterija fil-Golf ta' Aden u l-pressjoni migratorja kontinwa mill-Qarn tal-Afrika huma fatturi oħra li jolqtu l-istabilità tal-pajjiż,

G. billi għad baqa' tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Jemen fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-ġudikatura, b'mod partikulari proċessi inġusti quddiem il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, li hija magħrufa għal dan, u l-użu tat-tortura sabiex jinkisbu stqarrijiet ta' ħtija foloz; billi jeżistu każijiet ta' persekuzzjoni ta' ġurnalisti; billi l-qagħda tan-nisa hi ta' tħassib b'mod partikulari minħabba żwiġijiet furzati u diskrepanzi fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa quddiem il-liġi,

H. billi sitt ċittadini Ewropej - ħamsa Ġermaniżi u wieħed Britanniku - għadhom qed jinżammu ostaġġi wara li ġew maħtufa f'Ġunju 2009, filwaqt li tliet persuni oħra mill-istess grupp insabu mejtin immedjatament wara li gew maħtufa;

     billi xi mexxejja tribali lokali indikaw li l-Al-Qaeda hija responsabbli għall-ħtif ta' dawn il-persuni,

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-preżenza dejjem tikber tal-Al-Qaeda fil-Jemen u jenfasizza li n-nuqqas ta' azzjonijiet konkreti jista’ jwassal għal erożjoni ulterjuri tal-awtorità tal-gvern ċentrali u distabbilizzazzjoni fir-reġjun fuq il-livell tas-Somalja jew tal-Afganistan, u dan se joħloq opportunitajiet għal estremisti ggwidati jew imnebbħa mill-Al-Qaeda sabiex jerġgħu jingħaqdu, jorganizzaw, jitħarrġu u jniedu operazzjonijiet ta' terroriżmu ġiħadist fid-dinja kollha mit-territorju Jemenit;

2.  Jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Sa’dah u fin-Nofsinhar tal-Jemen u jesprimi l-opinjoni tiegħu li soluzzjoni politika komprensiva biss tista’ tikseb paċi dejjiemi;

3.  Ifakkar lill-partijiet kollha tal-kunflitti fl-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; jistieden lill-partijiet biex jippermettu liċ-ċivili li jixtiequ jaħarbu mill-kunflitt biex jaslu f' postijiet ta' sigurtà, biex jiffaċilitaw l-aċċess għan-NU u għall-NGOs għal żoni fejn inġabru persuni spostati internament, u biex b'mod urġenti jippermettu għajnuna medika u umanitarja ta' emerġenza biex tilħaq lil dawk spostati internament;

4.  jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen biex jintroduċu r-riformi meħtieġa sabiex is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż timxi għall-aħjar;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu, b'kooperazzjoni ma' parteċipanti internazzjonali oħra, aktar assistenza għall-iżvilupp lill-Jemen bil-għan li tkun stabbilizzata s-sitwazzjoni politika u li jittejbu s-sitwazzjoni ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fil-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf li jiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Jemen; jistieden lill-Gvern tal-Jemen biex jiżgura, b'kooperazzjoni mill-qrib mad-donaturi, effikaċja msaħħa tal-għajnuna permezz ta' mekkaniżmi xierqa ta' koordinazzjoni, tqassim u implimentazzjoni;

6.  Jappoġġja l-kooperazzjoni attiva bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Jemen, b'mod partikulari fl-oqsma tal-iżvilupp, il-kontroll, il-ġustizzja, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-traffikar, is-sikurezza marittima, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi kif ukoll l-obbligi internazzjonali tal-Jemen skont it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jsaħħu aktar ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Jemen u biex jeżaminaw l-aktar modi effettivi li bihom l-UE tista' tikkontribwixxi għat-titjib tas-sitwazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà fil-pajjiż; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-preżenza tagħha fil-Jemen għal delegazzjoni sħiħa;


7.  Jistieden lill-Gvern Jemenit biex jagħmel dak kollu possibbli fil-poter tiegħu biex jiġġieled it-terroriżmu fir-reġjun u t-territorju tiegħu;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex joffru programm speċjali ta' għajnuna għall-Jemen li jkun jinkludi taħriġ barra mill-pajjiż għall-uffiċjali Jemeniti (bħalma wettqet l-EUJUST LEX fl-Iraq) u li dawk li jagħtu t-taħriġ fil-ministeri ewlenin (bħalma għamlet l-UE fil-Bosnja-Ħerzegovina) u l-għajnuna fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-EUEOM 2006 qabel l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-ħelsien tas-sitt ostaġġi Ewropej li qed jinżammu fit-territorju tal-Jemen;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, tal-Jemen u tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.