Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0031/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0031/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI Strateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju

18.1.2010

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0240/2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Silvia-Adriana Ţicău, Constanze Angela Krehl, Victor Boştinaru, Brian Simpson, Saïd El Khadraoui, Hannes Swoboda, Evgeni Kirilov, Georgios Stavrakakis, Ivailo Kalfin f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0031/2010

Proċedura : 2009/2812(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0031/2010

B7‑0031/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew għal Strateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija orali dwar Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (O-0150/09 – B7-0240/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 192 u 265(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009, li talbu lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju qabel il-għeluq tal-2010,

–  wara li kkunsidra l-programm tal-Kunsill, imħejji mill-Presidenza Spanjola, dik Belġjana u dik Ungeriża;

–   wara li kkunsidra l-Forum tad-Danubju stabbilit fil-Parlament u l-ħidma tal-Forum,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ‘Strateġija tal-UE għaż-Żona tad-Danubju’, ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Espoo, Aarhus, u Berna dwar il-ħarsien tal-ambjent,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Belgrad li tirregola n-navigazzjoni tul id-Danubju,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi x-Xmara Danubju tgħaqqad għaxar pajjiżi Ewropej – il-Ġermanja, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Kroazja, is-Serbja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Moldova, u l-Ukraina - li sitta minnhom huma Stati Membri tal-UE;

B.  billi l-istati matul ix-xtut tad-Danubju jirrappreżentaw potenzjal soċjo-ekonomiku importanti fl-Ewropa, b'aktar minn 200 miljun abitant;

C.  billi r-reġjun tad-Danubju huwa punt importanti fejn jiltaqgħu il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, il-miżuri għall-kandidati għall-adeżjoni u kandidati potenzjali , kif ukoll għall-programmi għall-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Politika Ewropea għall-Viċinat;

D.  billi l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju tal-UE għandha tkun żviluppata f’dawn l-oqsma ta’ kooperazzjoni li ġejjin: żvilupp u ħarsien soċjali, żvilupp ekonomiku sostenibbli, infrastruttura tat-trasport u l-enerġija, ħarsien tal-ambjent, kultura u edukazzjoni,

E.  billi l-Istrateġija tal-UE għad-Danubju tista' tagħti kontribut importanti għall-ksib ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u l-organizzazzjoni reġjonali u lokali li jaħdmu fir-reġjun tad-Danubju u tista' tiżgura l-ġid, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u s-sigurtà fiz-zona,

F.  billi l-Istrateġija tal-UE għad-Danubju li ssegwi l-mudell tal-Istrateġija għall-Baħar Baltiku, għandha l-potenzjal li tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali għalbiex ikun hemm aktar tkabbir ekonomiku u biex jiġu identifikati responsijiet konġunti għall-isfidi komuni;

G. billi r-reġjun tad-Danubju huwa punt ta’ dħul storiku u sinfikattiv li jgħaqqad il-Punent u l-Lvant tal-UE

H. billi hemm storja twila ta' kooperazzjoni fir-reġjun tad-Danubju: il-Kummissjoni Ewropea tad-Danubju, li twaqqfet fit-30 ta' Marzu 1856 u li kellha s-sede oriġinarja tagħha f'Galaţi (ir-Rumanija), kienet waħda mill-ewwel istituzzjonijiet Ewropej, u l-lum għandha s-sede tagħha f'Budapest;

I.   billi x-Xmara Danubju għoddha saret rotta għall-ivvjaġġar fluvjali intern tal-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir tal-2007 u r-Reġjun tad-Danubju jista' jagħti kontribut sostanzjali li jkun jirrifletti l-bidliet li seħħew mit-tkabbir ’l hawn,

J.   billi x-Xmara Danubju, flimkien mal-kanal il-Kbir u x-Xmara Renu, jgħaqqdu l-Baħar tat-Tramuntana mal-Baħar l-Iswed u jagħtu s-sisien li fuqhom jista’ jinbena l-isfruttament tal-qagħda ġeostrateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

K.  billi jekk iz-zona tad-Danubju titqies bħala makroreġjun wieħed, dan jista' jgħin biex jintgħelbu d-differenzi reġjonali rigward il-prestazzjoni ekonomika u jinżamm l-iżvilupp integrat;

L.  billi d-Delta tad-Danubju hija Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESO, u dan sa mill-1991, u fir-reġjuni tad-Danubju hemm bosta Zoni ta’ Protezzjoni Speċjali u Zoni Speċjali għall-Konservazzjoni skont il-qafas tan-Natura 2000; billi d-Danubju u d-Delta tad-Danubju għandhom ekosistema unika u fraġli, li fiha jgħixu speċijiet rari ta’ pjanti li jinsabu mhedda minħabba t-tniġġis;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tibda, kemm jista’ jkun malajr, konsultazzjonijiet wiesgħa mal-pajjiżi kollha matul ix-xtut tax-Xmara Danubju u tippreżenta l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Danubju sa mhux aktar tard minn għeluq l-2010;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Strateġija tal-UE għad-Danubju sabiex jiġu koperti b'mod orizzontali l-aspetti differenti tal-kooperazzjoni reġjonali, jiġu promossi s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn il-ħidma tal-korpi u l-organizzazzjonijiet reġjonali;

3.  Jemmen li l-korpi reġjonali u lokali, minħabba l-qrubija tagħhom mal-popolazzjoni u l-fatt li huma konxji mill-ħtiġiet tagħhom, għandu jkollhom rwol importanti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-istrateġija tal-UE;

4.  Jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun tad-Danubju bħala zona ta’ prijorità tal-UE u l-promozzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali aktar profonda fir-reġjun tad-Danubju bħala komponent dinamiku ta’ zona ekonomika u politika Ewropea usa’;

5.  Iqis li hu importanti li jsir il-massimujittieħed vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-ekonomiji tar-reġjun tad-Danubju bit-tir li ssir waħda mill-aktar zoni attraenti fl-UE u fid-dinja;

6.  Jitlob li jkun hemm it-titjib tal-istatus ekoloġiku tax-xmara Danubju, li bħalissa hija xmara mniġġsa, li jitnaqqas it-tniġġis u li ma jibqax jintrema aktar żejt u aktar sustanzi tossiċi u noċivi fiha;

7.  Jinnota li r-responsabiltà għat-tniġġis tar-Reġjun tad-Danubju hija kemm tal-pajjiżi rivjeraski l-oħrajn u kif ukoll tal-Istati Membri; jisħaq li l-ħarsien tal-ambjent fil-baċin tax-xmara Danubju se jinfluwenza bil-kbir l-iżvilupp agrikolu u rurali tar-reġjun;

8.  Jisħaq dwar il-ħtieġa tal-protezzjoni u t-tisħiħ tal-istokk ta’ ħut fid-Danubju; jitlob lill-Kummissjoni tipprepara pjan komprensiv għall-konservazzjoni u r-restawr tal-istokk naturali ta’ storjun fix-xmara Danubju;

9.  Jisħaq dwar il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat immirat lejn assorbiment aktar effiċjenti u aħjar tal-fondi disponibbli kollha tal-UE fl-Istati tul ix-Xmara Danubju, biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija;

10. Jisħaq li l-Istrateġija tad-Danubju għandha tinkludi miżuri li għandhom ikunu implimentati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi rivjeraski kollha;

11. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tkun żgurata d-diversifikazzjoni tal-għejjun tal-enerġija u jistieden lill-Kummissjoni u lill-istati rivjeraski kollha jżidu kooperazzjoni fil-qasam enerġetiku;

12. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi rivjeraski jippromwovu u jimplimentaw proġetti konġunti dwar l-effiċjenza enerġetika u dwar riżorsi enerġitiċi rinnovabbli, fid-dawl tal-potenzjal tar-reġjun bħala għajn ta' bijoenerġija, u biex jinkoraġġixxu l-użu ta' enerġija mill-bijomassa, mix-xemx, mir-riħ u mill-ilma;

13. Jisħaq li valutazzjonijiet adegwati tal-impatt fuq l-ambjent għandhom ikunu prerekwiżit għall-proġetti ta' infrastruttura kollha relatati mal-enerġija, sabiex jiġi garantit li jintlaħqu l-istandards internazzjonali tal-ħarsien tal-ambjent, wara li jiġu kkonsultati l-imsieħba li jistgħu jiġu affettwati minn dawn id-deċiżjonijiet;

14. Ifakkar fir-rwol tad-Danubju bħala fattur li jgħaqqad fir-reġjun; jissuġġerixxi li għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fir-reġjun;

15. Jipproponi l-integrazzjoni tas-sistema tat-trasport tal-UE ma’ dawk tal-pajjiżi ġirien tal-UE fir-reġjun tad-Danubju u jisħaq dwar l-importanza tal-provviżjon għall-proġetti intermodali;

16. Iqis is-sistema ta’ navigazzjoni ta’ rotot għall-ivjaġġar fluvjali bħala aspett importanti tal-iżvilupp tat-trasport tar-reġjun, filwaqt li jirrikonoxxi it-tnaqqis tan-navigazzjoni fir-rotot għall-ivvjaġġar fluvjali intern, li huwa dovut l-aktar għar-rallenament ekonomiku f’saħħtu, u jisħaq dwar l-importanza tal-eliminazzjoni tal-konġestjonijiet fir-rotta tal-ivvjaġġar fluvjali fuq l-assi Renu/Meuse-Main-Danubju biex titjieb in-navigazzjoni;

17. Jipproponi li n-Netwerk Trans-Ewropew għandu jissaħħaħ biex titjieb l-intermodalità fir-reġjun kollu u tiżdied il-konnettività mal-Baħar l-Iswed permezz tar-rotot stradali u ferrovjarji (il-kuriduri tat-tagħbija u l-ferroviji ta’ veloċità għolja);

18. Iqis it-turiżmu bħala strument importanti għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku fir-reġjun;

19. Jiġbed l-attenzjoni għall-interdipendenza ekonomika eċċezzjonali tal-istati fir-reġjun tad-Danubju u jenfasizza l-importanza tal-investiment fl-ICTs u fl-iżvilupp tal-impriżi żgħar u medji biex jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli u effiċjenti u tkun stimolata l-ekonomija l-ħadra fil-makro-reġjun kollu tad-Danubju;

20. Jappoġġja l-programmi mmirati lejn it-titjib tal-ambjent multikulturali fir-reġjun tad-Danubju billi tiġi kkoltivata l-mobilità multinazzjonali, ikun promoss id-djalogu kulturali, ikunu żviluppati forom ta’ arti u komunikazzjoni u jitħares il-wirt kulturali u storiku;

21. Jappoġġja l-programmi ta’ skambji universitarji fir-reġjun u jipproponi li l-universitajiet fir-reġjun jikkostitwixxu netwerks biex jikkoltivaw ċentri ta’ eċċellenza kapaċi li jikkompetu f’livell internazzjonali;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-arranġamenti amministrattivi biex inaqqsu l-piż amministrattiv inerenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju;

23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw proġetti ta' prijorità għar-reġjun tad-Danubju;

24. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib miegħu biex jiġu ddefiniti l-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju u tinformah u tikkonsultah regolarment dwar il-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija;

25. Jipproponi li s-Samit tad-Danubju tal-UE jsir darba kull sentejn u li l-konklużjonijiet tiegħu jiġu ppreżentati lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-istituzzjonijiet relevanti.