MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
13.1.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Alyn Smith, Jan Philipp Albrecht, Barbara Lochbihler, Malika Benarab-Attou f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0021/2010
B7‑0028/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tas-27 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Ottubru 2009, magħmula mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Komunità Ewropea għall-Jemen għall-perjodu 2007-2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Umar Farouk Abdulmutallab, it-terrorist Niġerjan li pprova jisplodi ajruplan fuq il-belt ta' Detroit fil-25 ta' Diċembru 2009, tħarreġ f'taqsima Jemenita tal-Al Qaeda,
B. billi l-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Jemen dejjem qed tmur għall-agħar jista’ joffri lill-gruppi ta' terroristi u ribelli fir-reġjun, b'mod partikolari lil Al Qaeda, kenn sikur għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-appoġġ ta' operazzjonijiet terroristiċi sussegwenti,
C. billi mill-2007 'l hawn saru aktar minn 30 attakk terroristiku fuq pipelines, faċilitajiet taż-żejt, bini tal-gvern, ambaxxati (inklużi dawk tal-Italja u tal-Istati Uniti), bastimenti u turisti fil-Jemen,
D. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tkun aggravata aktar minħabba l-gwerra ċivili kontra l-grupp għal qawmien mill-ġdid tax-Xiiti Zaidi f'Sa'dah, fit-Tramuntana tal-Jemen, kif ukoll minħabba li faqqgħet il-vjolenza mill-moviment seċessjonista fin-Nofsinhar tal-pajjiż,
E. billi l-ġlied lokali fir-reġjun Sa'dah laħaq dimensjoni reġjonali meta l-forzi militari tal-Arabja Sawdija attakkaw lir-ribelli fil-fruntiera bejn il-Jemen u l-Arabja Sawdija u wettqu tal-anqas żewġ attakki għal għarrieda punittivi fuq il-qagħdiet tar-ribelli, fejn ingħad li kien hemm il-feruti fost il-popolazzjoni ċivili,
F. billi l-kriżi tal-ikel tal-2008 kellha impatt kbir fuq l-ifqar setturi tal-popolazzjoni Jemenita, filwaqt li l-kriżi finanzjarja dinjija, b'mod partikolari t-tnaqqis fid-dħul miż-żejt, kompla joħloq pressjoni mhux sostenibbli fuq il-finanzi pubbliċi, li kompliet taggrava minħabba l-implimentazzjoni limitata ta' riformi ekonomiċi u fiskali li ilhom biex isiru,
G. billi r-riżervi taż-żejt tal-Jemen, is-sors ta' aktar minn 75% tad-dħul tal-pajjiż, waslu biex jispiċċaw, u billi l-pajjiż għandu ftit għażliet vijabbli għal ekonomija sostenibbli meta dan iseħħ,
H. billi problemi sinifikanti oħra li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Jemen jinkludu d-degradazzjoni ambjentali u partikolarment nuqqas kbir ta' ilma, li huwa kkawżat minn konsum domestiku li qed jiżdied, ġestjoni ħażina tal-ilma, korruzzjoni, nuqqas ta' ġestjoni tar-riżorsi u sistemi ta' tisqija li jagħtu lok għal ħafna ħela ta' ilma; billi skont l-istimi tal-gvern, 99% tal-estrazzjoni kollha tal-ilma ssir b'mod mhux liċenzjat,
I. billi s-sitwazzjoni maħluqa min-nuqqas ta' ikel u ilma fil-Jemen hija kkumplikata aktar minħabba l-fatt li l-popolazzjoni tiddependi mill-"qat", pjanta li titkabbar biex tinbiegħ u li tirrikjedi ħafna tisqija, u li tant qed titkabbar li l-Jemen sar importatur nett tal-ikel,
J. billi l-Jemen hu l-ifqar pajjiż fid-dinja Għarbija, bi kważi nofs il-popolazzjoni taqla' inqas minn €2 kuljum u b'rata ta' qgħad ta' 35%, u billi fl-istess ħin għandu waħda mill-ikbar rati tat-tkabbir tal-popolazzjoni fid-dinja, li toħloq aktar problemi ekonomiċi, edukattivi u soċjali,
K. billi ż-żieda fil-piraterija fil-Golf ta' Aden u l-pressjoni migratorja kontinwa mill-Qarn tal-Afrika huma fatturi oħra li jolqtu l-istabilità tal-pajjiż,
L. billi sa mill-2004 l-UE tat aktar minn €144 miljun f'għajnuna lill-Jemen, li l-akbar parti minnhom intużaw għall-iżvilupp ekonomiku, u implimentat programmi ta' assistenza bilaterali biex tappoġġa lill-pulizija u lill-gwardja tal-kosta Jemeniti,
M. billi s-sistema edukattiva Jemenita għadha mhix żviluppata, kif jidher minn rata nazzjonali ta' persuni illitterati ta' madwar 50%, rata ta' kważi 70% ta' nisa illitterati, u mill-fatt li m'hemmx biżżejjed għalliema kwalifikati,
N. billi r-riformi fil-governanza ġew rikonoxxuti bħala prijorità mill-Gvern Jemenit fl-Aġenda tar-Riforma Nazzjonali;
O. billi l-elezzjonijiet parlamentari, li kienu se jsiru f'April 2009 ġew posposti biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi essenzjali tas-sistema elettorali; billi s'issa ma ttieħdu l-ebda passi konkreti lejn dan il-għan,
P. billi għad baqa' tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Jemen fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-ġudikatura, speċjalment proċessi inġusti quddiem il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, li hija magħrufa għalihom, u l-użu tat-tortura sabiex jinkisbu konfessjonijiet ta' ħtija foloz; billi kien hemm 13-il eżekuzzjoni dokumentata, mijiet ta' nies għadhom jistennew il-piena tal-mewt u l-libertà tal-istampa hija ristretta,
Q. billi s-sitwazzjoni tan-nisa hija partikolarment diffiċli, u kkaratterizzata minn żwiġijiet furzati li jinvolvu lil bniet li spiss ma jkollhomx aktar minn tmien snin kif ukoll minn trattament inugwali tal-irġiel u tan-nisa quddiem il-liġi,
R. billi sitt ċittadini Ewropej - ħames Ġermaniżi u Britanniku - għadhom qed jinżammu ostaġġi wara li nħatfu f'Ġunju 2009, filwaqt li tliet persuni oħra minn dak il-grupp instabu mejtin immedjatament wara li nħatfu; billi xi mexxejja tribali lokali indikaw li l-Al Qaeda hija responsabbli għall-ħtif ta' dawn il-persuni,
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen; jitlob li jsiru sforzi konsiderevoli mill-komunità internazzjonali sabiex tkun evitata ż-żieda tal-kriżi attwali;
2. Jinnota l-preżenza dejjem tikber ta' membri tal-Al Qaeda fil-Jemen u jenfasizza li n-nuqqas ta' teħid ta’ azzjonijiet konkreti jista’ jwassal għal erożjoni ulterjuri tal-awtorità tal-gvern ċentrali u destabbilizzazzjoni fir-reġjun fil-livell tas-Somalja jew tal-Afganistan, u dan se joħloq opportunitajiet għal estremisti ggwidati jew imnebbħa mill-Al Qaeda sabiex jerġgħu jingħaqdu, jorganizzaw, jitħarrġu u jniedu operazzjonijiet ta' terroriżmu ġiħadist fid-dinja kollha mit-territorju Jemenit;
3. Itenni t-talba tiegħu għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Sa’dah u fin-Nofsinhar tal-Jemen u jesprimi l-opinjoni tiegħu li soluzzjoni politika komprensiva biss tista’ tikseb paċi dejjiema;
4. Ifakkar lill-partijiet kollha tal-kunflitti fl-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-partijiet biex jippermettu liċ-ċivili li jixtiequ jaħarbu mill-kunflitt biex jaslu f'postijiet sikuri, biex jiffaċilitaw l-aċċess lin-NU u lill-NGOs għal żoni fejn inġabru persuni spostati internament, u biex jippermettu li l-għajnuna medika u umanitarja ta' emerġenza tilħaq lil dawk spostati internament bħala kwistjoni ta’ urġenza;
5. Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għal Jemen magħqud, stabbli u demokratiku;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti sabiex jimplimentaw ir-riformi istituzzjonali, ekonomiċi u fiskali li ilhom biex isiru, jiġifieri t-tisħiħ tar-rwoli u tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet eletti b'mod demokratiku fil-livell ċentrali u lokali, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-istat, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, it-trawwim tal-integrazzjoni tal-Jemen fl-ekonomija dinjija u reġjonali, l-espansjoni tal-għoti ta' servizzi soċjali, it-tisħiħ tal-opportunitajiet tax-xogħol u tal-edukazzjoni, l-indirizzar tal-korruzzjoni, l-inflazzjoni u l-qgħad, u t-tnaqqis fis-sussidji tal-gvern;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti sabiex jintroduċu r-riformi meħtieġa sabiex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari billi jiżguraw il-libertà tal-midja, id-dritt għal proċess ġust, trattament indaqs tal-irġiel u tan-nisa u l-abolizzjoni taż-żwiġijiet furzati; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward, liġi riċenti li ffissat l-età minima taż-żwieġ għal 17-il sena;
8. Jenfasizza l-importanza li ssir elezzjoni fl-2011 u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jistipulaw il-miżuri meħtieġa biex titjieb is-sistema elettorali u tissaħħaħ id-demokrazija, b'mod partikolari billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE wara l-elezzjonijiet demokratiċi presidenzjali u lokali tal-2006; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jissorveljaw il-proċess ta' riforma tal-liġi elettorali u kostituzzjonali li wasslet għall-posponiment tal-elezzjonijiet parlamentari;
9. Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li ttieħdu diġà mill-awtoritajiet sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jiġifieri t-twaqqif ta' Organizzazzjoni Ċentrali għall-Kontroll u l-Verifika u ta' Awtorità Nazzjonali Suprema għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni;
10. Jitlob li titwaqqaf Delegazzjoni tal-Kummissjoni komprensiva għall-Jemen, b'responsabbiltà għall-ġestjoni tal-għajnuna u b'riżorsi umani addizzjonali bbażati lokalment; u dan għandu jikkontribwixxi wkoll għal effikaċja aqwa tal-għajnuna;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu, b'koperazzjoni ma' atturi internazzjonali oħra, aktar assistenza għall-iżvilupp lill-Jemen bil-għan li tkun stabbilizzata s-sitwazzjoni politika u li jittejbu s-sitwazzjoni ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fil-pajjiż; jitlob, b'mod partikolari, li jitqiesu miżuri straordinarji ta' assistenza skont l-Istrument ta' Stabbiltà kif ukoll programm speċifiku sabiex tittejjeb l-edukazzjoni skont l-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp;
12. Jistieden lill-Gvern Jemenit jiżgura, b'koperazzjoni mill-qrib mad-donaturi, effikaċja aqwa tal-għajnuna bl-użu ta' mekkaniżmi xierqa ta' koordinazzjoni, tqassim u implimentazzjoni;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-għajnuna mogħtija mill-baġit tal-Unjoni Ewropea tintuża biex tiffinanzja proġetti li jgawdu minnhom direttament l-akbar għadd ta' persuni possibbli, u li l-effikaċja tagħhom tista' tkun evalwata fuq il-post;
14. Jistieden lill-Istati tal-Golf biex jibqgħu lura mill-prospett ta' sħubija tal-Jemen fil-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf qabel ma jsiru r-riformi meħtieġa, fosthom progress fuq tnaqqis fis-sussidji tal-gvern, l-indirizzar tal-korruzzjoni, u t-teħid ta' miżuri biex jiġi ttrattat it-tħassib dwar is-sigurtà; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkoraġġixxu lill-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf biex isir medjatur kapaċi li jiġbor lid-diversi partijiet Jemeniti fuq mejda tan-negozjati u jibda djalogu politiku komprensiv;
15. Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-ħelsien tas-sitt ostaġġi Ewropej li qed jinżammu fit-territorju tagħhom;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Jemen u lill-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf.