Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0076/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0076/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-terremot f'Ħaiti

3.2.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Charles Goerens, Louis Michel, Marielle De Sarnez, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0072/2010

Proċedura : 2010/2518(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0076/2010
Testi mressqa :
B7-0076/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0076/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-terremot f'Ħaiti

 

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata fil-25 ta' Jannar 2010 f'Montreal mill-"pajjiżi ħbieb" ta' Ħaiti,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2010 dwar it-terremot f'Ħaiti,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Straordinarju tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, li sar fi Brussell fit-18 ta' Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 214(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi qafas għall-kontribuzzjonijiet komuni filwaqt li jipprevedi korp volontarju Ewropew għall-għajnuna umanitarja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 214(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-azzjonijiet tagħha ta' għajnuna umanitarja jkunu koordinati u koerenti ma' dawk ta' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-proposti magħmula minn Michel Barnier, li fuq talba tal-Unjoni Ewropea, fassal ir-rapport tad-9 ta' Mejju 2006 dwar forza tal-protezzjoni ċivili Ewropea: "EuropeAid",

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 dwar il-bini ta' kapaċitajiet ta' protezzjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2003 dwar l-użu ta' mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili fil-ġestjoni tal-kriżijiet li ssir referenza għalih fit-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-elementi tal-inizjattiva "EU-FAST" proposta minn għadd ta' Stat Membri,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi terremot ta' 7.3 fuq l-iskala Richter laqat lil Ħaiti fit-12 ta' Jannar, u ħalla tal-inqas 150 000 ruħ mejta u 200 000 ruħ midruba, u li aktar minn 3 miljun ruħ ġew milquta direttament minn dan id-diżastru,

B.  billi t-Trattat ta' Lisbona kkonferixxa kompetenzi ġodda lill-Unjoni Ewropea u li, fil-konfront tat-traġedji, koordinazzjoni Ewropea toffri valur miżjud ovvju,

C. billi l-ewwel Konferenza internazzjonali dwar ir-rikostruzzjoni ta' Ħaiti se ssir f'Marzu fi New York, fejn jeħtieġ li tiġi ppjanata t-tranżizzjoni mill-għajnuna ta' emerġenza għall-investiment għal perjodu ta' żmien twil; jenfasizza li Ħaiti għandu bżonnijiet strutturali konsiderevoli, minħabba li dan il-pajjiż, li huwa wieħed mill-ifqar tad-dinja, irid jiġi mibni mill-ġdid fuq sisien sodi ta' governanza tajba u ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem,

D. billi l-komunità internazzjonali stipulat tliet għanijiet strateġiċi: it-tisħiħ tal-governanza demokratika f'Ħaiti; l-iżvilupp ekonomiku orjentat lejn it-tnaqqis tal-faqar u, fl-aħħar nett, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sistema ġudizzjarja, tas-sigurtà u tal-istat tad-dritt,

E.  billi l-Bank Dinji ppropona li jiġġestixxi fond wieħed għar-rikostruzzjoni,

F.  billi l-Unjoni Ewropea, fil-25 ta' Jannar iddeċidiet li tibgħat missjoni ta' bejn 300 u 350 pulizija militari f'Ħaiti, biex isaħħu lill-MINUSTAH, il-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-istabbilizzazzjoni ta' Ħaiti,

G. billi l-Unjoni Ewropea hi d-donatur ewlieni ta' għanjuna f'Ħaiti,

H. billi l-poplu ta' Ħaiti għandu dritt jibqa' sid tal-ġejjieni tiegħu u billi s-sovranità tal-pajjiż trid tkun irrispettata,

1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċiera, is-simpatija u s-solidarjetà tiegħu għall-poplu ta' Ħaiti, għan-nazzjonijiet l-oħra kollha li ġew milquta u għall-persunal tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-NU u l-Kummissjoni Ewropea, wara din it-traġedja tal-biża';

2.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tieħu inizjattivi konkreti biex tiżgura azzjoni koerenti u effikaċi fil-qasam ċivili u umanitarju, u jenfasizza li għandha tingħata l-prijorità lill-ħolqien ta' inizjattiva "EU-FAST", b'mod li l-UE tkun tista' tiġbor il-mezzi xierqa biex torganizza, fi żmien 24 siegħa wara diżastru, l-ewwel għajnuna umanitarja ta' emerġenza;

3.  Jenfasizza l-karatteristiċi ta' Mekkaniżmu Ewropew ta' Intervenzjoni Rapida:

· esklussivament ċivili u/jew umanitarju

· permanenti

· jista' jiġi mobilizzat f'kull waqt u fl-iqsar żmien possibbli

· jaġixxi taħt il-bandiera tal-Unjoni Ewropea

· jirrispetta d-Dritt Umanitarju Internazzjonali

· dispost li jikkopera ma' atturi umanitarji oħra

· lest li jikkopera mas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti

· dispost li jilqa' kontribuzzjonijiet ta' pajjiżi terzi

· jirrispetta l-karattru volontarju tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri għall-mekkaniżmu li jkun se jiġi stabbilit

· attent għat-titjib kontinwu tal-kapaċitjiet umani kif ukoll materjali li jkunu jistgħu jiġu mobilizzati fi kwalunkwe waqt li jkun meħtieġ

· ibbażat fuq il-prinċipju ta' "qsim tal-piżijiet";

4.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iħeġġu lill-Istati Membri biex jinformawhom bil-kapaċitajiet ta' intervenzjoni li huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' forza ta' intervenzjoni ċivili fl-inqas żmien possibbli;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex għal dan il-għan, iżżomm lista' aġġornata tal-kapaċitajiet meħtieġa fil-qasam tal-intervenzjoni ċivili u tal-għajnuna umanitarja ta' emerġenza;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-modalitajiet ta' intervenzjoni b'tali mod li l-kontribuzzjonijiet imħabbra mill-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu integrati fir-reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi li jistgħu jinqalgħu fil-ġejjieni;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-iqsar żmien possibbli tikkomunikalu l-fehmiet tagħha dwar l-ippjanar u l-koperazzjoni meħtieġa mal-atturi umanitarji l-oħra fil-livell dinji, u b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti;

8.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex teżamina possibilitajiet ta' koperazzjoni mal-NGOs;

9.  Jitlob lin-NU u lill-Bank Dinji biex jaġixxu f'kollaborazzjoni millqrib ma' Ħaiti bl-għan li jwettqu evalwazzjoni koordinata tal-bżonnijiet ta' wara d-diżastru u li jiggarantixxu l-effikaċja tal-għajnuna biex tkun żgurata r-rikostruzzjoni għal perjodu twil ta' żmien;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-Klabb ta' Pariġi biex jibdew negozjati mal-istituzzjonijiet xierqa sabiex jirrispettaw l-impenji li ħadu fl-2009 li jikkanċellaw id-dejn ta' Ħaiti, li jammonta għal USD 1 biljun; jenfasizza li l-għajnuna kollha fil-qasam tal-istabbilizzazzjoni u tar-rikostruzzjoni wara dan it-terremot għandha tingħata fil-forma ta' għotjiet u mhux f'self li jwassal għal aktar djun;

11. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna loġistika immedjata lill-awtoritajiet ta' Ħaiti u jitlob lill-UNDP biex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kampijiet għall-persuni spustati fin-naħa ta' ġewwa tal-pajjiż, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-għajnuna medika u lill-faċilitajiet tas-saħħa;

12. Jitlob lill-NGOs li qed jaħdmu favur il-protezzjoni tat-tfal, fosthom il-UNICEF, biex jagħtu prijorità lir-rijunifikazzjoni tal-familji fuq il-post f'Ħaiti, biex il-proċeduri ta' adozzjoni mibdija wara t-terremot ma jsirux ħlief jekk ma jkunx hemm soluzzjoni oħra, u li jekk isiru, għandhom isiru skont in-normi internazzjonali;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex isaħħaħ il-kontroll tal-effikaċja tal-għajnuna biex jintlaħqu l-għanijiet ta' rikostruzzjoni u ta' żvilupp sostenibbli li Ħaiti jeħtieġ b'mod urġenti;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-President u l-Gvern ta' Ħaiti, lis-Sottosegretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza tan-NU kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.