MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-terremot reċenti f’Ħaiti
3.2.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Eva Joly, Isabelle Durant, Daniel Cohn-Bendit, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0072/2010
B7‑0073/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-terremot reċenti f’Ħaiti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja,
– wara li kkunsidra l-Missjoni ta’ Stabilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ħaiti (MINUSTAH),
– wara li kkunsidra l-proposta ta’ Michel Barnier għal forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili msejħa ‘Għajnuna mill-Ewropa’,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-terremot reċenti, li seħħ b’immensità bħal qatt qabel ta’ 7.3 fuq l-iskala Richter, irriżulta f’iktar minn 150 000 mewt, ħalla 150 000 ruħ midruba b’mod gravi, 1.5 miljun persuna bla dar, u qered il-bini governattiv ewlieni ta' Port-au-Prince u l-infrastruttura ekonomika,
B. billi l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) irrapporta li madwar miljun persuna jeħtieġu l-kenn madwar il-pajjiż u li madwar 500 000 ruħ ġew spostati internament,
C. billi jagħraf li l-biċċa l-kbira mix-xogħol ta’ għajnuna sar min-nies ta’ Ħaiti nnifishom filwaqt li gvernijiet, individwi u korporazzjonijiet li taw kontribut irreaġixxew malajr u b'ġenerożità għat-terremot ta' Ħaiti,
D. billi minbarra l-operazzjoni ta’ għajnuna immedjata, l-isforzi ta’ rkupru fuq terminu ta’ żmien medju u fit-tul għar-rikostruzzjoni tal-għajxien tan-nies, tal-infrastruttura meqruda, tal-istituzzjonijiet tal-istat u l-attivitajiet ekonomiċi jeħtieġu impenn internazzjonali fit-tul,
E. billi hu inkwetat dwar ir-riskju tal-adozzjoni illegali u t-traffikar tat-tfal u l-possibbiltà li n-nies jisfruttaw is-sitwazzjoni kaotika fil-pajjiż u n-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-gvern biex jikkontrollaha,
F. billi 250 000 ruħ huma kkalkulati li telqu minn Port-au-Prince u madwar miljun ruħ mistennija jitilqu lejn iż-żoni rurali,
G. billi deċenni ta’ instabbilità politika kkontribwew għad-dgħufija tal-istituzzjonijiet tal-gvern u l-kapaċitajiet tal-istat biex jipprovdi s-servizzi pubbliċi bażiċi qabel it-terremot, u billi l-ħsara li kkawża t-terremot ipparalizzat il-kapaċità tal-istat biex jirreaġixxi b’mod attiv għall-isforz ta' għajnuna, u b’hekk is-sitwazzjoni marret għall-agħar,
H. billi Ħaiti tinsab mgħakksa b’dejn barrani ta’ USD 1 biljun, li kien diġà ostaklu għall-iżvilupp ta’ Ħaiti qabel ma seħħ it-terremot u jista’ jfixkel l-isforz ta’ rkupru tal-pajjiż,
I. billi l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ta USD 100 miljun għat-tnedija tal-Pjan Marshall bħala reazzjoni għall-ħtiġijiet immedjati u biex isir pjan għall-futur, iżda billi xi Stati Membri tal-UE ma qablux ma’ din il-proposta li issa ġiet sostitwita bi skema ta’ self,
J. billi ġiet organizzata konferenza ta’ donaturi f’Montreal biex tevalwa l-ħtiġijiet tal-pajjiż, fejn kien hemm preżenti l-Prim Ministru ta’ Ħaiti,
1. Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-poplu ta’ Ħaiti u lill-persunal tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-NU u l-UE;
2. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn preliminari tal-Kummissjoni ta’ EUR 30 miljun f’assistenza umanitarja, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-Appell Rapidu maħruġ mill-OCHA għal USD 575 miljun jilħqu biss 47% ta’ dan l-ammont;
3. Jitlob valutazzjoni komprensiva biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet fit-tul kif ukoll fuq terminu ta’ żmien qasir tal-popolazzjoni u sabiex jiġi stabbilit l-involviment tal-UE fil-proċess ta’ rikostruzzjoni, li jkun ikopri t-tliet fażijiet ta’ għajnuna ta’ emerġenza, rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni;
4. Jistieden lin-NU biex tirrevedi l-mandat ta' MINUSTAH flimkien mal-awtoritajiet ta’ Ħaiti sabiex tirreaġixxi għall-ħtiġijiet tal-pajjiż wara d-diżastru, b’enfasi partikolari fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà;
5. Għandu dubji serji dwar kemm hu rakkomandabbli li jinfetaħ kamp għar-rifuġjati f’Gwantanamo għall-vittmi tat-terremot;
6. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-adozzjoni illegali u t-traffikar tat-tfal u l-possibbiltà li xi nies jisfruttaw is-sitwazzjoni kaotika attwali, u jistiedem lill-UE u lin-NU biex jgħinu lill-awtoritajiet ta’ Ħaiti fil-kontroll ta’ dan il-fenomenu u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu faċilitati r-riunifikazzjoni ta’ familji u l-adozzjoni trasparenti u kkontrollata permezz ta’ istituzzjonijiet magħrufa;
7. Jilqa’ r-reazzjoni rapida għall-emerġenza mill-awtoritajiet ta’ Ħaiti, is-soċjetà ċivili, l-UE, in-NU, id-donaturi bilaterali u l-NGOs internazzjonali, u jistieden lin-NU biex tikkoordina l-isforz tal-għajnuna internazzjonali u l-ħtiġijiet ta’ rikostruzzjoni tal-pajjiż taħt it-tmexxija mhux ikkontestata tal-awtoritajiet ta’ Ħaiti, u jitlob lill-UE biex taħdem mill-qrib f’kooperazzjoni man-NU;
8. Jenfasizza li l-Gvern ta’ Ħaiti, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom rwol ewlieni fir-rikostruzzjoni tal-infrastruttura meqruda u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż kif ukoll fl-iżvilupp ekonomiku tiegħu, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-għarfien tal-UE disponibbli għalihom;
9. Jenfasizza l-importanza li tingħata l-għajnuna xierqa lill-awtoritajiet lokali biex ikunu jistgħu jistimulaw l-ekonomija fi żmien minħabba li mijiet ta’ eluf ta’ nies qed jitilqu minn Port-au-Prince biex imorru jgħixu fil-kampanja;
10. Jistieden lill-UE u lil donaturi internazzjonali oħra biex, fejn ikun possibbli, jakkwistaw ikel prodott fil-pajjiż għall-isforz ta’ għajnuna, biex b'hekk ikunu qegħdin jagħtu kontribut importanti biex jgħinu l-ekonomija rurali, u jistieden lill-UE biex tappoġġa s-settur agrikolu billi tipprovdi lill-bdiewa li jaħdmu fuq skala żgħira bil-materjal meħtieġ;
11. Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ tagħha għal programmi fejn min jaħdem jitħallas fi flus likwidi, li huma importanti biex jiġu injettati l-flus fl-idejn fil-komunità għat-tnedija ta’ attivitajiet ekonomiċi;
12. Jitlob biex jitħassar minnufih id-dejn kollu li għad irid jitħallas minn Ħaiti, u jenfasizza li kwalunkwe assistenza ta’ emerġenza għat-terremot għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ għotjiet ta’ flus minflok f’self li kull ma jagħmel hu li jżid id-dejn tal-pajjiż;
13. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni biex jistabbilixxi forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili, kif proposta minn Michel Barnier, sabiex jiġi żgurat l-għoti iktar effettiv u kkoordinat aħjar ta’ għajnuna umanitarja mill-UE; ifaħħar ix-xogħol ta’ protezzjoni ċivili tal-UE f’Ħaiti;
14. Huwa offiż immensament minħabba l-fatt li d-donaturi ma qablux mal-idea inizjali tal-FMI għat-tnedija ta’ tip ta’ Pjan Marshall biex jgħin lill-awtoritajiet ta’ Ħaiti fil-ħtiġijiet immedjati – f’forma ta’ għoti ta’ USD 100 miljun u ma’ proposta li jitħassar id-dejn – u li din il-proposta sparixxiet mill-aġenda tal-konferenza tad-donaturi li saret f’Montreal fil-25 ta’ Jannar;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet għal wara d-diżastru u rapport ta’ progress dwar ir-rikostruzzjoni lill-Parlament;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU u lill-Gvern ta’ Ħaiti.