Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0027/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0027/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

13.1.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ryszard Antoni Legutko, Geoffrey Van Orden, Adam Bielan, Charles Tannock, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Struan Stevenson, Konrad Szymański, Paweł Robert Kowal, Ashley Fox, Michał Tomasz Kamiński f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0021/2010

Proċedura : 2009/2813(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0027/2010
Testi mressqa :
B7-0027/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0027/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tas-27 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-27 ta' Ottubru 2009, magħmula mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Komunità Ewropea għall-Jemen għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Tobias Pflüger, l-Aġent President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Istati tal-Golf, inkluż il-Jemen, magħmula wara ż-żjara mill-Bureau tad-Delegazzjoni fil-Jemen bejn it-22 u l-25 ta' Frar 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Umar Farouk Abdulmutallab, it-terrorist Niġerjan li pprova jisplodi ajruplan fuq il-belt ta' Detroit fil-25 ta' Diċembru 2009, kien imħarreġ minn taqsima Jemenita tal-grupp Al Qaeda,

B.  billi l-kollass kontinwu tas-sigurtà fil-Jemen joffri lill-gruppi ta' terroristi u ribelli fir-reġjun, b'mod partikulari l-Al Qaeda, kenn sikur għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-appoġġ ta' operazzjonijiet terroristiċi sussegwenti,

C. billi t-terroriżmu diġà kien ilu għaddej għal ħafna snin qabel 9/11, kif juri l-attakk tat-12 ta' Ottubru 2000 mill-Al Qaeda fuq il-bastiment USS Cole, u billi sa mill-2007 t-terroriżmu fil-Jemen intensifika, u saru aktar minn 30 attakk fuq 'pipelines', faċilitajiet taż-żejt, binjiet tal-gvern, ambaxxati (inklużi l-Ambaxxata Taljana u tal-Istati Uniti), bastimenti u turisti,

D. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed teħżien aktar minħabba r-ribelljoni tal-grupp għal qawmien mill-ġdid tax-Xiti Zaidi f'Sa'dah, fit-Tramuntana, u l-bidu tal-vjolenza mill-moviment seċessjonista fin-Nofsinhar tal-pajjiż,

E.  billi l-ġlied lokali fir-reġjun Sa'dah ħa dimensjoni reġjonali meta l-forzi militari tal-Għarabja Sawdita ġew sfurzati jikkonfrontaw lil ribelli fiż-żona tal-fruntiera ta' dan il-pajjiż u wettqu mill-inqas żewġ attakki fuq il-qagħdiet tar-ribelli,

F.  billi l-kriżi tal-ikel tal-2008 kellha impatt kbir fuq l-ifqar settur tal-popolazzjoni Jemenita, filwaqt li l-kriżi finanzjarja dinjija, b'mod partikolari t-tnaqqis fid-dħul miż-żejt, kompla joħloq pressjoni mhux sostenibbli fuq il-finanzi pubbliċi, li kompliet tiggrava minħabba l-implimentazzjoni limitata ta' riformi ekonomiċi u fiskali li ilhom dovuti,

G. billi r-riżervi taż-żejt tal-Jemen, is-sors ta' aktar minn 75% tad-dħul tal-pajjiż, waslu biex jispiċċaw, u billi l-pajjiż għandu ftit għażliet vijabbli għal ekonomija sostenibbli meta dan iseħħ,

H. billi problema oħra serja li qed iħabbat wiċċu magħha l-Jemen hija n-nuqqas kbir ta' ilma, li huwa kkawżat minn diversi fatturi, fosthom il-fatt li l-konsum domestiku qed jikber, il-ġestjoni ħażina tal-ilma, il-korruzzjoni, in-nuqqas ta' ġestjoni tar-riżorsi u sistemi ta' tisqija li jagħtu lok għal ħafna ħela ta' ilma, billi skont l-istimi tal-gvern, 99% tal-estrazzjoni tal-ilma mhix liċenzjata,

I.   billi s-sitwazzjoni kkawżata minħabba n-nuqqas ta' ikel u ilma fil-Jemen hija kkumplikata aktar minħabba l-fatt li l-popolazzjoni hija dipendenti fuq il-"qat", pjanta li titkabbar biex tinbiegħ u li tirrikjedi ħafna tisqija, u li tant qed titkabbar li l-Jemen sar importatur nett tal-ikel;

J.   billi l-Jemen hu l-ifqar pajjiż tad-dinja Għarbija, bi dħul annwali per capita ta' inqas minn €650, kważi nofs il-popolazzjoni taqla' inqas minn €2 kuljum, u rata ta' qgħad ta' 35%, u li fl-istess ħin għandu waħda mill-ikbar rati tat-tkabbir tal-popolazzjoni fid-dinja, li toħloq aktar problemi ekonomiċi, edukattivi u soċjali,

K. billi ż-żieda fil-piraterija fil-Golf ta' Aden u l-pressjoni migratorja kontinwa mill-Qarn tal-Afrika huma fatturi oħra li jolqtu l-istabilità tal-pajjiż,

L.  billi l-istrett ta' Bab el Mandeb bejn il-Jemen u l-Ġibuti, li huwa wiesa' 18-il mil, għandu importanza strateġika sinjifikanti, għax 3.3 miljun barmil taż-żejt (4% taż-żejt kollu li jiġi prodott fid-dinja kuljum) jgħaddi minnu kuljum,

M. billi sa mill-2004 l-UE tat aktar minn € 144 miljun f'għajnuna lill-Jemen, li l-akbar parti minnhom intużaw għall-iżvilupp ekonomiku, u implimentat programmi ta' assistenza bilaterali biex tappoġġa lill-pulizija u lill-gwardja tal-kosta tal-Jemen,

N. billi wara l-attentat fallut fuq l-ajruplan f'Detroit, il-gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti se jżidu b'mod sostanzjali l-għajnuna militari u umanitarja lill-Jemen u se jimpenjaw ruħhom ukoll biex flimkien jiffinanzjaw unità speċifika anti-terrorista tal-pulizija Jemenita, kif ukoll jappoġġaw il-gwardja tal-kosta tal-Jemen,

O. billi s-sistema edukattiva Jemenita għadha mhix żviluppata u r-rata nazzjonali ta' persuni illitterati hi ta' madwar 50%, u 70% fost in-nisa, u m'hemmx biżżejjed għalliema kwalifikati,

P.  billi r-riformi fil-governanza ġew rikonoxxuti bħala prijorità mill-Gvern Jemenit fl-Aġenda tar-Riforma Nazzjonali;

Q. billi l-elezzjonijiet parlamentari, li kienu se jsiru f'April 2009 ġew posposti biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi essenzjali tas-sistema elettorali; billi s'issa ma ttieħdu ebda passi konkreti lejn dan il-għan,

R.  billi għad baqa' tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Jemen fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-ġudikatura, u speċjalment il-proċessi inġusti quddiem il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, li hija notorja, u l-użu tat-tortura; billi kien hemm każijiet li jinvolvu l-persekuzzjoni ta' ġurnalisti; billi l-qagħda tan-nisa hi speċjalment diffiċli, u kkaratterizzata minn żwiġijiet furzati u diskrepanzi bejn it-trattament tal-irġiel u l-irġiel quddiem il-liġi,

S.  billi sitt ċittadini Ewropej - ħamsa Ġermaniżi u wieħed Britanniku - għadhom qed jinżammu ostaġġi wara li ġew maħtufa f'Ġunju 2009, filwaqt li tliet persuni oħra minn dak il-grupp insabu mejtin immedjatament wara li gew maħtufa; billi xi mexxejja tribali lokali indikaw li l-Al Qaeda hi responsabbli għall-ħtif ta' dawn il-persuni,

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Al Qaeda ilha preżenti fil-Jemen, rabtiet terroristiċi ma' Stati Membri tal-UE, kif ukoll il-fatt li l-awtoritajiet tal-Jemen naqsu milli jieħdu azzjoni effettiva, u jenfasizza li dan jista' jwassal għal erożjoni ulterjuri tal-awtorità tal-gvern ċentrali u distabbilizzazzjoni fir-reġjun tal-livell li hemm fis-Somalja u fl-Afganistan, u dan min-naħa tiegħu se joħloq opportunitajiet għal estremisti ggwidati jew imnebbħa mill-Al Qaeda sabiex jerġgħu jingħaqdu, jorganizzaw, jitħarrġu u jniedu operazzjonijiet ta' terroriżmu fid-dinja kollha mit-territorju Jemenit;

2.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkontribwixxu fl-isforzi biex isaħħu l-kapaċitajiet kontra t-terroriżmu tal-Jemen, b'mod speċjali rigward il-ħolqien ta' unità ġdida ta' kontra t-terroriżmu tal-pulizija tal-Jemen;

3.  Ifakkar lill-partijiet kollha tal-kunflitt fl-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-partijiet biex jippermettu liċ-ċivili li jixtiequ jaħarbu mill-kunflitt biex jaslu f' postijiet ta' sigurtà, biex jiffaċilitaw l-aċċess lin-NU u lill-NGOs għal żoni fejn inġabru persuni spostati internament, u biex jippermettu li l-għajnuna medika u umanitarja ta' emerġenza tilħaq lil dawk spostati internament bħala kwistjoni ta’ urġenza;

4.  Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għal Jemen unifikat, stabbli, sikur u demokratiku, u għaldaqstant, jistieden lill-Istati Membri sabiex iżidu l-assistenza finanzjarja u teknika li jipprovdu lill-gvern tal-Jemen;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Tal-Jemen sabiex jimplimentaw ir-riformi istituzzjonali, ekonomiċi u fiskali li ilhom dovuti, jiġifieri t-tisħiħ tar-rwoli u tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet eletti b'mod demokratiku fil-livell ċentrali u lokali, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-istat, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, it-trawwim tal-integrazzjoni tal-Jemen fl-ekonomija dinjija u reġjonali, l-espansjoni tal-provvediment ta' servizzi soċjali, it-tisħiħ tal-opportunitajiet tax-xogħol u tal-edukazzjoni, l-indirizzar tal-korruzzjoni, l-inflazzjoni u l-qgħad, u t-tnaqqis fis-sussidji tal-gvern;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen sabiex jintroduċu r-riformi meħtieġa sabiex itejbu l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari billi jiżguraw il-libertà tal-midja, id-dritt għal proċess ġust, trattament indaqs tal-irġiel u tan-nisa u l-abolizzjoni taż-żwiġijiet furzati; jilqa' f'dan ir-rigward, liġi riċenti li ffissat l-età minima taż-żwieġ għal 17-il sena;

7.  Jenfasizza l-importanza li ssir elezzjoni fl-2011 u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jistipulaw il-miżuri meħtieġa biex titjieb is-sistema elettorali u tissaħħaħ id-demokrazija, b'mod partikulari billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE wara l-elezzjonijiet demokratiċi presidenzjali u lokali tal-2006; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jissorveljaw il-proċess ta' riforma kostituzzjonali u tal-liġi elettorali li wasslet għall-posponiment tal-elezzjonijiet parlamentari;

8.  Jilqa' l-passi li ttieħdu diġà mill-awtoritajiet sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jiġifieri t-twaqqif ta' Organizzazzjoni Ċentrali għall-Kontroll u l-Verifika u l-Awtorità Nazzjonali Suprema għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni;

9.  Jistieden lill-Istati tal-Golf biex jibqgħu lura mill-prospett li jagħtu sħubija fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf lill-Jemen qabel ma jsiru r-riformi meħtieġa, fosthom progress fuq tnaqqis fis-sussidji tal-gvern, l-indirizzar tal-korruzzjoni, u t-teħid ta' miżuri biex jiġi trattat it-tħassib dwar is-sigurtà; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkoraġġixxi lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf biex isir medjatur kapaċi li jiġbor lid-diversi partijiet tal-Jemen fuq mejda tan-negozjar u jibda djalogu politiku komprensiv;

10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Jemen biex jieħdu sehem attiv fl-istrateġiji internazzjonali għas-sigurtà, bħal 'Operation Atalanta' u 'Operation Allied Protector';

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżguraw li l-għajnuna mogħtija mill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, tiġi użata biex tiffinanzja proġetti li jgawdu minnhom direttament l-akbar għadd ta' persuni possibbli, u li l-effikaċja tagħhom tista' tiġi evalwata fuq il-post;

12. Jitlob li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja internazzjonali tiġi kkontrollata kif jixraq u ġestita b'mod effiċjenti;

13. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen biex isaħħu l-unitajiet tal-gwardja tal-kosta u tal-fruntieri u jintroduċu taħriġ aħjar għall-pulizija u programmi biex is-servizz tal-ħabsijiet isir aktar professjonali, biex titjieb is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u l-ħila tiegħu li jiġġieled it-terroriżmu;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimenta programm speċjali ta' għajnuna għall-Jemen, inkluż taħriġ barra mill-pajjiż għall-uffiċjali tas-servizz ċivili Jemenit (bħalma wettqet l-EUJUST LEX fl-Iraq) u l-impjegar ta' persuni li jagħtu taħriġ fil-ministeri ewlenin (bħalma għamlet l-UE fil-Bosnja-Ħerzegovina) b'mod li jsaħħaħ jew jikkumplimenta sforzi internazzjonali oħra;

15. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-ħelsien tas-sitt ostaġġi Ewropej li qed jinżammu fit-territorju tagħhom;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Jemen u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.