MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Iran
3.2.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Struan Stevenson, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ashley Fox, Michał Tomasz Kamiński, Konrad Szymański, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0078/2010
B7‑0078/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sitwazzjoni fl-Iran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni politika fl-Iran għadha sejra lura, bl-ebda indikazzjoni mill-gvern Iranjan li biħsiebu jindirizza t-tħassib minn madwar id-dinja kollha dwar il-leġittimità tal-elezzjoni li saret fl-2009;
B. billi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, minn keddiet żgħar lil minoranzi reliġjużi u etniċi sa proċessi politiċi, tortura u eżekuzzjoni ta' dissidenti politiċi, huma komuni;
C. billi l-Iran ikompli jagħti inkoraġġiment, tagħmir u finanzi lill-estremiżmu u t-terroriżmu mal-Lvant Nofsani kollu u jissokta jiddestabilizza t-tentattivi biex ir-reġjun jilħaq paċi dejjiemi;
D. billi hemm evidenza sostanzjali li tissuġġerixxi li l-Iran għadu għaddej bl-isforzi tiegħu biex jibni armi nukleari mingħajr ma jagħti kas la tal-obbligi tiegħu skont it-trattat tan-nonproliferazzjoni nukleari u lanqas tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li jordnawlu jieqaf mill-arrikkimanet tal-uranju;
E. billi għadd ta' pajjiżi Ewropej għamlu madwar EUR 65 biljun f'kummerċ mal-Iran f'dawn l-aħħar tliet snin;
1. Jikkundanna s-soppressjoni tad-demokrazija fl-Iran, b'mod partikolari n-nuqqas tal-libertà tal-espressjoni u l-abbuż, b'rutina, tad-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jopponu r-reġim;
2. Jiddeplora l-isskutar tar-rifjut min-naħa tar-reġim li jirrikonoxxi t-tħassib dwar il-leġittimità tar-riżultati mħabbra tal-elezzjonijiet;
3. Jikkundanna l-abbuż, b'rutina, tad-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jopponu r-reġim fl-Iran; isejjaħ biex il-gvern tal-Iran jikkommuta s-sentenzi kollha maqtugħa kontra dimostranti u biex jeħles lil dawk li jinsabu quddiem il-qrati jew fil-ħabs;
4. Jesprimi l-għadab tiegħu dwar l-eżekuzzjoni riċenti ta' dimostranti politiċi, u b'mod partikolari jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni fit-28 ta' Jannar 2010 ta' żewġ priġunieri politiċi talli 'organizzaw dimostrazzjonijiet ta' protesta' u talli kienu konnessi ma' 'rvelli riċenti', minkejja li kienu ġew arrestati xhur qabel id-dimostrazzjonijiet li saru mal-pajjiż kollu wara l-elezzjonijiet finta f'Ġunju 2009;
5. Jikkundanna t-tortura u l-proċessi politiċi tad-dimostranti miżmuma, kif ukoll li priġunieri sfaw imġegħla biex, bit-televiżjoni, jagħmlu ammissjonijiet ta' ħtija u akkużi foloz kontra gruppi tal-oppożizzjoni;
6. Jiddeplora l-istqarrijiet uffiċjali mill-ġudikatura Iranjana li kwalunkwe appoġġ lill-moviment ta' oppożizzjoni People's Mujahedin of Iran (PMOI) jew relazzjoni magħhom hija att ta' 'Moharabeh' (gwerra kontra Alla) u li, skont il-liġi kriminali Iżlamika, iġġib il-piena tal-mewt; jinnota li huwa ċar li dawn l-istqarrijiet iwittu t-triq għall-eżekuzzjoni ta' bosta dimostranti żgħażagħ;
7. Jikkundanna l-impożizzjoni b'rutina, u għal kollox inaċċettabbli, tal-piena tal-mewt fuq minorenni f'kull każ u, b'mod partikolari, fuq adulti li jinstabu ħatja ta' 'reati' li jinvolvu mġiba sesswali minuri li titqies ħażina jew orjentament sesswali, pożizzjoni li tikser l-obbligi legali internazzjonali tal-Iran;
8. Jesprimi tħassib gravi dwar l-arrest u s-sentenzi ta' ħabs fit-tul għal qraba ta' residenti tal-Kamp Ashraf, li l-offiża waħdanija tagħhom kienet li żaru l-familji tagħhom l-Iraq;
9. Jikkundanna l-istqarrija tal-President tal-Iran li fiha sejjaħ biex jinqered stat membru tan-NU, l-Iżrael, ksur ta' kull standard li jirregola r-relazzjonijiet internazzjonali paċifiċi, u, fl-interessi tal-paċi fil-Lvant Nofsani, isejjaħ biex il-President tal-Iran jitlob skuża u jirtira kull stqarrija provokanti bħal din;
10. Isejjaħ biex il-Gvern tal-Iran minnufih iwaqqaf l-appoġġ morali u materjali tiegħu għat-terroriżmu u l-estremiżmu, mogħti permezz ta' aġenti tiegħu f'Gaża, il-Libanu, l-Iraq, il-Jemen u pajjiżi oħra, b'mod partikolari l-appoġġ tiegħu għall-Ħamas u l-Ħiżballa fl-attentati kontinwi tagħhom biex jattakkaw liċ-ċivili f'Iżrael, kif ukoll l-appoġġ allegat tiegħu għal gruppi Xiiti radikali fl-Iraq, li mhux biss jattakkaw lit-truppi taż-żamma tal-paċi, imma jwettqu wkoll atroċitajiet kontra l-popolazzjoni ċivili tal-Iraq permezz tal-attakki suwiċida bil-bombi;
11. Isejjaħ biex il-Gvern Iranjan itemm l-isfrozi tiegħu biex jipproduċi armi nukleari u jiftaħ is-siti kollha għall-ispezzjoni, kif talbet l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA);
12. Jappoġġa l-isforzi internazzjonali biex jintensifikaw is-sanzjonijiet kontra l-Iran, inklużi friża tat-tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tal-Iran u mal-azjendi kkontrollati mill-Korp tal-Gwardja Revoluzzjonarja, issikkar ulterjuri tal-projbizzjoni tal-ivjaġġar internazzjonali u l-iffriżar tal-assi ta' individwi u kumpaniji identifikati, sakemm ma jkunx hemm tmiem tal-attivitajiet suspettużi tal-arrikkiment tal-uranju, ottemperanza totali mat-talbiet tal-IAEA u titjib immedjat fir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
13. Isejjaħ biex il-Gvern Ċiniż jappoġġa l-isforzi internazzjonali biex iżommu lura l-programm nukleari Iranjan;
14. Jiddeplora l-fatt li bosta pajjiżi Ewropej u kumpaniji individwali jkomplu jżommu rabtiet kummerċjali estensivi mal-Iran, li l-valur tagħhom stmat li jilħaq biljuni ta' euro kull sena; f'dan ir-rigward, jilqa' d-deċiżjoni ta' Siemens li sa nofs l-2010 ttemm it-tranżazzjonijiet tagħha mal-Iran, u jsejjaħ biex kumpaniji Ewropej oħra jagħmlu l-istess;
15. Isejjaħ biex l-Istati Membri jieqfu milli jibagħtu lill-Iran kwalunkwe tagħmir jew arma li tista' b'xi mod tintuża biex tissopprimi l-protesti fit-toroq;
16.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lid-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika u lill-Gvern u l-Parlament tar-Republika Iżlamika tal-Iran.