Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0075/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0075/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-terremot f'Ħaiti

3.2.2010

biex jingħalaq id-dibattitu dwar l-istqarrija tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Véronique De Keyser, Thijs Berman, Linda McAvan, Enrique Guerrero Salom, Patrice Tirolien, Michael Cashman, Georgios Stavrakakis f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0072/2010

Proċedura : 2010/2518(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0075/2010
Testi mressqa :
B7-0075/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0075/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-terremot f’Ħaiti

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali Preparatorja f'Montreal tal-25 ta' Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu tal-Parlament Ewropew dwar it-terremot ta’ dan l-aħħar li seħħ f’Ħaiti mar-Rappreżentant Għoli Ashton fid-19 ta' Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fi Brussell tat-18 ta' Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi terremot ta’ qawwa ta’ 7.3 fuq l-iskala Richter laqat lil Ħaiti fit-12 ta’ Jannar, b’għadd kbir ta’ skossi qawwija li seħħew wara għadhom jaffettwaw lill-pajjiż, fejn ikkawżaw ħsara katastrofika lil Port-au-Prince, Jacmel u żoni oħra abitati fir-reġjun,

B.  billi ġie rrappurtat li hemm mal-150 000 ruħ mejta, 200 000 midruba u ’l fuq minn 3 miljun ruħ milquta b’mod dirett,

C. billi l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) irrapporta li hemm mal-miljun ruħ fil-pajjiż kollu li jeħtieġu kenn u li hemm mal-500 000 ruħ li huma spostati internament,

D. billi l-Gvern Ħaitjan ikkalkula li 235 000 persuna telqet minn Port-au Prince u li sa miljun persuna tista' titlaq mill-ibliet biex tmur f'żoni rurali u b'hekk tiġi eżerċitata pressjoni fuq komunitajiet li diġà huma vulnerabbli,

E.  billi xi 1.8 miljun ruħ ma kellhiex sigurtà ta’ ikel qabel it-terremot, f’pajjiż fejn qrib is-60 fil-mija tal-popolazzjoni tgħix f’żoni rurali u 70 fil-mija tgħix fuq inqas minn USD 2 kuljum,

F. billi l-Kummissjoni Ewropea qablet li tipprovdi EUR 137 miljun għal dak li jinħtieġ fil-perjodu qasir u tal-anqas EUR 200 miljun għall-perjodu medju u għall-perjodu aktar fit-tul, filwaqt li l-Istati Membri jipprovdu EUR 92 miljun addizzjonali,

G. billi 24 pajjiż Ewropew qed jipprovdi assistenza lil Ħaiti permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE u 350 uffiċjal biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-pulizija tal-MINUSTAH kif ukoll esperti u tagħmir tal-inġinerija kif ukoll assistenza loġistika marittima,

H. billi Ħaiti hija mgħobbija b’dejn barrani li jammonta għal USD 890 miljun minkejja l-fatt li f’Lulju 2009 il-komunità internazzjonali qablet li tikkanċella USD 1.2 biljun mid-dejn li Ħaiti kienet għamlet sal-2004,

1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-poplu ta’ Ħaiti u lill-popli ta’ nazzjonijiet oħra u lis-staff tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-NU u l-Kummissjoni Ewropea, u jesprimi l-kompassjoni u s-solidarjetà sinċiera tiegħu magħhom għat-telfa massiva ta' ħajjiet u d-devastazzjoni kkawżati mit-terremot;

2.  Jilqa’ l-isforzi tal-awtoritajiet Ħaitjani u tas-soċjetà ċivili ta’ Ħaiti, kif ukoll tan-NU, l-NGOs u donaturi bilaterali oħra biex iġibu l-għajnuna lill-poplu ta' Ħaiti, u pubblikament ifaħħar il-ħidma tal-organizzazzjonijiet umanitarji u tal-individwi minn madwar l-Unjoni kollha;

3.  Iħeġġeġ li l-prijorità tal-UE tingħata lill-forniment ta’ timijiet ta’ tiftix u salvataġġ urban, inklużi kapaċitajiet ta' inġinerija militari u ċivili, bil-konċentrazzjoni fuq l-emerġenzi tas-saħħa, l-ilma u l-kundizzjonijiet għall-ħarsien tas-saħħa, il-faċilitajiet mediċi, il-kenn, il-loġistika, it-telekomunikazzjonijiet u l-ikel; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jitħejjew biex jissodisfaw it-talbiet tan-NU għal aktar assistenza;

4.  Jesprimi tħassib serju dwar il-benessri ta’ dawk vulnerabbli, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal; jistieden lill-UE biex tagħmel l-almu tagħha kollu, billi tuża kull mezz disponibbli, biex tipprovdi min jieħu ħsieb tat-tfal orfni, waħedhom jew isseparati, u tħarishom milli jitneħħew minn Ħaiti b’mod mhux xieraq jew illegali; jitlob li jsiru sforzi mill-UE biex b’urġenza tibda tħaddem skejjel temporanji u tipprovdi servizz ta’ konsulenza lit-tfal;

5.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tidentifika l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-ħtiġijiet identifikati min-Nazzjonijiet Uniti għal appoġġ addizzjonali għat-trasport u t-twassil tal-għajnuna umanitarja u biex tingħata assistenza lill-MINUSTAH; f’dan il-kuntest, jilqa’ l-proposta tar-Rappreżentant Għoli biex titwaqqaf ċellola ta’ koordinament fi Brussell (EUCO Ħaiti) biex tiġi ffaċilitata reazzjoni Ewropea proattiva fil-qasam militari u tas-sigurtà;

6.  Jilqa’ l-impenji preliminari tal-Kummissjoni Ewropea għas-somma ta’ EUR 30 miljun f’assistenza umanitarja; madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Appell Rapidu maħruġ mill-OCHA għal USD 575 miljun għadu ġie ffinanzjat 47 fil-mija minnu biss f’dawk li huma kontribuzzjonijiet; jenfasizza li finanzjament bħal dan huwa kruċjali għas-sostenn fit-tul tal-operazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jonoraw għalkollox l-impenji li huma daħlu għalihom;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jonoraw l-impenji tagħhom tal-2009 għall-kanċellazzjoni tad-dejn internazzjonali ta’ Ħaiti inkluż id-dejn li l-pajjiż għamel wara l-2004; jisħaq li kull assistenza ta’ emerġenza minħabba t-terremot għandha tkun ipprovduta fis-sura ta’ għotjiet u mhux fis-sura ta’ self li jġib id-dejn;

8.  Jinsab imħasseb serjament minħabba l-iskarsezza tal-ikel, minkejja l-aqwa sforzi tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP); jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha li għandhom ħażniet militari jew oħrajn ta’ ikel lest għall-konsum (MRE’s, Meals Ready to Eat) biex jipprovdu assistenza addizzjonali lill-Programm Dinji tal-Ikel (WFP);

9.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li s’issa ngħataw madwar 40 000 tinda mill-komunità internazzjonali; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri biex iżidu dan il-għadd b'mod sinifikanti biex ikun ipprovdut kenn immedjat lill-miljun ruħ li huma kkalkulati li sfaw bla dar;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi assistenza loġistika immedjata lill-awtoritajiet Ħaitjani u lill-UNDP biex tassisti fit-twaqqif ta’ kampijiet għan-nies li huma spostati internament, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-assistenza medika u lill-faċilitajiet għall-ħarsien tas-saħħa;

11. Jinsab imħasseb li jrid jiġi pprovdut kenn intermedju u tranżizzjonali u dan fuq skala kbira qabel ma jidħol l-istaġun tal-uragani; jistieden lill-Istati Membri u lis-settur privat biex jassistu fil-kostruzzjoni ta’ dan il-kenn;

12. Itenni t-talba tas-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji għal vetturi li jittrasportaw il-fjuwil; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu assistenza addizzjonali għal provvisti ta’ trasport lejn il-kampijiet improvviżati, il-punti ta' distribuzzjoni u lejn il-bliet u l-irħula li jinsabu aktar ’il barra;

13. Jenfasizza l-importanza li tkun ipprovduta sigurtà adegwata għall-konvojs tad-distribuzzjoni tal-għajnuna bil-għan li jkun żgurat li l-provvisti jitqassmu b’mod ġust u kalm, partikolarment lill-persuni dgħajfa u lil dawk li għandhom l-akbar ħtiġijiet; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jibgħat 350 uffiċjal tal-pulizija militari biex jassisti fl-operazzjoni u li jibqa' għal-lest fil-każ li jinqala' l-bżonn ta' rinforzi;

14. Jappoġġa l-isforzi biex il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jitqiesu b’mod ġenerali fl-isforzi tal-għajnuna u l-kostruzzjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lir-romol u lis-37 000 mara tqila, li minnhom mill-inqas 1 500 se jinħtieġu kura speċjali;

15. Jappoġġa l-isforzi tal-UE biex tagħti spinta lill-produzzjoni tal-ikel fuq livell lokali billi tirriabilita l-infrastruttura li saritilha l-ħsara u billi l-materjal meħtieġ isir disponibbli għal dawk li għandhom impriża agrikola żgħira (żerriegħa, fertilizzant u għodod), b'mod partikolari għall-istaġun tat-tħawwil tar-rebbiegħa li jibda f'Marzu, li jifforma 60 fil-mija tal-produzzjoni nazzjonali tal-ikel;

16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel dak kollu li tista’ biex tappoġġa l-programmi fejn min jaħdem jitħallas fi flus kontanti, li huma importanti biex jiġu injettati l-flus fl-idejn fil-komunità, u biex tassisti fit-tħaddim mill-ġdid tas-sistema bankarja; jenfasizza li l-isforzi ta’ rikostruzzjoni jridu jitwettqu bil-konsultazzjoni mal-poplu Ħaitjan u bl-inklużjoni tagħhom;

17. Jinsab issollevat li l-problema tat-titjiriet li nżammu lura milli jidħlu Ħaiti qed tiġi solvuta u jesprimi l-fiduċja tiegħu li t-titjiriet umanitarji se jingħataw prijorità mill-esperti tan-NU u mill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru Amerikani li qed jikkoordinaw l-operazzjoni;

18. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fit-tul fil-kostruzzjoni ta’ bini li jkun reżistenti għat-terremoti u fl-infrastruttura bażika, bħal mhi l-provvista tal-ilma, it-toroq u l-elettriku, li jew ma kinux jeżistu jew li fil-biċċa l-kbira ma kinux biżżejjed qabel ma sar it-terremot, sitwazzjoni li tiggrava bl-ikreh l-impatt ta' diżastri naturali;

19. Jitlob li titlaqqa’ konferenza internazzjonali u li ssir Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet ta’ Wara d-Diżastru kkoordinata man-NU u l-Bank Dinji bil-għan li jiġu stabbiliti liema huma l-ħtiġijiet fit-tul tar-rikostruzzjoni ladarba tintemm l-operazzjoni tal-emerġenza;

20. Iħeġġeġ lill-UE biex taħdem mal-awtoritajiet Ħaitjani biex jiġu stabbiliti l-prevenzjoni tad-diżastri u l-immaniġġjar tal-kapaċità għal perjodu twil; jenfasizza li l-isforzi tar-rikostruzzjoni jridu jkunu bbażati fuq prijoritajiet nazzjonali, filwaqt li jkunu rrispettati l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna u filwaqt li jkun ipprovdut appoġġ għall-istituzzjonijiet ta’ Ħaiti biex ikunu jistgħu jiggvernaw b’mod effettiv;

21. Itenni t-talbiet tal-President tal-Kunsill biex tiġi stabbilita Forza ta’ Reazzjoni Rapida tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis il-ħolqien ta’ mekkaniżmu għas-semplifikazzjoni tar-riżorsi ċivili u militari tal-UE biex jiġu ffaċċjati l-emerġenzi umanitarji;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-President u lill-Gvern ta’ Ħaiti, lis-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Għajnuna ta' Emerġenza kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.