MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-terremot f'Ħaiti
3.2.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Gay Mitchell, Michèle Striffler, Carlos Coelho, Filip Kaczmarek, Licia Ronzulli, Iva Zanicchi, Cristian Dan Preda, Lena Kolarska-Bobińska, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE-DE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0072/2010
B7‑0072/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-terremot f’Ħaiti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fit-18 ta' Jannar 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-terremot f'Ħaiti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tad-19 ta' Jannar 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali Preparatorja f'Montreal fil-25 ta' Jannar 2010,
– wara li kkunsidra l-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ffirmat f'Diċembru 2007 mit-tliet istituzzjonijiet Ewropej,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi terremot ta' 7.0 fuq l-iskala Richter laqat lill-gżira ta' Ħaiti fit-12 ta' Jannar 2010,
B. billi wara t-terremot seħħew aktar minn 30 terremot sekondarju, li wieħed minnhom kien ta' 5.9 fuq l-iskala Richter,
C. billi l-epiċentru tat-terremot kien il-belt ta' Léogâne, xi 19-il kilometru lejn il-punent ta' Port au Prince, il-kapitali ta' Ħaiti,
D. billi t-terremot hu stmat li ħalla 200 000 ruħ mejta u madwar 250 000 ruħ midruba,
E. billi kważi 3 miljun ruħ intlaqtu b'mod dirett mit-traġedja u aktar minn 2 miljun ruħ jeħtieġu għajnuna f'ikel,
F. billi hemm il-ħtieġa urġenti li jinbnew aktar minn 25 kamp fis-sitt xhur li ġejjin, qabel ma jibda l-istaġun tax-xita, biex jiġu alloġġati 10 000 ruħ f'kull wieħed minnhom, u b'hekk ikun provdut kenn għal 250 000 ruħ spustati u bla dar,
G. billi Ħaiti hu l-aktar pajjiż fqir fl-Emisferu tal-Punent u qabel ma seħħ it-terremot, aktar minn 70% tal-popolazzjoni kienu qed jgħixu taħt il-livell tal-faqar, b'inqas minn USD 2 kuljum;
H. billi Ħaiti għandu dejn estern kbir, li jammonta għal madwar USD 890 miljun ma' kredituri internazzjonali, u li ħafna minnu huwa dejn mal-Fond Monetarju Internazzjonali,
I. billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni għal żmien medju u fit-tul, inklużi l-miżuri ta' kostruzzjoni min-naħa tal-Istat, jeħtieġ jiġu koordinati bejn id-donaturi internazzjonali tal-għajnuna u implimentati mill-qrib mal-awtoritajiet u mas-soċjetà ċivili ta' Ħaiti,
J. billi l-qerda li kkawża t-terremot u d-diżastru umanitarju li ġab miegħu jenfasizzaw ir-rwol u l-ħtieġa tal-Kummissarju l-ġdida għall-Koperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżijiet,
K. billi l-bini mill-ġdid immedjat tal-kapaċità ta' Ħaiti għal demokrazija u gvern li jaħdmu hu parti essenzjali miċ-ċaqliqa mill-għoti tal-ewwel fażi ta' għajuna ta' emerġenza għall-kompitu kbir tal-bini mill-ġdid tan-nazzjon,
1. Jesprimi l-kondoljanzi sinċiera, il-kompassjoni u s-solidarjetà tiegħu lill-poplu ta' Ħaiti u ta' nazzjonijiet oħra, lill-familji tal-vittmi ta' din it-traġedja kif ukoll lill-persunal tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-NU u l-Kummissjoni Ewropea, għat-telf kbir ta' ħajjiet u l-qerda kbira li kkawża t-terremot;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn preliminari tal-Kummissjoni għal assistenza umanitarja immedjata ta' EUR 30 miljun, flimkien ma' EUR 136 miljun f'impenji preliminari mill-Istati Membri, kif ukoll l-impenn preliminari ta' EUR 100 miljun tal-Kummissjoni għal assistenza bikrija mhux umanitarja u EUR 200 miljun bħala rispons fuq medda itwal ta' żmien;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li jibgħat 350 pulizija militari biex jappoġġaw l-isforzi ta' għajnuna f'Ħaiti, u li se jkunu taħt il-kmand tan-NU, u d-deċiżjoni li tinħoloq ċellola ta' koordinazzjoni (EUCO Ħaiti) fi Brussell biex tiffaċilita r-rispons proattiv Ewropew fil-qasam militari u tas-sigurtà kif ukoll il-koordinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE;
4. Jirrikonoxxi x-xogħol magħmul mill-Istati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE u l-koordinazzjoni effikaċi ta' din l-għajnuna mit-timijiet taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) u tal-ECHO li ntbagħtu sigħat biss wara li seħħ it-terremot, l-għajnuna provduta minn 24 pajjiż tal-UE/ŻEE (inkluż it-tiftix u s-salvataġġ, is-saħħa, il-kenn, l-ilma, l-iġjene u l-ilbies) li swiet biex setgħu jittaffew il-ħtiġijiet urġenti, u r-rispons immedjat mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi;
5. Jinnota li għall-ewwel darba l-Kummissjoni utilizzat żewġ moduli li kienu disponibbli permezz ta' azzjoni ta' tħejjija għal Kapaċità ta' Rispons Rapidu tal-UE stabbilita bl-appoġġ tal-Parlament, jiġifieri unità tal-ippurifikar tal-ilma u faċilità medika avvanzata b'taqsima tal-kirurġija, li kienu qed jinżammu għal-lest minn Franza u l-Italja għall-operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tagħmel evalwazzjoni tar-rispons Ewropew għall-kriżi umanitarja f'Ħaiti u biex tippreżenta proposti bl-għan li ttejjeb aktar l-azzjonijiet tal-UE fir-rigward ta' sitwazzjonijiet simili fil-ġejjieni;
7. Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar u ta' komplementarjetà tal-azzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Membri biex jinkiseb rispons rapidu, effikaċi, koordinat u viżibbli f'każ ta' kriżi/diżastru, u b'hekk ikun żgurat approċċ li jorbot l-għajnuna, ir-rijabilitazzjoni u l-iżvilupp, bi tranżizzjoni sostnuta bejn l-għajnuna immedjata u r-rispons ta' wara l-emerġenza;
8. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar il-ħolqien ta' Forza tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE ġenwina, indipendenti u permanenti msejsa fuq il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE mill-aktar fis possibbli, inkluża kapaċità militari għal missjonijiet ta' salvataġġ ċivili biex tiġi żgurata s-sigurtà u l-ħeffa biex tasal l-għajnuna, bħalma talab fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-2007, 2008 u 2009 fis-segwitu tar-rapport Barnier;
9. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin biex tieħu sehem ewlieni fil-koordinazzjoni tar-rispons għall-kriżijiet min-naħa tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tuża r-responsabilitajiet li nħolqu skont it-Trattat ta' Lisbona biex ikun ikkoordinat aħjar ir-rispons tal-UE għal kriżijiet fil-ġejjieni, filwaqt li tibni fuq dak li diġà nkiseb;
10. Iħeġġeġ lill-UE biex tindirizza l-kwistjoni ta' viżibilità mtejba min-naħa tal-UE għal kriżijiet fil-ġejjieni, li tkun tikkorrispondi mal-kontribut sinifikanti tal-UE għall-protezzjoni ċivili, kif ukoll għall-għajnuna umanitarja u dik għall-iżvilupp;
11. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex mill-aktar fis possibbli twettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' wara d-diżastru, biex il-konferenza internazzjonali/samit globali ppjanati dwar ir-rikostruzzjoni ta' Ħaiti jintemmu bi pjanijiet ġenwini għar-rikostruzzjoni sostenibbli tal-pajjiż fuq medda qasira, medja u twila ta' żmien;
12. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tiżgura li l-poplu ta' Ħaiti u l-gvern tagħhom ikunu l-atturi ewlenin tal-proċess ta' rikostruzzjoni, biex ikunu jistgħu jieħdu f'idejhom is-sjieda tal-ġejjieni kollettiv tagħhom;
13. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex jikkoordinaw rispons ma' pajjiżi oħra, fosthom l-Istati Uniti, biex jieħdu sehem attiv fir-rikostruzzjoni tal-kapaċità bażika tal-istat u biex jikkonċentraw fuq l-għajnuna għal żmien medju u fit-tul li tkun immirata lejn ir-rikostruzzjoni tal-bliet u tal-irħula ta' Ħaiti, u l-infrastruttura, l-iskejjel u l-isptarijiet tagħhom;
14. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali sabiex tindirizza l-kwistjoni tad-dejn kbir li għandu Ħaiti u sabiex teżamina l-modi u l-mezzi biex jitnaqqas dan id-dejn; jistieden b'mod speċjali lill-FMI biex jikkunsidra li jibdel is-self riċenti ta' USD 100 miljun f'għotja;
15. Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jużaw din l-opprtunità biex isolvu l-problema tal-faqar sottostanti ta' Ħaiti darba għal dejjem; jinnota li l-kwartier fqir ta' Cité Soleil fil-kapitali Port au Prince hu wieħed mill-aktar postijiet perikolużi fid-dinja, u fih joqogħdu kważi 500 000 ruħ, li ħafna minnhom jgħixu f'faqar estrem;
16. Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex b'urġenza jivvalutaw il-ħtieġa ta' pjan koordinat li jittratta l-kwistjoni tal-eluf ta' tfal li sfaw iltiema minħabba t-terremot; jenfasizza r-riskju gravi ta' abbużi ta' traffikar tal-bnedmin u jistieden lill-UE biex tagħti attenzjoni speċjali biex tiżgura li t-tfal jiġu provduti mill-inqas bil-ħtiġijiet bażiċi tas-saħħa u tal-edukazzjoni minnufih jew fi żmien medju;
17. Iħeġġeġ bll-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea u lill-komunità internazzjonali biex jissorveljaw il-qagħda tas-saħħa tal-popolazzjoni ta' Ħaiti, b'mod speċjali n-nisa u t-tfal; jitlob li jitwaqqaf grupp ad hoc bl-għan li tinħoloq bażi ta' data b'informazzjoni dwar is-saħħa tat-tfal kollha ta' Ħaiti, biex il-persunal mediku li qed jaħdem f'Ħaiti jkun jista' jtejjeb il-kwalità tal-ewwel għajnuna u jkollu aċċess għal strument siewi għall-prevenzjoni ta' mard komuni tat-tfulija u infezzjonijiet ġenerali oħra;
18. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tiżgura li l-kwistjoni li jittaffa l-faqar f'Ħaiti tibqa' prijorità fl-aġenda sabiex tgħin lill-Ħaiti joħroġ minn dan id-diżastru bħala demokrazija li tiffunzjona b'mod sħiħ b'ekonomija li tista' ssostni lill-poplu u biex tiżgura li l-irkupru ta' Ħaiti jitkejjel matul is-snin u mhux biss fil-ġimgħat jew fix-xhur ta' wara l-kriżi;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, lill-President u l-Gvern tal-Ħaiti, lis-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Għajnuna ta' Emerġenza, lill-Bank Dinji u lill-Fond Monetarju Internazzjonali.